Evalwazzjoni tal-Kampanja
ta’ Trobbija Pożittiva
Dr. Vincent Marmara, Konsulent tar-Riċerka u tal-Istatistika
Il-kampanji ta’ trobbija pożittiva għandhom it-tendenza li jħallu impatt fost il-ġenituri. Minn stħarriġ trażversali reċenti, irriżulta li parti notevoli mill-popolazzjoni tal-ġenituri sabet li tali kampanji kienu effettivi. Barra minn hekk, meta r-rispondenti ġew mistoqsija “X’tiftakar l-aktar minn tali kampanji?”
L-aktar tweġiba popolari għal din il-mistoqsija kienet “Li tqatta’ aktar ħin ta’ kwalità ma’ uliedek”. Oħrajn qalu “Kif tibni relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal”, “Kif tkun ġenitur aħjar”, “Il-mod kif teduka lit-tfal tiegħek”, “Kif tkun pożittiv(a) mat-tfal tiegħek”. Dawn kienu kollha messaġġi pożittivi li tali kampanji ffokaw fuqhom. Il-fatt li l-ġenituri qed jiftakru dawn il-messaġġi importanti dwar it-trobbija jagħti aktar evidenza dwar kemm tali kampanji huma utli u dwar l-importanza tagħhom fis-soċjetà tagħna.

Sa issa ġew organizzati tliet kampanji mit-Taskforce għat-Trobbija Pożittiva
Waħda mill-ewwel inizjattivi tat-Taskforce kienet li tniedi serje ta’ kampanji fost il-pubbliku ġenerali dwar l-importanza tat-trobbija pożittiva skont waħda mill-miżuri tal-istrateġija.
Sa issa tnedew tliet kampanji. L-użu tal-lingwa Maltija u tal-lingwa Ingliża kien biex tintlaħaq il-popolazzjoni kollha ta’ Malta. It-tagline għall-kampanji kienet KUN IL-ĠENITUR / BE THE PARENT.
L-Ewwel Kampanja












L-ewwel kampanja ffokat fuq it-trobbija pożittiva u t-tfal żgħar. Saret enfasi fuq l-importanza li l-ġenituri jqattgħu ħin ta’ kwalità mat-tfal tagħhom u jkunu fiżikament preżenti biex jagħtu kashom, jisimgħuhom, iħeġġuhom, iħobbuhom u jappoġġjawhom fl-iżvilupp tagħhom. Din il-kampanja għamlet użu prinċipalment minn billboards, programmi tat-televiżjoni u mir-radju.
Linji popolari tal-kampanja kienu:
- Qattajt ħin ma’ wliedek illum?
- Għedtilhom lil uliedek li tħobbhom?
- Smajthom lil uliedek?
- Kont ta’ eżempju tajjeb għal uliedek?
It-Tieni Kampanja










It-tieni kampanja ffokat fuq it-trobbija pożittiva u l-adolexxenza. L-adolexxenza hija magħrufa li hija żmien partikolarment diffiċli għat-trobbija, minħabba li l-adolexxenti jistgħu jagħmlu ħilithom biex ikunu indipendenti, iżda fl-istess ħin, xorta jeħtieġu l-ħin, l-imħabba, l-istabbiltà u l-bażi sigura tas-sistema tal-familja tagħhom.
F’din il-kampanja sar aktar investiment fuq il-paġna ta’ Positive Parenting Malta fuq Facebook li, kif għandu jiġi spjegat aktar ’l isfel, ġiet stabbilita wkoll. L-għan kien li jintlaħqu aktar ġenituri li ġejjin minn strati differenti tas-soċjetà. Ir-reklami televiżivi enfasizzaw kemm hija importanti t-trobbija pożittiva fil-fażijiet differenti tat-trobbija. Ingħatat ukoll importanza lill-awtokura tal-ġenituri nfushom, lir-relazzjonijiet ta’ trobbija konġunta pożittiva u lill-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ rabta sigura fit-tfal. Ittellgħu posts dwar kif l-adolexxenti jiġu appoġġjati fl-istima tagħhom infushom, fi kwistjonijiet emerġenti ta’ sesswalità, l-użu tas-sustanzi, il-bullying u l-ħbiberiji, fost l-oħrajn. Kompliet tingħata aktar prominenza lir-rwol speċjali tal-missirijiet fit-trobbija.
Linji popolari tal-kampanja kienu jinkludu:
- Nemmnu fik
- Dejjem hawn għalik Kburin bik
- Inħobbuk
- Nafu li qed tikber u nafdawk
It-Tielet Kampanja










It-tielet kampanja bħalissa qed tiffoka fuq il-perjodu perinatali u t-trobbija pożittiva. Ir-riċerka tkompli turi kemm huma kruċjali l-perjodu perinatali u l-intervent bikri għall-benesseri tal-familji u tas-soċjetà b’mod ġenerali. Din il-kampanja qed taħdem mill-qrib mas-Servizz tas-Saħħa Mentali Perinatali fl-Isptar Mater Dei u mal-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali tal-Ġenituri u tat-Trabi biex tkompli toffri edukazzjoni psikoloġika u appoġġ lill-ġenituri.
Il-posts fuq Facebook jiffokaw fuq varjetà ta’ kwistjonijiet li huma pertinenti matul il-perjodu perinatali, inkluża l-importanza li wieħed iħares lejn is-saħħa mentali tal-ġenituri, li tiġi żviluppata relazzjoni ta’ trobbija konġunta pożittiva u li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ rabta sigura mat-tarbija. Barra minn hekk, fit-tielet kampanja ntużaw ukoll żewġ influwenzaturi bħala midjum; dawn kienu s-Sur Ben Camille u s-Sa Jennifer Dimech. L-influwenzaturi qed isiru dejjem aktar popolari fil-kultura tagħna u t-Taskforce dwar it-Trobbija Pożittiva tagħmel ħilitha kollha biex tagħmel użu minn kwalunkwe xejra attwali għall-vantaġġ tagħha biex tqajjem kuxjenza akbar dwar il-valur kbir tal-iżvilupp ta’ relazzjoni pożittiva bejn il-ġenituri u t-tfal.
Ikkuntattjana
Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!
