Messaġġ mill

Hon. Michael Falzon,

il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

It-trobbija hija mod kif ir-responsabbiltà tiġi mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra. Huwa permezz ta’ trobbija pożittiva tajba li t-tfal jitgħallmu jkunu empatiċi, ġentili u ta’ karattru morali tajjeb. It-tfal li qegħdin inrabbu llum se jkunu l-ħaddiema tal-ġenerazzjoni li jmiss. It-tfal li jħossuhom siguri jmorru aħjar fl-iskola u jippromwovu tmexxija tajba, fiduċja fihom infushom u kompetenza soċjali fis-soluzzjoni tal-problemi. Il-mod kif jitrabbew it-tfal se jkollu wkoll influwenza kbira fuq l-għażla tas-sieħeb/sieħba tagħhom u fuq it-tip ta’ familja li joħolmu li jibnu.

Għalhekk, it-trobbija għandha responsabbiltà kbira u hija indispensabbli għall-benesseri ta’ kulħadd, kif ukoll għal dak tas-soċjetà inġenerali. Madankollu, it-trobbija hija wkoll impenjattiva b’ħafna modi u l-ġenituri jridu jlaħħqu ma’ għadd ta’ sfidi meta jrabbu lil uliedhom. Dawn l-isfidi prinċipalment iduru madwar il-kapaċità tal-ġenituri li jagħtu prijorità lill-aħjar interessi tat-tfal, minħabba li jibnu relazzjonijiet pożittivi u siguri magħhom, relazzjonijiet li huma ħielsa mill-vjolenza u li jwasslu għall-aħjar żvilupp tagħhom. Dawn ir-relazzjonijiet affettivi jeħtieġ li jiġu estiżi wkoll għall-membri l-oħrajn tal-familja, biex b’hekk jgħinu lit-tfal jikbru f’ambjent ta’ trawwim, f’kuntest fejn iż-żewġ ġenituri jaraw lilhom infushom bħala ugwali u kapaċi jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-trobbija tat-tfal tagħhom. Sfidi oħrajn jinkludu pressjonijiet ekonomiċi li jiffaċċjaw għadd ta’ ġenituri, li jagħmluha saħansitra aktar diffiċli għalihom biex ilaħħqu mal-fatturi ta’ stress tat-trobbija.

Huwa għal din ir-raġuni li, bħala Ministeru, aħna impenjati bis-sħiħ li nappoġġjaw lill-ġenituri fl-isforzi tagħhom. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tagħti lill-familja f’termini ta’ benesseri tat-tfal, il-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Trobbija Pożittiva 2016-2024 għandha wkoll l-għan li tagħti vuċi lit-tfal u lill-ġenituri, u takkumpanjahom f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-familja.

Kif jista’ jidher mir-rapport li qed jiġi ppreżentat, qed nibdew l-appoġġ tagħna mill-bidu nett billi nintervjenu matul il-perjodu perinatali, meta l-ġenituri jkunu qed jistennew tarbija, u fil-perjodu ta’ wara t-twelid. Filwaqt li jibni fuq l-infrastruttura soda eżistenti fi ħdan is-Servizz tas-Saħħa, il-benesseri tat-tarbija u dak tal-ġenituri jissaħħaħ aktar billi jiġi offrut appoġġ terapewtiku lill-ommijiet u lill-missirijiet, li jistgħu jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Aħna qed nappoġġjaw ukoll il-benesseri relazzjonali tal-koppja f’sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri jkunu qed

jesperjenzaw xi diffikultà bħala koppja. L-istrateġija tagħna tfittex li tappoġġja lill-ġenituri, ikunu fejn ikunu fl-istadju tagħhom tat-trobbija ta’ uliedhom u kemm jista’ jkun kmieni. Din l-istrateġija qed tiġi implimentata wkoll flimkien mal-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali (2014-2024) u tagħti prijorità lil dawk il-ġenituri li diffiċli jintlaħqu.

Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lit-Taskforce interministerjali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija tat-Trobbija Pożittiva għall-ħidma tagħhom f’dawn l-aħħar erba’ snin. Minkejja l-isfidi li ffaċċjaw relatati mal-pandemija tal-COVID-19, huma komplew bil-ħidma tagħhom online u f’forma ibrida. Tabilħaqq, il-pandemija għamlitha saħansitra aktar ċara għalina lkoll biex napprezzaw kemm huma kruċjali l-ġenituri għat-tfal tagħhom u kemm huwa vitali l-appoġġ għall-ġenituri, speċjalment meta jkunu għaddejjin minn sitwazzjoni kritika. Nawgura li din il-ħidma mill-aqwa tkompli bil-qawwa, bil-kollaborazzjoni tal-professjonisti fil-qasam, u bil-kollaborazzjoni tal-ġenituri u tat-tfal infushom. Huwa biss meta naħdmu bħala tim li nistgħu niksbu affarijiet kbar!

Messaġġ mis-Sa

Ms Ruth Sciberras,

Chairperson ta’ Taskforce għal-Trobbija Pożittiva

It-tfal iġibu tant ferħ u tama fid-dinja u huma kruċjali għall-benesseri futur tas-soċjetà tagħna. L-ewwel snin tal-ħajja jistgħu jitqiesu bħala investiment kruċjali għall-benesseri tat-tfal u lil hinn. It-tfal jistgħu jiġu influwenzati faċilment u huma sensittivi ħafna għal dak kollu li jiġri madwarhom; huma faċilment jaqbdu d-differenzi fil-klima emozzjonali fir-relazzjonijiet u fil-kuntesti u xi drabi ma jkollhomx biżżejjed ħiliet biex jittrattaw emozzjonijiet kbar. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-iżvilupp u l-benesseri tagħhom.
Meta niġu għall-influwenzi fuq l-iżvilupp tat-tfal, huwa ġeneralment mifhum li l-aktar rwol importanti jappartjeni lill-ġenituri. Il-ġenituri huma l-akbar mudelli li jaffettwaw il-valuri u l-opinjonijiet tat-tfal, l-iżvilupp tal-personalità tat-tfal u l-akkwist ta’ drawwiet tajbin. L-isforzi tagħhom jiddeterminaw jekk il-potenzjal tat-tfal huwiex se jintlaħaq, u jekk it-tfal humiex se jikbru

f’adulti kuntenti u ta’ suċċess. L-istili tat-trobbija jvarjaw minn familja għal oħra; fil-fatt ma teżisti l-ebda regola tad-deheb unika tat-trobbija. Madankollu, huwa żgur li jeħtieġ li t-tfal jikbru mdawrin bl-imħabba, bl-attenzjoni, bl-istabbiltà u bl-inkoraġġiment. Barra minn hekk, relazzjoni pożittiva bejn il-ġenituri u t-tfal twitti t-triq għall-iżvilupp ta’ rabta sigura.
Bla dubju, kollha kemm aħna ġejna influwenzati mit-trobbija b’xi mod jew ieħor. Madankollu, minkejja s-sbuħija u s-sodisfazzjon tagħha, it-trobbija tista’ tkun vjaġġ pjuttost diffiċli – mill-mument li niddeċiedu li nsiru ġenituri sal-mument tat-twelid jew li niġu assenjati r-responsabbiltà ta’ wild, sakemm immutu. It-trobbija hija tabilħaqq esperjenza tul il-ħajja u, bħala ġenitur, inti titgħallem, tikber u tevolvi matul is-snin.
B’xorti tajba, il-ġenituri jistgħu jiġu appoġġjati matul dan il-vjaġġ ta’ rollercoaster mimli emozzjonijiet. Hemm abbundanza ta’ riċerka, esperjenzi tal-ħajja u appoġġ ibbażat fuq l-evidenza disponibbli. Lokalment, aħna xortina tajba li għandna diversi programmi speċjalizzati ta’ ħiliet fit-trobbija, servizzi perinatali, appoġġ wara t-twelid; il-lista hija infinita.
Il-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Trobbija Pożittiva 2016-2024 tlaqqa’ din l-informazzjoni kollha flimkien u tipprovdi direzzjoni ċara bbażata fuq ir-riċerka lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti. Hija tlaqqa’ flimkien il-Ministeri kollha u s-setturi kollha tas-soċjetà – it-Tfal u l-Familja, is-Saħħa, l-Edukazzjoni, il-Ġustizzja u s-Servizzi Soċjali – biex jikkondividu mira u viżjoni komuni lejn familji aktar b’saħħithom u soċjetà aktar b’saħħitha. Kull wild minuri huwa uniku u importanti. Din l-istrateġija tisma’ l-vuċi ta’ kull wild minuri u tirrepetiha f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Aħna nagħmlu dan bil-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha disponibbli – laqgħat, sessjonijiet online, xogħol ta’ grupp mat-tfal, riċerka u midja soċjali, fost l-oħrajn.
Nixtieq nirringrazzja lill-Onor. Ministru Dr Michael Falzon, il-Ministru għal-Politka Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal talli jemmen bis-sħiħ f’din l-istrateġija u talli nieda t-taskforce, li hija l-forza li tmexxi din l-istrateġija. Dan ir-rapport jenfasizza l-laqgħat, it-taħriġ, ir-riċerka u s-sensibilizzazzjoni mwettqa minn din il-taskforce u jippreżenta l-kisbiet kumplessivi sal-lum. Ir-rapport juri wkoll l-impenn u l-passjoni ta’ kull professjonist involut. Aħna impenjati li

nilħqu lil kull ġenitur u lit-tfal kollha fil-komunità tagħna u li nkunu hemm matul il-vjaġġ kollu tat-trobbija, irrispettivament mill-isfidi u d-diffikultajiet li tista’ tippreżenta l-ħajja.

Messaġġ mill

Professur Angela Abela

Jien naqbel ma’ Bowlby, li stqarr li jekk pajjiż jagħti valur lil uliedu, huwa jrid jgħożż lill-ġenituri tagħhom. Il-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Trobbija Pożittiva 2016-2024 għandha l-għan li tiffoka fuq dan l-isforz importanti billi tappoġġja lill-ġenituri jew lil persuni oħrajn nominati għal dan ir-rwol sabiex irabbu lit-tfal f’ambjent tal-familja affettiv u sigur.
Din l-Istrateġija hija bbażata fuq l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tat-Tfal (2012-2015) u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li Malta rratifikat fl-1990. Din hija inkorporata f’kuntest kulturali, fejn il-parteċipazzjoni tat-tfal u tal-ġenituri tingħata prijorità, u hija implimentata flimkien ma’ strateġiji importanti oħrajn, inkluża l-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali (2014-2024). L-Istrateġija tapprova wkoll l-ugwaljanza bejn il-ġenituri u tiffavorixxi miżuri favur il-familja li jagħtu s-setgħa liż-żewġ ġenituri biex jipparteċipaw fit-trobbija tat-tfal.

Hija tibni wkoll fuq l-infrastruttura tajba eżistenti tas-servizzi. Għadd ta’ interventi universali jibnu fuq is-servizzi li diġà qed jiġu offruti u jirrigwardjaw id-dipartimenti u l-ministeri u, b’hekk, joħolqu sinerġija aħjar bejn entità u oħra. Interventi mmirati huma partikolarment immirati lejn ġenituri li huma meqjusa diffiċli biex jintlaħqu u li huma aktar f’riskju. Daqstant importanti huwa l-intervent bikri minħabba l-importanza tal-iżvilupp tal-moħħ tat-trabi fl-ewwel 1000 jum. Dan kollu jeħtieġ żieda fil-professjonisti li jaħdmu mal-ġenituri, kif ukoll taħriġ speċjalizzat offrut lill-persunal professjonali li jaħdem mat-tfal u mal-familji.
It-trobbija pożittiva hija meqjusa bħala element kostitwenti importanti fis-soċjetà tagħna. F’dan ir-rigward, l-investiment f’dan il-qasam huwa meqjus bħala ta’ importanza kbira. L-Istrateġija hija favur politiki bbażati fuq l-evidenza

u għandha l-għan li tibni l-evidenza biex turi kemm huwa importanti tali investiment. Hija tiżgura li l-flus jiġu allokati fejn ikunu verament meħtieġa u li l-interventi jħallu l-frott.

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!