Ħobb, ħobb, ħobb … kif trawwem relazzjoni aktar soda bejn l-aħwa – X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri sabiex ikunu t’għajnuna

Peress li Frar huwa x-xahar li fih niċċelebraw Jum San Valentinu, ħsibt li jkun xieraq li niffoka fuq tip differenti t’imħabba li jistħoqqilha aktar ċelebrazzjoni u għarfien … ir-relazzjoni u l-imħabba bejn l-aħwa. Bħala omm ta’ żewġt itfal żgħar, nista’ nifhem minn perspettiva aktar personali li hija l-ħolma ta’ kull ġenitur li jaraw lit-tfal tagħhom jingħaqdu, jilgħabu u jitkellmu flimkien. Fil-prattika tiegħi, diversi ġenituri jiġu sabiex jitolbu xi tip ta’ gwida professjonali dwar kif wieħed/waħda jista’/tista’ jissapportja/tissapportja lit-tfal tagħhom f’li jiżviluppaw relazzjoni pożittiva mill-bidu. F’dan il-blog, nixtieq naqsam magħkom xi suġġerimenti ġenerali li l-ġenituri għandhom jikkunsidraw.

Għaliex huwa importanti li tinħoloq rabta pożittiva bejn l-aħwa?

Ir-riċerka tissuġġerixxi kif il-familja għandha rwol pjuttost kbir fil-benesseri u fl-iżvilupp ta’ dak/dik li jkun/tkun, mill-aspetti tal-iżvilupp fiżiku għar-repertorju emozzjonali u soċjali. Ir-relazzjonijiet ta’ bejn l-aħwa jistgħu jkunu sors ieħor pożittiv ta’ sikurezza u sigurtà. Li tkun taf li ħuk/oħtok iħobbok/tħobbok, li qiegħed/qiegħda hemm sabiex jisimgħek/tisimgħek u li dejjem qiegħed/qiegħda hemm għalik jista’ jagħtik aktar kunfidenza sabiex tħobb lilek innifsek u sabiex tesplora d-dinja ta’ madwarek. Xi kultant l-aħwa jistgħu jsibuha aktar faċli sabiex l-ewwel jiftħu qalbhom ma’ xulxin, peress li jkunu jistgħu jifhmu aħjar ir-realtajiet soċjali li huma jkunu qegħdin jaffaċċjaw ta’ kuljum. L-aħwa li huma akbar ikunu jistgħu ukoll jiġu mqisa kultant bħala mudelli eżemplari mill-kontropartijiet iżgħar tagħhom. Ir-riċerka tenfasizza wkoll kif, irrispettivament mill-età, rabta eqreb ta’ bejn l-aħwa hija assoċjata ma’ aktar empatija, sensittività u ħiliet soċjali.

It-trawwim ta’ relazzjoni pożittiva tal-ko-ġenituri.

Li jkun hemm relazzjoni pożittiva tal-ko-ġenituri tgħin lit-tfal sabiex iħossuhom aktar sikuri u kalmi. Il-ġenituri jistgħu jipprovdu mudell ta’ kif tkun tidher relazzjoni b’saħħitha lil uliedhom. It-tfal b’hekk ikunu inqas inkwetati dwar x’jista’ jkun qiegħed iseħħ fir-relazzjoni tal-ġenituri tagħhom, fejn dan iħalli aktar enerġija għall-esplorazzjoni u għat-tfittix ta’ konnessjoni relazzjonali aktar pożittiva. Huwa importanti ħafna li l-ġenituri jikkomunikaw ma’ xulxin u li jwasslu l-istess messaġġ lit-tfal tagħhom sabiex jevitaw kwalunke diviżjoni jew dilemmi fejn tidħol il-lealtà. Mhijiex ir-responsabbiltà tat-tfal li jagħżlu bejn il-ġenituri tagħhom. Iż-żewġ ġenituri huma ta’ valur, u jista’ jkollhom post uniku fil-qalb u fil-ħajja t’uliedhom.

Oqgħod attent/a u osserva liem’attivitajiet it-tfal tiegħek jieħdu ġost jilgħabu flimkien.

Meta l-ġenituri jinnutaw liem’attivitajiet jieħdu pjaċir jilgħabu flimkien uliedhom, huma jkunu f’pożizzjoni aħjar li joffru aktar opportunitajiet lill-uliedhom ta’ dawn il-forom ta’ logħob. Per eżempju, iż-żewġt ibniet tiegħi bħalissa t-tnejn l’huma iħobbu l-unicorns u jinvolvu ruħhom f’ħafna logħob simboliku, speċjalment meta jkunu disponibbli props sempliċi, bħal kaxxi tal-kartun u kuluri. Li tippermettilhom l-ispazju li jilgħabu waħedhom u li jiffurmaw konnessjoni flimkien jservi t’appoġġ għar-relazzjoni ta’ bejn l-aħwa. Nipprova wkoll nżomm f’moħħi u nagħmel sforz li nfaħħarhom meta ninnota ħlewwa bejniethom, li jagħtu ċans lil xulxin u daħk ma’ xulxin. It-tfal jieħdu ġost wisq bl-attenzjoni pożittiva, u meta tiġi enfasizzata l-imġiba pożittiva tiżdied il-probabbiltà li din terġa sseħħ. Dan jgħin ukoll sabiex jgħinhom jagħrfu l-kwalitajiet sbieħ tagħhom u jikkontribwixxi lejn il-bini ta’ stima personali b’saħħitha.

Li tinkoraġġixxi lill-aħwa sabiex jipparteċipaw f’attivitajiet li jirrikjedu sforz konġunt huwa wkoll ta’ valur sabiex tkun tista’ titrawwem relazzjoni aktar b’saħħitha. Per eżempju, li jibnu torri bil-blokok tal-ġuġarelli flimkien jew li jibnu kastell bil-kaxxi tal-kartun, li jpittru flimkien fuq biċċa karta mdaqqsa, li jaħmu l-biskuttini/gallettini, u li jieħdu ħsieb ta’ xi ġnien. L-aħwa x’aktarx li jħossuhom kburin ferm peress li jkunu ħolqu xi ħaġa flimkien u jkunu jħossuhom rikonoxxuti, kif ukoll jekk ikunu ġew imfaħħrin, mill-ġenituri tagħhom.

Il-promozzjoni ta’ attivitajiet divertenti bħala familja fejn l-aħwa jkunu fuq tim wieħed u l-ġenituri jkunu fuq it-tim l-ieħor. Meta l-aħwa jkollhom aktar opportunità li jaħdmu ma’ xulxin, aktar milli kontra xulxin, huma jkollhom probabbiltà akbar li jibnu l-konnessjoni tagħhom ma’ xulxin u li jingħaqdu flimkien. Il-ġenituri jkunu jistgħu, bħala eżempju, jikkreaw xi treasure hunt għall-aħwa sabiex isolvuha flimkien, jew jagħtuhom xi proġett sabiex jaħdmu fuqu ma’ xulxin, bħal li jorganizzaw il-garaxx, jew li jaħslu l-karozza u jingħataw pocket money flimkien ma’ xi benefiċċji talli jkunu wettqu dan, fejn huma jkunu jistgħu jużawhom flimkien.

Bħala ġenitur, dak/dik li jkun/tkun jeħtieġ/teħtieġ ukoll li jfassal/tfassal is-superviżjoni skond l-età tal-aħwa nfushom. Għall-aħwa li jkunu għadhom pjuttost żgħar fl-età jaf ikun utli li tkun fl-istess kamra magħhom u li taqsam l-osservazzjonijiet tiegħek dwar x’ikun qiegħed jseħħ meta jinqala’ xi nuqqas ta’ qbil. Huwa importanti li tiftakar li għat-tfal iż-żgħar il-kunċett tal-qsim hija xi ħaġa aljena; fejn bħala alternattiva, huwa ferm aktar utli li huma jiġu introdotti għall-kunċett li jistennew u jagħtu ċans lil xulxin. Tista’ wkoll tiddiskuti magħhom diversi għażliet sempliċi sabiex ikunu jistgħu jiġu solvuti l-problemi li jinqalgħu u tgħinhom sabiex jilħqu kompromess. Meta l-affarijiet jikbru lil’hinn mill-kontrol tagħna, li tagħtihom spazju minn xulxin sabiex ikunu jistgħu jikkalmaw huwa kruċjali. Per eżempju, jekk wieħed/waħda mill-aħwa ikun/tkun qiegħed/qiegħda tweġġa lill-ieħor/oħra minkejja l-aħjar interventi tiegħek, jaf ikun t’għajnuna li tisseparahom għal mument sakemm ikunu iżjed kalmi, fejn imbad tkunu tisgħu titkellmu flimkien billi jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom b’mod aktar b’saħħtu. Dawn huma lkoll ħiliet soċjali importanti li fl-aħħar mill-aħħar ser jgħinuhom matul ħajjithom.

In-nuqqas ta’ qbil u l-kunflitt bejn l-aħwa hija xi ħaġa li għandha probabilità kbira li sseħħ u li minnha nnifisha wkoll tista’ tinftiehem. Ix-xogħol tagħna bħala ġenituri huwa li ngħinu lill-aħwa sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw in-nuqqas ta’ qbil tagħhom b’mod b’saħħtu u jkampaw magħhom bl-aħjar mod possibli. Sabiex tappoġġja dan il-proċess, huwa l-ewwelnett utli li nkunu konxji tal-emozzjonijiet tagħna bħala ġenituri, li nkunu nistgħu nieqfu u li nagħżlu kif nirrispondu aktar milli sempliċement nirreaġixxu. Meta nirrispondu minn post aktar kalm dan jippermettilna li nkunu nistgħu nikkontrollaw lit-tfal tagħna aħjar, fejn dan ikompli jinfluwenza b’mod pożittiv l-abbiltajiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaffaċjaw emozzjonijiet varji, inklużi r-rabja u d-diżappunt. Il-ġenituri jistgħu jappoġġjaw lil uliedhom billi jisimgħu l-perspettiva ta’ kull tifel/tifla, filwaqt li joqgħodu lura milli jieħdu naħa partikolari u jippruvaw jesploraw għażliet ta’ kif jista’ jintlaħaq kompromess. Li jkun hemm limiti ċari dwar kif l-aggressjoni u l-vjolenza m’humiex aċċettabli huwa wkoll ferm importanti. Per eżempju, wieħed/waħda jista’/tista’ jgħid/tgħid – “Hija xi ħaġa li tinftiehem li tħossok irrabjat/a bħalissa, iżda fl-istess ħin, m’huwiex aċċettabli li erfajt idejk fuq oħtok. Li terfa’ idejk qatt m’hu sew.

Li tkun mudell t’empatija u t’appoġġ. Meta t-tfal jikbru f’ambjent fejn huwa sigur u aċċettabbli li wieħed/waħda jesprimi/tesprimi l-emozzjonijiet tiegħu/tagħha, ikollhom probabbiltà akbar li jiftħu qalbhom dwar il-ferħ u l-problemi tagħhom. Bħala ġenituri aħna nistgħu nappoġġjaw l-iżvilupp ta’ relazzjoni pożittiva bejn l-aħwa billi ngħinu lil kull wieħed/waħda mit-tfal tagħna sabiex jifhmu l-valur tal-empatija, billi l-ewwelnett, tkun empatiku magħhom, u anke tgħinhom sabiex jifhmu kif ħuthom/oħthom ikunu qegħdin iħossuhom f’dik is-sitwazzjoni. Bħala ġenituri, huwa utli li noħolqu ambjent li jinkoraġġixxi l-komunikazzjoni, flimkien ma’ li nappoġġjaw lill-aħwa li jieħdu interess fil-ħajja u fl-interessi ta’ xulxin. Per eżempju, il-ġenituri jistgħu jinkoraġġixxu lill-aħwa sabiex jattendu għall-attivitajiet ta’ xulxin, bħal kompetizzjonijiet sportivi u kunċerti. Li twarrab il-ħin apparti bil-għan li l-aħwa jkunu jistgħu jqattgħu dak il-ħin flimkien tista’ tkun ukoll idea sabiħa. It-tnejn l’huma jistgħu jagħtu ċans lil xulxin sabiex jaħsbu fuq dak li ħuhom/oħthom l-ieħor/l-oħra jieħu/tieħu gost jagħmel/tagħmel, u jqattgħu l-ħin flimkien b’dan il-mod. Bħala ġenituri, intom tistgħu ukoll trawmu l-komunikazzjoni bejn l-aħwa permezz tal-immudellar u tat-tagħlim tal-ħiliet tas-smigħ b’mod attiv. Agħmel enfasi fuq l-importanza li l-aħwa jagħtu każ tal-ideat u tal-emozzjonijiet ta’ xulxin.

Offri appoġġ lill-aħwa sabiex jirrispettaw dejjem il-limiti ta’ xulxin, flimkien mal-ħtieġa tagħhom għall-ispazju u l-privatezza. It-tfal kollha jibbenefikaw meta jkollhom ħin waħedhom u ħin iddedikat ma’ kull ġenitur. Dan jista’ jgħin lil kull wieħed/waħda mit-tfal sabiex iħossuhom aktar meqjusa u speċjali, filwaqt li anke jagħti l-opportunità li jiftħu aktar qalbhom dwar dak kollu li jista’ jkollhom fuq moħħhom. Jista’ jagħti l-każ li bħala ġenituri intom tkunu tistgħu tiddiskutu flimkien dwar kif tagħtu ċans lil xulxin sabiex tqattgħu ħin separatament ma’ kull wieħed/waħda mit-tfal tagħkom – fejn dan ikompli jrawwem rapport pożittiv bejn il-ġenitur u t-tifel/tifla, kif ukoll bejn l-aħwa. Dan jista’ wkoll ikompli inaqqas il-probabbiltà li t-tfal iħossu l-ħtieġa li jikkompetu għall-attenzjoni tal-ġenituri tagħhom, peress li jkunu jħossu li dan il-bżonn ikun qiegħed jiġi sodisfatt fuq bażi aktar regolari. Jista’ jkun ukoll t’għajnuna li tiddiskuti mal-aħwa l-importanza li jitolbu l-permess qabel ma jużaw l-oġġett/ġuġarell ta’ ħuthom. Li jħabbtu qabel ma jidħlu fil-kamru tas-sodda ta’ ħuthom, speċjalment fil-każ tat-tfal li jkunu akbar fl-età jew adolexxenti, jista’ jkun ukoll mod ieħor ta’ kif jintwera rispett fir-rigward tal-privatezza u sabiex jiġi evitat il-kunflitt.

Enfasizza u apprezza l-uniċità ta’ bejn l-aħwa.

Bħala ġenituri aħna nistgħu ngħinu billi nsibu l-ħin li fih inpoġġu fi kliem il-qawwiet u l-uniċità ta’ kull wieħed/waħda mill-aħwa mingħajr ma noqogħdu nidħlu fl-ebda paragun. Sabiex nippromwovu l-iżvilupp pożittiv tal-istima personali, huwa importanti li bħala ġenituri aħna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu sabiex ma nqabblux flimkien lit-tfal tagħna u l-abbiltajiet tagħhom. Sfortunatament, meta nqabblu lill-aħwa flimkien dan jista’ jkollu impatt negattiv, peress li dan minnu nnifsu jista’ jinkoraġġixxi l-għira, ir-riżentiment u r-rivalità bejn l-aħwa. Nifhem li din hija xi ħaġa li nsibu lilna nfusna nagħmluha kważi awtomatikament. Fl-istess waqt, paraguni bħal dawn ma jgħinux lit-tfal tagħna fl-istima personali tagħhom infushom u lanqas fir-relazzjoni ta’ bejn l-aħwa nfushom. Bħala ġenituri għandna nuru lit-tfal tagħna li kull wieħed u waħda minnha għandna saħħiet u kwalitajiet uniċi, fejn għandna ninkoraġġuhom sabiex irawmuhom u jiżviluppawhom. Li napprezzaw l-uniċità ta’ xulxin jippromwovi benesseri aħjar.

Inkoraġġixxi rutina ta’ qabel l-irqad fejn l-aħwa jkunu jistgħu jirrilassaw flimkien, jitgeddsu u jgħidu l-lejl it-tajjeb. Bħala ġenituri tistgħu ukoll tiddeċiedu li taqrawlhom l-istejjer tagħhom ta’ flgħaxija jew ta’ qabel ma jorqdu lkoll flimkien, speċjalment jekk l-aħwa jkunu t’età simili. Jekk le, tistgħu ukoll tħeġġu lill-aħwa l-kbar sabiex jaqraw lill-ħuthom iżgħar hekk kif ikun wasal ħin l-irqad. Ideat oħrajn jistgħu jinkludu li jgħannqu lil xulxin, li jkantaw xi għanja ħelwa li tgħin għall-irqad, u li jagħtu lil ħuthom xi ġuġarelli rotob taċ-ċarruta sabiex jorqdu bihom. Il-prattika ta’ dawn l-ideat tista’ tgħin sabiex tkompli tissoda r-rabta ta’ bejn l-aħwa nfushom.

Fl-aħħarnett, għalkemm jista’ jkun li t-tfal mhux dejjem japprezzaw is-sbuħija li jkollok ħuk jew oħtok, speċjalment meta jkunu jixtiequ l-istess ġuġarell jew meta jkunu jridu jaraw programmi differenti tat-televiżjoni fl-istess ħin, hija parti mill-ħidma tagħna bħala ġenituri li nuruhom u nitkellmu magħhom dwar kif ċertu ħbieb jistgħu jiġu u jmorru, iżda madankollu ħuk jew oħtok jistgħu jkunu l-aqwa ħabib jew ħabiba tiegħek matul ħajtek kollha. Personalment, meta nara liż-żewġt ibniet tiegħi jilgħabu u jidħku flimkien iqanqalli ferħ tassew f’qalbi, u jegħleb bil-bosta l-frustrazzjoni tal-battibekki tagħhom ta’ kuljum. Iġegħelni nħossni kburija bl-isforzi konsistenti tal-familja tiegħi sabiex nibnu relazzjonijiet familjari dejjem aktar siguri.  

Niftakru li ħuk/oħtok huwa/hija xi ħadd li jkun/tkun għex/għexet miegħek matul tant esperjenzi tal-ħajja, u li jkun/tkun jaf/taf x’ifisser li tkun tagħmel parti mill-familja tiegħek. L-imħabba ta’ bejn l-aħwa tista’ tkun tabilħaqq tip speċjali t’imħabba unika, u waħda mill-akbar barkiet għat-tfal tagħna. Maġenb xulxin jew mili ‘l bogħod minn xulxin, l-aħwa huma konnessi flimkien mill-qalb.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

X’jgħallmuna t-tfal lilna l-ġenituri dwar il-ħajja?

Ħafna mill-blogs u l-informazzjoni li jeżistu jiffukaw fuq kif aħna nistgħu niddixxiplinaw lil uliedna b’mod pożittiv sabiex nappoġġjaw it-tkabbir u l-iżvilupp tagħhom. Madanakollu, f’dan il-blog xtaqt li nidħol aktar fil-fond f’suġġett aktar importanti –...

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!