Il-Programm ‘Parents as Partners’, issa ser ikun offrut fuq livell nazzjonali wara li twettaq b’suċċess il-proġett pilota li beda fl-2023. Programm li ħalla impatt pożittiv u li huwa ddisinjat sabiex jgħin lill-koppji b’tfal żgħar isaħħu r-relazzjoni tagħhom kemm bħala ġenituri kif ukoll bħala koppja.
Il-programm jagħraf li l-kwalità tar-relazzjoni tal-koppja għandha impatt dirett fuq l-iżvilupp tat-tfal. Għaldaqstant kull koppja li għandha trabi u tfal taħt it-tliet snin, jistgħu japplikaw b’xejn għal dan il-programm ta’ 16 il-ġimgħa, mħaddem minn professjonisti fil-qasam, u li se jkun bla ħlas.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn stqarr ukoll li issa dan il-programm infetaħ għal koppji li għandhom trabi sa taħt it-tliet snin. ”Bħala Gvern qed inkomplu nżidu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ kwalità tal-familji. Fl-istess waqt qed inniedu programmi bħal dan li jservi ta’ spazju sigur fejn koppji jistgħu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Dan il-programm jgħin sabiex issaħħaħ il-kommunikazzjoni u jisimgħu lil xulxin b’mod aktar effettiv, u fuq kollox, jippromwovi ambjent ta’ stabbiltà, imħabba u serħan il-moħħ għat-tfal tagħhom. It-tfal huma l-qalba ta’ dan kollu—għax meta l-ġenituri isibu l-appoġġ, it-tfal jirnexxu.
Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA), Ruth Sciberras qalet li ser jingħata servizz b’xejn ta’ babysitting għal meta l-ġenituri jattendu dawn is-sessjonijiet. Kull minn huwa interessat jista’ jibgħat messaġġ fuq il-profil ta’ Facebook, Positive Parenting. Is-sessjonijiet ta’ taħriġ isiru darba fil-ġimgħa, sessjonijiet ta’ sagħtejn online, flimkien ma’ sessjonijiet oħra li jsiru fiżikament.
Intant, f’Jannar li għadda, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal ta taħriġ lil numru ta’ terapisti, li sar mill-Fakultà tad-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja tal-Università ta’ Malta.

