Il-Konferenza dwar il-Benesseri Perinatali għall-Ommijiet u l-Missirijiet

F’Marzu saret konferenza bit-titlu “Il-Benesseri Perinatali għall-Ommijiet u l-Missirijiet”, bħala parti mill-Istrateġija għall-Ġenituri Pożittivi. Matul dan l-avveniment, ġie ppreżentat il-proġett pilota mwettaq b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanita’ Attiva.

Il-konferenza qasmet is-sejbiet ta’ studji li saru, li żvelaw li 1 minn kull 5 ommijiet taffaċċja sfidi relatati mas-saħħa mentali matul il-perjodu perinatali, filwaqt li bejn 5% u 15% tal-missirijiet jesperjenzaw ansjetà jew dipressjoni.

Intqal li l-proġetti pilota li involva lill-ommijiet, kemm qabel kif ukoll wara t-twelid, wrew li l-appoġġ psikoterapewtiku minn terapisti tal-familja, kif ukoll interventi minn ostetriċi speċjalizzati, għamlu differenza sinifikanti għall-benesseri mentali tal-ommijiet. Fil-każ tal-missirijiet li kellhom bżonn għajnuna terapewtika, it-terapija tal-familja wriet li kellha riżultati pożittivi. Intervisti mal-missirijiet żvelaw li, minkejja reżistenza inizjali għat-terapija, l-esperjenza kienet ta’ benefiċċju personali, kif ukoll għar-relazzjoni mas-sieħba tagħhom u d-dinamika tal-familja b’mod ġenerali.

Fi messaġġ tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal: “Snin ilu, dan il-Gvern emmen f’din il-mixja, u għalhekk ipprovdejna r-riżorsi akkademiċi u finanzjarji kollha meħtieġa. Mhux biss żammejna r-ritmu tul is-snin, imma komplejna ninvestu u noffru aktar servizzi lill-ġenituri ġodda – servizzi li huma faċli biex jiġu aċċessati, milqugħa u li wieħed jista’ jipparteċipa fihom, anke mill-kumdità ta’ daru wara t-twelid tat-tarbija.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela enfasizza li l-prevenzjoni hi ċ-ċavetta għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Permezz ta’ interventi f’waqthom, l-isfidi tas-saħħa mentali jistgħu jiġu indirizzati b’mod effiċjenti u sostenibbli, u dan iwassal għal benefiċċji sostanzjali għall-ġenituri u l-familji. Huwa rringrazzja lill-professjonisti tax-xogħol iddedikat tagħhom.

“Il-pass li jmiss hu li nkomplu naħdmu mal-professjonisti biex niddiskutu r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-istudji differenti u nimxu lejn l-implimentazzjoni tagħhom – sabiex nassiguraw il-benesseri mentali tal-familji li qed jgħaddu minn dan l-istadju importanti tal-ħajja. Dawn il-kollaborazzjonijiet bejn entitajiet differenti huma essenzjali, hekk kif jgħinuna nkomplu ntejbu s-servizzi u r-riżultati relatati mas-saħħa mentali tal-familji Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Fid-diskors tagħha, Ruth Sciberras qalet li Positive Parenting Malta kburija li kienet parti minn dan il-Proġett Pilota Perinatali, li b’mod ċar wera kif appoġġ bikri bbażat fuq l-evidenza jista’ jagħmel differenza konkreta fil-ħajja tal-familji. Hija qalet: “Il-bidla għall-aħjar sseħħ meta s-setturi differenti jaħdmu flimkien. Ir-riċerka tikkonferma li meta s-servizzi tas-saħħa, soċjali u komunitarji jikkollaboraw, il-familji jesperjenzaw riżultati aħjar.”

Aktar Qari

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!