L-adolexxenti u s-‘Self Harm’. X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri? X’jista’ jkun utli jew mhux utli?

Fil-ħidma tiegħi mal-ġenituri, adolexxenti u tfal, il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha dejjem tibqa’ tema mill-aktar komuni. Il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha tista’ tkun esperjenza ta’ niket kbir għall-familja kollha. Niltaqa m’adolexxenti li jkunu qegħdin jesperjenzaw uġigħ u ansjetà kbira, kif ukoll ġenituri li jkunu jħossuhom ixxukkjati, konfużi u mitlufa dwar x’għandhom jagħmlu. F’dan il-blog, ser niffoka fuq x’tista tinkludi l-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha, l-esperjenza tal-ġenituri, pariri għall-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw lill-adolexxenti tagħhom li jagħmlu ħsara fuqhom infushom, u l-importanza li jiġi mfittex aktar appoġġ terapewtiku.

X’inhi l-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha?

Il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha tista’ tiġi deskritta bħala kwalunkwe ħsara li ssir fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha bl-intenzjoni li tikkawża uġigħ. Dan jista’ jinkludi grif, gdim, ħruq, qtugħ u użu ħażin ta’ sustanzi. Il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha hija differenti minn ħsibijiet suwiċidali u mis-suwiċidju nnifsu, peress li l-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha hija normalment imwettqa bl-intenzjoni li jiġu minsija d-dwejjaq għal perjodu qasir, sabiex dak/dik li jkun/tkun ikampa/tkampa meta jkun/tkun maħkum/maħkuma mill-emozzjonijiet. Madankollu, f’ċirkustanzi aktar kumplessi, il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha xorta waħda tista’ tirrelata ma’ ideat ta’ suwiċidju jew mas-suwiċidju nnifsu. Il-forom kollha ta’ ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha għandhom jittieħdu bis-serjetà u t-tfittxija t’appoġġ preventiv u/jew intervent bikri huwa kruċjali.

L-adolexxenti li jagħmlu ħsara lilhom infushom ġeneralment jesperjenzaw stress emozzjonali qawwi u jkollhom diffikultà fejn tidħol ir-regolazzjoni emozzjonali, flimkien mal-mod ta’ kif jiġu kkontrollati u affaċjati s-sentimenti. L-adolexxenti jesprimu sensazzjoni ta’ ‘ħelsien’ ladarba jwettqu l-ħsara fuqhom infushom, fil-forma ta’ rilaxx minn tensjoni intensa, uġigħ u dwejjaq. Ħafna drabi l-ħsara mwettqa minn dak/dik li jkun/tkun fuqu/fuqha nnifsu/nnifisha tgħin sabiex tgħatti l-uġigħ aktar profond li jkun hemm taħt il-wiċċ, u jista’ jitqies bħala forma t’eskejpiżmu mill-emozzjonijiet dominanti ferm. L-uġigħ fiżiku jsir distrazzjoni temporanja mill-uġigħ emozzjonali u jiżviluppa ċiklu vizzjuż t’eskejpiżmu.

Il-ħsara mwettqa minn dak/dik li jkun/tkun fuqu/fuqha nnifsu/nnifisha tista’ tikkontribwixxi għal żieda fit-tbiegħid u l-iżolament minn relazzjonijiet reali. Dan jenfasizza wkoll il-fiduċja negattiva li jkollu/jkollha dak/dik fih/fiha nnifsu/nnifisha li ma jkunx/tkunx denju/denja ta’ mħabba, kura, paċenzja u għajnuna. Il-ħsara mwettqa minn dak/dik li jkun/tkun fuqu/fuqha nnifsu/nnifisha tista’ wkoll titqies bħala forma ta’ kastig impost fuq dak/dik li jkun/tkun, li tkompli tipperpetwa ċ-ċiklu negattiv ta’ li tipprova tkampa b’mod inutli mal-emozzjonijiet. Barra minn hekk, il-ħsara mwettqa minn dak/dik li jkun/tkun fuqu/fuqha nnifsu/nnifisha jista’ wkoll ikun mezz ta’ disprament sabiex jiġi rkuprat xi forma ta’ kontroll dwar xi sitwazzjoni tal-ħajja li tkun tidher inkontrollabli, imprevedibbli jew insapportabbli.

Xi drabi, il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha tista’ titqies bħala sejħa għall-għajnuna, sejħa sabiex dak/dik li jkun/tkun jidher/tidher, u sejħa għall-konnessjoni. Huwa importanti ħafna li nersqu lejn l-oħrajn u li nappoġġjaw lill-persuna li jkun/tkun qed jagħmel/tagħmel ħsara lilu/lilha nnifsu/nnifisha sabiex ifittex/tfittex l-għajnuna. Hemm ħafna għajnuna disponibbli, u li sseħħ bidla huwa possibli. Dan jibda b’pass ċar ‘il quddiem sabiex tħobb lilek innifsek u tiżviluppa ħajja li tkun ta’ min jgħixha, li tkun ibbażata fuq relazzjonijiet b’saħħithom flimkien mal-appoġġ.

Liema sinjali ta’ dwejjaq jistgħu juru l-adolexxenti meta jkunu qegħdin iwettqu ħsara fuqhom infushom?

Il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha m’huwiex dejjem faċli li nindunaw biha, peress li ġeneralment tkun akkumpanjata minn ħafna mistħija u emozzjonijiet dominanti, bħal ħniena, solitudni, niket u ansjetà fost oħrajn. Barra minn hekk, l-adolexxenti jistgħu jkunu jħossuhom mistħija li jiftħu qalbhom dwar il-fatt li jkunu qegħdin jagħmlu ħsara lilhom infushom. Minħabba f’hekk, jista’ jinzerta li ċertu ġenituri ma jkunux konxji ta’ dak li jkun għaddej fil-ħajja tal-adolexxenti tagħhom. Huwa għalhekk li relazzjoni sigura u ġenwina bejn il-ġenituri u l-adolexxenti hija daqshekk kruċjali. Il-komunikazzjoni mal-adolexxenti b’mod ħieles minn kull ġudizzju u apert jista’ jgħinhom sabiex iħossuhom aktar siguri li jiżvelaw il-ħsibijet, is-sentimenti u l-problemi tagħhom.

Xi sinjali possibli ta’ ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha jistgħu jinkludu mġieba aktar riservata, li jiġu evitati interazzjonijiet mal-ħbieb u mal-membri tal-familja, li jintlibsu aktar ħwejjeġ bil-komma twila għall-iskop li jitgħattew il-feriti, marki fiżiċi mingħajr spjegazzjoni bħal ħruq, qtugħ jew tbenġil, tbajja tad-demm fuq il-ħwejjeġ u karti assorbenti mċappsin bid-demm, żieda fis-sentimenti ta’ dwejjaq, nuqqas t’interess fit-twettiq t’attivitajiet li qabel kienu jnisslu ferħ, motivazzjoni baxxa b’mod ġenerali, sens t’iżolament akbar, flimkien ma’ sentimenti ta’ falliment, rabja u nuqqas ta’ tama fost oħrajn.

Bħala ġenituri huwa kruċjali li wieħed/waħda iżomm/iżżomm f’moħħu/moħħha l-konnessjoni bejn il-moħħ u l-ġisem. Il-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha tista’ tkun konnessa ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, flimkien ma’ problemi tal-benesseri emozzjonali, kif ukoll relazzjonali. Tabilħaqq, il-vulnerabbiltà għall-ħsara mwettqa minn dak/dik li jkun/tkun fuqu/fuqha nnifsu/nnifisha tista’ sseħħ permezz ta’ diversi fatturi ndividwali, familjari u soċjali, bħal fiduċja baxxa li jkollu/jkollha dak/dik fih/fiha nnifsu/nnifisha, kwistjonijiet tal-ibbulijar, disturbi fir-rutina tal-ikel, kunflitti fil-familja, użu ħażin minn sustanzi, abbuż, influwenzi tal-midja soċjali u oħrajn. Il-ħsara mwettqa fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha ħafna mid-drabi tkun tifforma parti żgħira mill-fatturi kollha konċernati rispettivament, u wara din l-imġieba dejjem ikun hemm xi ħaġa li tkun qed tinfluwenza b’mod neġattiv il-benesseri tal-adolexxenti. Meta niskopru xi jkun qiegħed jiġri fuq livell aktar profond, speċjalment permezz tat-terapija, dan jgħinna sabiex inkunu nistgħu ninvestu f’benesseri emozzjonali aħjar.

X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri ladarba jiskopru li l-adolexxenti tagħhom ikunu qegħdin iwettqu l-ħsara fuqhom infushom?

Mill-esperjenza terapewtika tiegħi, ħafna ġenituri jesperjenzaw sentimenti ta’ xokk, inkredibbiltà, dwejjaq, ħtija, rabja u konfużjoni ladarba jiskopru li l-adolexxenti tagħhom ikunu qegħdin iwettqu ħsara fuqhom infushom. Din it-taħlità t’emozzjonijiet tista’ tkun verament ta’ piż fuq il-persuna, u huwa importanti li l-ġenituri jsibu spazju sigur sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw u jimmaniġġjaw dawn is-sentimenti. Dawk il-ġenituri li jkunu kapaċi jipproċessaw, jirriflettu u jkampaw ma dawn l-emozzjonijiet ta’ sfida u problemi fir-relazzjonijiet, ikollhom probabbiltà akbar li jkunu sors ta’ sapport u ta’ kontroll għall-adolexxenti tagħhom. Bħala ġenituri, jista’ jservi ukoll t’għajnuna li nżommu f’moħħna kemm ikunu qegħdin jissieltu magħhom infushom fil-verità l-adolexxenti meta jispiċċaw iwettqu ħsara fuqhom infushom stess. L-adolexxenti jistgħu ukoll jibbenefikaw minn iżjed sapport sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu mezzi aktar b’saħħithom ta’ kif ikampaw. Għalhekk, li dak/dik li jkun/tkun jibqa’/tibqa’ kalm/a (kemm jista’ jkun possibli), iħobb/tħobb u li jkun/tkun miftuħ/a għall-komunikazzjoni huwa minnu nnifsu ta’ valur sinifikanti.

Sabiex il-ġenituri jkunu sors t’appoġġ għall-ġenituri tagħhom, l-ewwelnett iridu jkunu huma nfushom f’post stabbli u sigur fejn ikunu jistgħu ħsieb sew tal-bżonnijiet tagħhom stess u jerġgħu jirkupraw l-enerġija tagħhom lura. Il-ġenituri huma mħeġġa li jieħdu sehem f’attivitajiet li jkunu jieħdu pjaċir jagħmlu, li jieħdu xi ftit tal-ħin liberu mix-xogħol, li jwettqu xi forma t’eżerċizzju, li jippruvaw jieklu ikel bnin u sustanzjuż, li jżommu rutina tajba tal-irqad, li jkollhom grupp għall-appoġġ, kif ukoll li jkollhom ħiliet pożittivi ta’ kif jaffaċċjaw emozzjonijiet qawwija ta’ dwejjaq. Li jiddeċiedu li jmorru għat-terapija tista’ tkun ukoll mod ta’ kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom, filwaqt li jimmudellaw imġiba tajba għall-adolexxenti tagħhom.

Allura, apparti li jibqgħu kalmi kemm jista’ jkun, x’jistgħu jagħmlu aktar il-ġenituri sabiex jappoġġjaw lill-adolexxenti tagħhom?

L-adolexxenti jimxu ‘l quddiem meta jingħataw appoġġ emozzjonali. Huwa dejjem utli li turi lit-tfal adolexxenti tiegħek li inti qiegħed/qiegħda hemm għalihom, akkost ta’ kollox, kif ukoll li inti qiegħed/qiegħda fiżikament, kif ukoll emozzjonalment, disponibbli sabiex jitkellmu magħkom. M’għandkomx għalfejn tħossukom intimidati mill-apparat teknoloġiku. Fejn tidħol il-ġenerazzjoni tal-lum xi kultant l-adolexxenti jistgħu jsibuha aktar faċli li jitkellmu u jiftħu qalbhom miegħek dwar id-diffikultajiet tagħhom billi jibgħatu messaġġi fuq il-mowbajls tagħhom jew permezz ta’ taħdidiet onlajn fuq il-laptops tagħhom. Li tħalli messaġġi t’appoġġ permezz ta’ sticky notes li jenfasizzaw il-preżenza konsistenti u l-imħabba tiegħek għalihom jista’ jkun ukoll mezz ta’ kif turi li l-ħin kollu tkun qed taħseb fihom. Messaġġi sempliċi bħal : “Jien qiegħed/qiegħda hawn għalik kull meta tkun tħoss il-ħtieġa li titkellem”, “Jien inħobbok dejjem jiġri x’jiġri”, “Inti jistħoqqlok li tkun maħbub/auInti m’intix qiegħed/qiegħda waħdek”, jista’ jgħin lill-adolexxenti sabiex iħossuhom aktar sikuri li jibdew, jew ikomplu, jitkellmu miegħek dwar id-diffikultajiet tagħhom.

Il-ġenituri jistgħu jagħtu eżempju ta’ trasparenza u onestà billi jkunu sinċieri dwar l-inkwiet tagħhom fir-rigward ta’ li jkunu skoprew li l-adolexxenti tagħhom jkunu qegħdin iwettqu l-ħsara fuqhom infushom. Huwa importanti li dan isir b’mod empatiku aktar milli bil-għan li jikkastiga jew li jżid mal-piż ta’ dak/dik li jkun/tkun. Il-ġenituri jistgħu jgħarrfu ukoll lill-adolexxenti li l-problemi li jkunu għaddejjin minnhom jafu jkunu jidhru insapportabbli bħalissa u li inti ser tkun hemm għalihom matul dan il-vjaġġ. Li tagħtihom tama realistika u li tirrikonoxxi li l-emozzjonijiet kollha jiġu u jmorru bħal mewġa jaf ikun ukoll benefiċċjali.

Jista’ jkun utli ukoll għall-ġenituri li jfakkru lill-adolexxenti fis-sbuħija u l-kwalitajiet tajbin tagħhom billi jgħidulhom dan verbalment permezz ta’ tifħir jew billi jiktbuhom fil-forma ta’ lista. Din il-lista tkun tista’ mbad tingħata lill-adolexxenti matul żminijiet diffiċli sabiex tfakkarhom kemm huma kapaċi fil-verità, anke jekk forsi ma jkunux qegħdin iħossuhom hekk bħalissa. Apparti minn hekk, li xi kultant noqgħodu ħdejn xulxin fis-skiet u li nitgħannqu flimkien jista’ jkun ukoll ta’ faraġ.

Barra minn hekk, bl-assistenza ta’ psikologu jew psikoterapista, il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tfal adolexxenti tagħhom sabiex jiffurmaw pjan ta’ x’jistgħu jagħmlu meta jkunu qegħdin iħossu l-ġibda li jwettqu l-ħsara fuqhom infushom. Ħiliet aktar benefiċċjali għas-saħħa li wieħed/waħda jista’/tista’ jipprova/tipprova jwettaq/twettaq jistgħu jinkludu li tikteb u żżomm ġurnal tas-sentimenti tiegħek, tpenġi, tpitter, iddoqq il-mużika, iżżomm silġa f’idejk sakemm tinħall, iżżomm ħolqa tal-lastku mal-polz t’idejk u tfaqqagħha mal-ġilda tiegħek kull darba li jerġa jibda dieħel il-ħsieb ta’ ħsara fuqek innifsek, tieħu banju jew doċċa, twettaq eżerċizzji intensivi, tagħmel il-yoga, tikkomunika mal-familjari u mal-ħbieb, kif ukoll li tqatta’ ħin qalb in-natura u mal-annimali. Huwa importanti li wieħed/waħda jinnota/tinnota li dawn il-mekkaniżmi ta’ kif taffaċċja l-affarijiet jista’ jkun li mhux dejjem jaħdmu kif suppost, u li wieħed/waħda m’għandux/għandhiex jaqta’/taqta’ qalbu/qalbha.

Bħala ġenituri, jista’ jagħti l-każ li jkollna miljun mistoqsija u emozzjoni għaddejjin, iżda madanakollu huwa importanti li nieħdu nifs, innaqqsu l-pass u nwettqu kemm jista’ jkun smigħ attiv. Is-smigħ attiv jinvolvi li nisimgħu dak kollu li jkunu qegħdin jgħidu l-adolexxenti, verbali u mhux verbali, u li nagħtu importanza lis-sentimenti tagħhom. Jista’ jkun li ma jkunux iriduk li mall-ewwel tibqa’ sejjer/sejra dritt sabiex tintlaħaq soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr, jew li toqgħod tistaqsi ħafna mistoqsijiet. Minflok, dak li verament ikollhom bżonn huwa xi ħadd li jismagħhom/tismagħhom mingħajr ebda ġudizzju jew rabja, u li jkun/tkun jista’/tista’ jurihom/turihom li huma maħbubin. Li jippruvaw jifhmu s-sentimenti u l-perspettivi differenti tagħhom jaf jgħin lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu juru aktar mogħdrija għal dak li jkunu għaddejjin minnu l-adolexxenti. Jista’ jkun utli ukoll li wieħed/waħda jifhem/tifhem il-kuntest soċjali differenti li għall-adolexxenti nfushom jifforma parti minn ħajjithom, u li xi taqbidiet li huma jesperjenzaw jistgħu jkunu kompletament differenti minn dak li aħna, bħala ġenituri, konna esperjenzajna meta konna għadna adolexxenti aħna stess. 

Iddiskuti mal-adolexxenti tiegħek dwar metodi ta’ kif tkampa li huma aktar benefiċċjali għas-saħħa, flimkien ma’ dak li inti forsi kont tissielet miegħu meta kont iżgħar mill-età u dak li inti kont sibt utli għalik. Jekk inti tagħżel li tiżvela l-esperjenzi personali tiegħek, kun ċert/ċerta li inti tkun qiegħed/qiegħda tuża l-iżvelar tal-informazzjoni personali tiegħek bħala mezz ta’ kif toffri l-appoġġ tiegħek lill-adolexxenti u sabiex tkun tista’ turihom li inti lest/a li tiftaħ qalbek u tipprova tifhem il-pożizzjoni tagħhom. L-iżvelar tal-informazzjoni personali tagħna bħala ġenituri ma jkunx utli biss meta jsir bi skop ta żvog u meta jitwettaq mingħajr ebda konsiderazzjoni. L-adolexxenti jkomplu jibbenefikaw ukoll meta huma jħossuhom validati u rikonoxxuti matul kwalunkwe esperjenzi li jkunu għaddejjin minnhom.

Jista’ jkun li xi kultant il-ġenituri jkollhom bżonn li jassiguraw lill-adolexxenti li huma qegħdin hemm għalihom u li huma b’saħħithom biżżejjed sabiex jappoġġjawhom. Dan huwa xi jfisser essenzjalment li tkun ġenitur li tkun hemm għalihom irrispettivament minn x’jinvolvi l-vjaġġ minnu nnifsu. Żomm f’moħħok li l-ħsara fuq dak/dik li jkun/tkun innifsu/innifisha mhijiex tort tiegħek jew tort tal-adolexxenti. Pjuttost, il-ħsara mwettqa minn dak/dik li jkun/tkun fuqu/fuqha nnifsu/nnifisha tista’ titqies bħala forma t’għadu li xi kultant jieħu l-kontroll fuq dak/dik li jkun/tkun, u li jkun jeħtieġ li jiġi kkontrollat u mwaqqaf kemm jista’ jkun malajr billi jiġu żviluppati mezzi alternattivi ta’ kif wieħed/waħda ikampa/tkampa. 

Apparti min hekk, it-tfittxija t’appoġġ terapewtiku tibqa’ xi ħaġa kruċjali. It-terapija tkompli sservi t’għajnuna sabiex dejjem intejbu l-għarfien dwarna stess, l-istima personali tagħna u l-imħabba lejna nfusna. B’konsegwenza t’hekk, l-adolexxenti jkunu jistgħu jkomplu jingħataw appoġġ sabiex jiżviluppaw relazzjonijiet aktar sodi magħhom infushom u mal-oħrajn. Il-ġenituri jistgħu ukoll jingħataw appoġġ terapewtiku permezz ta’ li jiġu mgħejuna jifhmu dak li jistgħu jkunu għaddejjin minnu l-adolexxenti, flimkien ma’ li tiġi ffaċilitata komunikazzjoni aktar effettiva.

Filwaqt li huwa importanti li tkun teneru/tenera, dirett/diretta u ta’ sostenn meta tkunu qegħdin tikkomunikaw dwar kwistjonijiet serji ta’ dan it-tip, huwa importanti wkoll li tiftakar u tagħmel mezz sabiex ikollkom opportunitajiet fejn tirrilassaw u tieħdu gost flimkien. Mhux kull konversazzjoni jeħtieġ li tkun dwar il-ħsara mwettqa minn dak/dik li jkun/tkun fuqu/fuqha nnifsu/nnifisha, jew fir-rigward tal-esperjenzi ta’ sfida li jkun/tkun għaddej/għaddejja minnhom dak/dik li jkun/tkun. Li xi kultant b’mod konxju tieħu pawsa qasira minn emozzjonijiet u esperjenzi ta’ ċertu toqol huwa fil-fatt benefiċċjali immens għal aktar trawwim u riforniment. Dan jista’ jinkludi li toħorġu għal xi mixja flimkien, taraw xi film, tmorru tieħdu xi ħaġa ħafifa tal-ikel, u li ssajru flimkien.

Ħsibijiet finali

Bħala ħsibijiet tal-aħħar, nixtieq nenfasizza l-valur li tkunu preżenti, li tikkomunikaw mal-adolexxenti tagħkom fuq bażi ta’ kuljum, li tirriflettu fuq l-imġiba, l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħkom bħala ġenituri, flimkien ma’ li tkunu disponibbli b’mod mimli mħabba u ġenwin dwar dak li tkunu qegħdin tosservaw. L-adolexxenti m’għandhomx bżonn ta’ ġenituri perfetti. L-adolexxenti għandhom bżonn ta’ ġenituri tajbin biżżejjed li qatt ma jaqtgħu qalbhom minnhom u li juruhom li jistħoqqilhom li jkunu maħbubin. Ejjew inżommu f’moħħna li l-adolexxenza huwa perjodu pjuttost partikolari u ta’ sfida, u li l-adolexxenti jibbenefikaw minn ġenituri li jkunu jistgħu jservu bħala dawl ta’ ġwida fi żminijiet aktar mudlama. Jinħtieġ il-kuraġġ sabiex tkun tista’ tiffjorixxi (Dhiman). 

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!