Servizz terapewtiku u ta’ sostenn għall-familji fi stadji prenatali u postnatali tnieda b’mod uffiċjali. Dan is-servizz speċjalizzat joffri appoġġ emozzjonali u psikoloġiku kemm lill-ommijiet kif ukoll lill-missirijiet matul il-fażijiet delikati u trasformattivi tat-tqala u l-vjaġġ tat-trobbija.
Is-servizz huwa maħsub biex joffri appoġġ matul il-perjodu perinatali – żmien li jinkludi mit-tqala sa sena wara t-twelid. Għalkemm dan il-perjodu spiss jiġi deskritt bħala wieħed ta’ ferħ, għal 1 minn kull 5 nisa jista’ jkun ukoll immarkat b’dipressjoni, ansjetà u trawma.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, flimkien ma’ Positive Parenting Malta, li se tmexxi dan is-servizz f’Malta.
Il-Ministru Michael Falzon ddeskriva din it-tnedija bħala riflessjoni tal-impenn kontinwu tal-Gvern lejn il-benesseri tal-familja, is-saħħa mentali u l-intervent fi stadju bikri. “Qed nibnu sistema li tirrikonoxxi s-saħħa mentali perinatali bħala prijorità. Kull familja tista’ tibbenefika minn dan is-servizz, flimkien ma’ screening bikri li jgħin biex jiġu identifikati ċerti kundizzjonijiet emozzjonali,” qal il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, ic-Chairperson ta’ Positive Parenting, Ruth Sciberras, tkellmet dwar kif dan is-servizz ġdid hu frott ta’ kollaborazzjoni bejn Positive Parenting Malta, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja fl-Università ta’ Malta, u s-Servizz tas-Saħħa Mentali Perinatali fl-Isptar Mater Dei.
“Illum jimmarka mument sinifikanti fil-vjaġġ ta’ pajjiżna lejn soċjetà li mhux biss tilqa’ l-ħajja, iżda tgħożżha u tappoġġjaha b’mod konkrett. Soċjetà li tħares mhux biss lejn it-tfal, imma wkoll lejn il-ġenituri li qed irabbuhom – billi toffrilhom l-għodda u l-appoġġ li għandhom bżonn”.

