Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, f’kollaborazzjoni mal-Positive Parenting Malta u mad-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja fi ħdan il-Fakultà għall-Ġid Soċjali fl-Università ta’ Malta, qed jiffinanzja u jiffaċilita l-Programm PasP. Dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern biex jissaħħu r-relazzjonijiet fil-familja, bħala pedament għall-benesseri u l-iżvilupp tat-tfal. Din l-inizjattiva qed tittieħed fid-dawl tar-riċerka tad-PhD li għamlet Dr Ingrid Lanfranco, li wriet l-effettività tal-programm fuq il-benesseri tat-tfal u tal-familji fil-kuntest Malti.
Il-Programm “Parents as Partners” (PasP) huwa inizjattiva bbażata fuq l-evidenza li għandha l-għan li tappoġġja koppji b’tfal żgħar biex jiżviluppaw relazzjonijiet aktar b’saħħithom kemm bħala ġenituri kif ukoll bħala koppja. Dan il-programm jirrikonoxxi l-impatt li għandha l-kwalità tar-relazzjoni tal-koppja fuq l-iżvilupp tat-tfal, u jagħti l-għodod u l-ħiliet meħtieġa lill-ġenituri biex jikkomunikaw b’mod effettiv, isolvu kunflitti b’mod kostruttiv, u joħolqu ambjent familjari li jrawwem u jinkoraġġixxi.
Il-Programm PasP jikkonsisti b’sessjonijiet ta’ sagħtejn kull ġimgħa maqsum fuq 16-il ġimgħa, u jipprovdi spazju sigur u ta’ sostenn fejn il-koppji jistgħu jesploraw id-dinamika tagħhom bħalha koppja, tar-relazzjoni tagħhom u l-oqsma fejn jistgħu jitjiebu. Il-programm hu mmexxi minn kliniċisti mħarrġa u b’esperjenza, li jiggwidaw lill-koppji skont il-bżonnijiet tagħhom.
Il-programm jinkoraġġixxi lill-koppji biex jirriflettu fuq l-interazzjonijiet tagħhom – mhux biss bħala sieħba imma wkoll fir-rwol tagħhom bħala ġenituri. Billi jiffokaw fuq id-dinamika tar-relazzjoni tagħhom, il-koppji jiksbu għarfien dwar kif l-imġiba u l-istil ta’ komunikazzjoni tagħhom jaffettwaw il-benesseri emozzjonali u psikoloġiku tat-tfal tagħhom. Il-PasP jgħin lill-ġenituri jiżviluppaw approċċ magħqud fit-trobbija tagħhom, u b’hekk inaqqas l-istress ikkawżat mill-kunflitti fil-ħajja tal-familja.
Wara li nstab li dan il-programm għandu impatt pożittiv, il-Ministeru u Positive Parenting qablu mad-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja biex jitħarrġu faċilitaturi tal-programm. Din l-inizjattiva, immexxija minn Dr Ingrid Lanfranco, ġiet approvata mill-Kumitat tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programm Akkademiku tal-Università ta’ Malta.
L-għan ta’ Positive Parenting Malta huwa li jkabbar il-programm PasP sabiex aktar koppji madwar Malta jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-esperjenza trasformattiva matul is-snin bikrin tant kruċjali tal-ġenituri tagħhom. Il-viżjoni fit-tul hi li l-PasP isir inizjattiva nazzjonali, bil-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem u diversi entitajiet oħra biex jappoġġjaw lill-ġenituri.
Sa minn meta tnieda, il-Programm PasP diġà mexxa żewġ taħriġijiet għal gruppi ta’ faċilitaturi u tliet gruppi ta’ ġenituri – bir-raba’ grupp se jibda dalwaqt – u dan juri kemm hu effettiv u kemm hemm id-domanda għal dan it-tip ta’ taħriġ dejjem qed tikber. Ir-riċerka tkompli tappoġġja l-idea li l-investiment fir-relazzjonijiet ta’ koppji jtejjeb il-kwalità tal-ġenituri, u b’hekk iwassal għal ambjent familjari aktar stabbli għat-tfal.
Bil-bażi soda ta’ evidenza u netwerk dejjem jikber ta’ faċilitaturi mħarrġa, Positive Parenting Malta qed tħares ‘il quddiem biex testendi aktar il-programm PasP, sabiex aktar familji madwar Malta jkollhom aċċess għal dan l-appoġġ. Billi jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-koppji, il-PasP mhux biss qed jgħin lill-ġenituri jlaħħqu mal-isfidi tat-trobbija, iżda qed tiżgura wkoll li t-tfal jikbru f’ambjent aktar armonjuż u emozzjonalment sigur.

