Il-missirijiet moderni u t-trobbija tat-tfal. Kif inbidel l-irwol tal-missier matul is-snin? X’jistgħu joffru l-missirijiet fejn jidħol l-iżvilupp tat-tfal?

M’hemm l-ebda dubju li aktar ma jgħaddi ż-żmien, qed ikun żieda fir-riċerka li tenfasizza l-irwol uniku u l-importanza li għandhom il-missirijiet fit-trobbija u fl-iżvilupp tat-tfal. Jien inħossni fortunata li r-raġel tiegħi jipprova jagħmel minn kollox sabiex ikun missier interattiv u involut. Inħoss li naqsmu ħafna mill-piż involut flimkien bħala ġenituri, u li nwettqu l-almu kollu tagħna sabiex nappoġġjaw il-ħolm ta’ xulxin. Il-motivazzjoni tiegħi sabiex nikteb dan l-artiklu seħħet primarjament hekk kif kont qiegħda ninnota r-reazzjoni ta’ nies u ġenituri oħrajn għall-involviment konsiderevoli ta’ żewġi, speċjalment meta kont imbiegħda mid-dar għal xi ftit tal-jiem minħabba impenji marbuta max-xogħol. Huwa pjuttost interessanti kif, anke llum il-ġurnata, ħafna nies iħossuhom mistagħġbin kif l-irġiel jistgħu jkunu l-unika persuni li jieħdu ħsieb tat-tfal tagħhom meta l-omm, għal xi raġuni jew oħra, ma tkunx preżenti.

It-tibdil fl-irwol tal-missirijiet matul is-snin

Dan ġagħlni naħseb dwar kif aktar għarfien u psikoedukazzjoni jistgħu jkunu utli sabiex tiġi appoġġjata ż-żieda fl-involviment tal-missier. Tradizzjonalment, fil-biċċa l-kbira tal-kulturi, inkluż f’Malta, li tkun missier kienet iżjed dwar li dak li jkun jaħdem u jmur għax-xogħol sabiex ikun jista’ jitma u jipprovdi għall-familja, flimkien ma’ li jkollu karattru ta’ dixxiplina stretta. Fl-imgħoddi, kien aktar komuni għat-tfal li jkunu jibżgħu minn missierhom u li jobdu għal dak kollu li jgħid mingħajr ebda mistoqsija. Illum il-ġurnata, is-soċjeta qiegħda tipprova tippromwovi dejjem iżjed naħa aktar ġentili tal-missirijiet – billi tenfasizza l-valur li jkunu aktar f’kuntatt mal-aspett emozzjonali tagħhom, filwaqt li jkomplu jrawmu relazzjoni aktar posittiva ma’ wliedhom. Fejn tidħol it-trobbija pożittiva tal-ulied, dan jinkludi li jkun hemm id-dixxiplina b’imħabba; dixxiplina b’mod rispettuż u komunikattiv, billi jiġu implementati konsegwenzi naturali minflok kastigi.

Il-missirijiet huma importanti daqs l-ommijiet. Żieda fir-riċerka tkompli turi l-benefiċċji konsiderevoli li jkun hemm missier involut u li jkun hemm relazzjoni pożittiva tal-ġenituri flimkien. Il-missirijiet m’għandhomx jidhru biss bħala babysitters, iżda bħala ġenituri li minnhom infushom għandhom irwol uniku x’joffru. Issir ħafna enfasi fuq l-idea dwarl-fatt li tkun omm hija xi ħaġa intrinsika u istintiva. Alternattivament, ma tantx tisma’ diskors dwar kif il-paternità hija wkoll xi ħaġa instintiva, u dwar kif il-missirijiet jesperjenzaw ukoll bidliet bioloġiċi, inkluż tnaqqis fit-testosterone u żieda fl-ormoni li jġagħluhom iħossuhom tajjeb. Il-missirijiet, meta jkunu lesti li jaċċettaw l-irwol, u meta jingħataw l-appoġġ meħtieġ, huma kapaċi bħala ġenituri daqs kemm jafu jkunu l-ommijiet u jistgħu jipprovdu ambjent tajjeb ta’ trawwim għal uliedhom. Huma wkoll għandhom rwol uniku fit-trobbija.

Il-bidliet fil-moħħ u fl-ormoni tal-missirijiet

Ħafna mir-riċerka u materjal psikoedukattiv huwa ġeneralment iffukat fuq il-maternità. Madankollu, aktar studji qegħdin jiskopru kif il-missirijiet jgħaddu ukoll minn diversi bidliet fit-transizzjoni tagħhom sabiex isiru ġenituri, fejn dawn jinkludu wkoll bidliet ormonali. Il-missirijiet għandhom it-tendenza li juru żieda fl-ormon msejjaħ ‘oxytocin’, li minnu nnifsu huwa marbut ma’ aktar ġentilezza, kura u mħabba. Iż-żieda fil-kuntatt mat-tarbija x’aktarx li jżid il-livell ta’ dan l-ormon fil-missirijiet. Żieda fl-oxytocin tista’ tkun marbuta wkoll ma’ probabbiltà ogħla ta’ trobbija aktar posittiva u sensittiva. Dit-tip ta’ trobbija għandha aktar ċans li tappoġġja l-iżvilupp ta’ relazzjoni mfassla b’mod aktar sigur bejn il-missier u t-tfal.

L-importanza tas-saħħa mentali tal-missirijiet waqt it-tqala u fl-ewwel sena ta’ wara t-twelied

Qed isir ħafna għarfien fuq l-importanza tas-saħħa mentali tal-ommijiet, speċjalment fil-perjodu ta’ qabel it-twelid u fl-ewwel sena tat-tarbija, u bir-raġun. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jkun hemm ukoll aktar għarfien dwar l-importanza tas-saħħa mentali tal-missierijiet – fejn nafu li l-missirijiet jistgħu jgħaddu ukoll minn dipressjoni perinatali, flimkien ma’ kwistjonijiet oħrajn ta’ saħħa mentali, kemm matul il-perjodu tat-tqala u kemm fl-ewwel sena tat-tarbija. Hemm riskju akbar li l-missirijiet jispiċċaw ma jiġux milħuqa, peress li ħafna mill-attenzjoni tingħata lill-omm. B’hekk jista’ jkun hemm inqas ċans li l-missirijiet jiftħu qalbhom dwar il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom. Illum il-ġurnata, iż-żieda fis-servizzi, li jinkludu il-’Perinatal Mental Health Clinic’f’Mater Dei, flimkien mal-Proġett Pilota- ‘The Perinatal Mental Health Project’ li qiegħed għaddej bħalissa, qegħdin jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex jinkludu lill-missirjiet fil-proċess, filwaqt li joffru kemm jista’ jkun sapport lilhom ukoll! Meta l-missirijiet ikollhom aktar appoġġ, ikun hemm probabbiltà akbar ta’ relazzjoni aħjar bejn il-ġenituri, kif ukoll aktar għarfien dwar it-trobbija l-aktar ta’ ġid għal uliedhom. Huwa kruċjali li nkomplu nżidu l-psikoedukazzjoni dwar dan is-suggett, flimkien mas-sapport, sabiex inkunu nistgħu naħdmu ħalli tinkiser l-istigma ta’ meta ġenituri jiddeciedu li jfittxu l-għajnuna.

Iż-żieda fil-preżenza u fil-parteċipazzjoni attiva tal-missirijiet bħala ġenituri mill-bidu nett

Li ssir ġenitur huwa pass importanti, u jeħtieġ li jittieħed bis-serjet billi jkompli jsir investiment f’miżuri tajbin favur il-familja, sabiex ikun jista’ jiġi appoġġjat l-involviment taż-żewġ ġenituri. Ir-riċerka tissuġġerixxi li l-missirijiet huma kapaċi jinfluwenzaw l-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, fejn dan jinkludi l-ħiliet lingwistiċi tagħhom, l-imġiba soċjali posittiva (bħal li taqsam mal-oħrajn u li tistenna meta jkun imissek), il-ħila li tirregola l-emozzjonijiet, u l-prestazzjoni akkademika.

Li jkomplu jiġu provduti korsijiet speċjalizzati għall-ġenituri, anke fl-istadju ta’ qabel it-twelid tat-tarbija nnifsu/nnifisha, fejn l-irwol tal-missirijiet huwa enfasizzat u mħeġġeġ, jibqa’ kruċjali. L-iżvilupp ta’ rabta b’saħħitha mat-trabi tista’ tibda meta dawn ikunu għadhom fil-ġuf. Il-missirijiet huma mħeġġa li jitkellmu u jkantaw lit-tarbija, li jmissu ż-żaqq tat-tqala u li jiddiskutu mas-sieħba dwar il-ħolm tagħhom li jkunu missirijiet. Barra minn hekk, il-missirijiet u l-ommijiet huma mħeġġa li jirriflettu fuq it-trobbija tagħhom stess u x’ikunu jixtiequ li jirrepetu jew jibdlu bħala ġenituri ġodda. Huwa wkoll utli ferm għall-ġenituri li jikkomunikaw flimkien dwar l-irwoli differenti tal-ġenituri u l-bidliet fl-istil ta’ ħajja involuti fit-tranżizzjoni tagħhom sabiex isiru ġenituri.

Żieda fil-leave tal-paternità iżid iċ-ċans li l-missirijiet ikunu aktar involuti fil-kura ta’ wliedhom, sa mill-bidu tal-ġranet tagħhom. U lkoll kemm aħna nafu kemm huma importanti dawk is-snin bikrija! Meta l-missirijiet ikunu aktar preżenti, l-ommijiet ikollhom probabbiltà akbar li jiġu appoġġjati (speċjalment meta jkun hemm komunikazzjoni effettiva u kontinwa), u b’hekk it-tfal ikollhom aktar ċans li jaraw liż-żewġ ġenituri fuq l-istess livell. Ċertu studji qegħdin juri li l-missirijiet li huma aktar involuti f’parteċipazzjoni attiva u f’interazzjoni mat-trabi tagħhom, għandhom iżjed probabbiltà li juru bidliet fil-konnessjonijiet newroloġiċi  tal-moħħ – fejn l-irwol tal-ġenituri jkompli jiżviluppa u jissaħħaħ. Għaldaqstant, m’hijiex biss il-preżenza tal-missirijiet li hija importanti, iżda l-involviment attwali flimkien mal-parteċipazzjoni tagħhom. Għalhekk, apparti mill-kura ferm siewja fil-ħin tal-ikel u l-ħasil, il-missirijiet jistgħu jiġu wkoll mħeġġa li jilgħabu mat-trabi u mat-tfal tagħhom. Il-logħob huwa l-lingwa tat-tfal u mezz meraviljuż tat-tagħlim. Aktar ma jkun hemm interazzjoni pożittiva bejn il-missirijiet u l-ulied, iżjed ikun hemm iċ-ċans li tiżviluppa bejniethom rabta aktar sikura. L-ommijiet u l-membri tal-familja huma mħeġġa sabiex jipprovdu l-ispazju u l-opportunitajiet għall-missirijiet biex dawn ikunu jistgħu jkollhom dak il-ħin waħedhom mat-tarbija sa mill-bidu nett. Xi kultant, mingħajr ebda ħsieb jew intenzjoni, l-ommijiet jistgħu jkunu qegħdin jillimitaw kemm ħin ikunu jistgħu iqattgħu l-missirijiet jinteraġixxu mat-trabi, minħabba l-biża’ li dawn ma jkunux kapaċi biżżejjed daqshom jew anke minħabba l-biża’ tal-ansjetà kkawżata mis-separazzjoni. L-ommijiet huma mħeġġa li jappoġġjaw ir-rabta ta’ bejn il-missier u t-tarbija billi jippermettulhom ukoll li jkunu flimkien waħedhom, u b’hekk ikunu qegħdin iħalluhom isiru jafu lil xulxin aħjar. Iż-żewġ ġenituri jistgħu jibbenefikaw minn sapport waqt li jkunu għaddejjin mit-tranżiżżjoni tagħhom ta’ li jsiru omm/missier u d-diversi sfidi kontinwi li huma nvoluti. L-appoġġ qiegħed isir ukoll dejjem aktar disponibbli, fejn xi kultant ikun qiegħed sempliċement għafsa ta’ buttuna waħda ‘l bogħod.

It-trawwim t’aktar appoġġ għall-missirijiet biex jkunu jistgħu jibnu rabtiet b’saħħithom u uniċi mat-tfal tagħhom

Il-missirijiet huma kapaċi jibnu rabtiet b’saħħithom u uniċi m’uliedhom, fejn dawn jistgħu jitqiesu li huma differenti, tal-inqas fuq ċertu livelli, meta kkomparati mar-rabtiet ta’ bejn it-tfal u l-ommijiet. Minbarra l-importanza li juru attenzjoni u empatija, il-missirijiet huma wkoll ġeneralment aktar lesti li jaffaċċjaw l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, filwaqt li għandhom aktar tendenza li jinkoraġġixxu firxa varjata ta’ attivitajiet avventurużi, fejn dawn jinkludu li jimbuttaw lil uliedhom sabiex joħorġu dejjem aktar ‘il barra miż-żona ta’ kumdità tagħhom (f’manjiera li tiżgura attenzjoni u sapport), flimkien ma’ li jkun hemm probabbiltà akbar li jinvolvu ruħhom f’logħob ta’ natura aktar fiżika. Dan jista’ jkompli jgħin lit-tfal sabiex ikomplu jiżviluppaw iżjed reżiljenza psikoloġika flimkien ma’ saħħa fiżika.

Il-logħob ta’ natura aktar fiżika huwa ta’ valur siewi għall-iżvilupp tat-tfal. Ġeneralment, l-ommijiet jistgħu jkollhom it-tendenza li jieħdu sehem f’logħob aktar simboliku u attivitajiet ta’ tagħlim, filwaqt li l-missirijiet għandhom aktar probabbiltà li jilgħabu mat-tfal tagħhom b’manjiera ġeneralment iżjed storbjuż u attiv, bħal li jimitaw l-ajruplani (billi jitfgħu it-tfal  ġentilment u b’mod sikur ‘l fuq fl-arja), li jiġru wara xulxin, flimkien ma’ logħob fejn jgħarrxu lil xulxin u attivitajiet oħrajn ta’ dan it-tip. Dawn il-forom ta’ logħob huma ġeneralment ikkaratterizzati minn bosta għajjat ferrieħi, daħk u eċitament. Dan it-tip ta’ logħob ta’ bejn il-missier u it-tfal tiegħu jgħin sabiex tiġi żviluppata rabta eqreb bejniethom, u għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal infushom.

Il-missirijiet jibqgħu importanti anke matul l-adolexxenza

L-istess bħall-irwol tal-omm, l-irwol tal-missier m’huwiex t’importanza matul is-snin bikrija biss, iżda anke waqt il-fażi tal-adolexxenza. Ir-riċerka tissuġġerixxi li meta jkun hemm relazzjoni sigura bejn il-missirijiet u t-tfal, anke fl-adoloxxenza, hemm iktar cans li jkun hemm saħħa mentali aħjar, relazzjonijiet aktar sikuri, kunfidenza tajba, inqas ansjetà, kif ukoll ċans aktar baxx ta’ dipressjoni. Il-missirijiet jistgħu jkunu sors ta’ sapport billi jkunu preżenti, iqattgħu ħin waħedhom mal-adolexxenti, kemm jista’ jkun ma jiġġudikawx u jkunu miftuħa għall-komunikazzjoni, filwaqt li jkunu mudell eżemplari għal kif jifhmu u jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. Dan jinkludi turija ta’ kif wieħed għandu jimmaniġġja kunflitt b’mod kostruttiv, u li jkun hemm relazzjoni rispettuża bejn il-ġenituri.

L-irwol tal-missier jista’ jkun adottat minn persuni sinifikanti oħrajn li jistgħu jkunu jew ma jkunux bijoloġikament relatati mat-tfal

Meta għal xi raġuni, ma jkun hemm l-ebda missier bioloġiku nvolut, ir-riċerka tindika li l-aktar ħaġa vitali hija li jkollok persuni sinifikanti li huma sikuri u li jkunu jistgħu jissodisfaw l-bżonnijiet emozzjonali, psikoloġiċi u fiżiċi tat-tfal. L-irwol ta’ missier jista’ jiġi mwettaq minn persuni li lesti li jkunu responsabbli u ddedikati, u mhux neċessarjament mill-missier bijoloġiku. Missier ta’ vera huwa xi ħadd li jkun jista’ jidħol u jkun preżenti għall-aħjar interessi tat-tfal. Xi drabi l-figura tal-missier tista’ tieħu l-forma ta’ xi ħabib tal-familja, għalliem, nannu jew ziju. Barra minn hekk, numru ta’ studji juru li ġenituri LGBT jistgħu jservu ta’ figuri kemm ta’ ‘mamà’ u kemm ta’ ‘papà’ għal uliedhom. L-ommijiet u l-missirijiet jesibixxu netwerks differenti tal-moħħ, flimkien ma ċertu tibdil, waqt li jkunu qegħdin jinteraġixxu m’uliedhom, fejn l-istess ħaġa tgħodd għal dawk il-ġenituri li jidentifikaw ruħhom bħalha LGBT. Kull min hu b’xi mod jew ieħor involut fit-trobbija, jista’ żgur jibbenefika minn sapport m’għand membri familjari u ħbieb biex jissapportjawhom f’li hemm bzonn.

Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw lil Positive Parenting Malta permezz ta’ Messenger għal xi ideat kreattivi dwar x’jistgħu jagħmlu l-missirijiet maż-żgħar tagħhom, kemm jekk ikunu għadhom tfal u kemm jekk ikunu diġà saru adolexxenti. Ir-relazzjonijiet kollha jeħtieġu l-imħabba, il-kura u l-attenzjoni sabiex ikunu jistgħu jikbru u jiffjorixxu!

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!