Il-Qawwa tat-Tifħir – Li tfaħħar lit-tfal mill-inqas ħames darbiet kuljum

Li kont qed ngħix ‘il bogħod minn Malta matul is-sena li għaddiet ġegħelni nirrifletti fuq kif bħala kultura Maltija aħna għandna t-tendenza li nkunu iebsin ħafna magħna nfusna u kif, mill-esperjenza, aħna nistgħu nsibuha aktar faċli li nikkritikaw minflok noffru tifħir jew rispons kostruttiv. Bħala nota żgħira, nemmen verament li Malta għandha ħafna sbuħija x’toffri, u dan jistħoqqlu li jiġi ċċelebrat. Il-bidla fl-attitudni sabiex nirrikonoxxu t-tajjeb u nistinkaw sabiex nipproteġu dak li hu għażiż għalina, filwaqt li naħdmu wkoll sabiex intejbu lilna nfusna, jista’ jkompli jirrifletti dwar kif bħala ġenituri aħna nagħżlu li ninteraġixxu u nrawmu lil uliedna. Bħala ġenituri, jista’ jkun t’għajnuna li nirriflettu fuqna nfusna u nistaqsu dwar jekk faċilment insibux ruħna nikkritikaw lil uliedna aktar milli nfaħħruhom. X’jista’ jkun li qed jinfluwenza l-approċċ tagħna? Kif konna mfaħħra u kkritikati aħna meta konna tfal? X’kellna bżonn aħna bħala tfal? Kif nistgħu nkunu ġenituri aħjar għal uliedna? Dawn huma lkoll mistoqsijiet utli li jiġu f’moħħna, li jistgħu jagħtu lok għal aktar introspezzjoni u trobbija pożittiva intenzjonata.

X’inhu t-tifħir u kif jista’ jkun t’għajnuna għall-iżvilupp u għall-benesseri tat-tfal?

It-tifħir jista’ jiġi definit sempliċement bħala li jiġu deskritti l-imġieba pożittiva, il-karatteristiċi b’saħħithom, it-talenti u l-attitudni pożittiva b’mod kemm jista’ jkun dettaljat, fejn it-tfal ikunu jistgħu jħossuhom li jidhru u li huma validati. It-tfal kollha jistħoqqilhom li jiġu mfaħħra. Aktar ma jkun dirett it-tifħir aktar aħjar. Dan ifisser li meta noffru t-tifħir, aħna għandna nippruvaw inħalluh ‘nadif’ kemm jista’ jkun;

Frażijiet bħal :

 Proset tal-perseveranza tiegħek u talli ma qtajtx qalbek sabiex tibni dak it-torri!

 Qed nara li rnexxielek tistenna skond meta jmissek m’oħtok, tajjeb ħafna!

 Inti esperjenzajt emozzjoni kbira ħafna hemmhekk u rnexxielek tikkalma billi toqgħod tpinġi. Jien kburi bik talli ppruvajt tagħmel mill-aħjar li stajt sabiex tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek!

Huma ħafna aktar preferuti minn :

 Proset! Fl-aħħar lestejtu l-bini ta’ dak it-torri. Ma kontx naħseb li vera ħa jirnexxielek.

 Qed nara li rnexxielek tistenna skond meta jmissek m’oħtok din id-darba, tajjeb … b’differenza mill-bieraħ jew dalgħodu.

 Dik kienet emozzjoni kbira ħafna u fl-aħħar waqaft tgerger u tibki. Inħossni li għejjejt b’din l-imġieba. 😞

Barra minn hekk, hemm xi frażijiet popolari użati mill-ġenituri fit-trobbija tat-tfal fil-kultura Maltija, fejn għalkemm dawn kienu użati b’mod aktar miftuħ fil-passat, illum aħna sirna aktar konxji ta’ kemm dawn jistgħu jagħmlu ħsara u kemm huwa importanti li bħala ġenituri nikkontrollaw l-istress u l-frustrazzjoni tagħna, minflok nispiċċaw niżvogaw kollox fuq uliedna. Frażi partikolari bil-Malti li tiġi f’moħħna hija : “jekk taqa’ inkompli ntik!”. Ma nistax possibilment ngħodd in-numru ta’ drabi li smajtha din! Jiena żgur li m’iniex hawn sabiex niġġudika jew naġixxi bħallikieku jiena omm aħjar minn kwalunkwe ġenitur li hemm hemm barra! Tassew nagħder minn qalbi lill-ġenituri kollha, peress li nista’ verament nempatizza dwar kemm hija biċċa xogħol iebsa li tkun ġenitur u kemm dak li jkun jista’ jħossu eżawrit xi kultant! Fl-istess ħin, parti mir-rwol tiegħi bħala psikologa u terapista tal-familja huwa li neduka u nirrifletti fuq dak li jista’ jgħin jew ifixkel il-benesseri t’uliedna. U f’dan il-każ, din il-frażi żgur li m’hijiex waħda pożittiva sabiex tintuża. Jista’ jkun li dan ikun aktar probabbli li jiġi interpretat sempliċiment bħala l-eżawriment totali tal-paċenzja, l-għejja enormi u l-aggravazzjoni meta tkun ġenitur – fejn hija xi ħaġa li tgħajjik meta tipprova tlaħħaq ma kollox, filwaqt li tkun ta’ gwida u tagħti appoġġ lil dawk l-esploraturi ċkejknin! Iżda x’messaġġ nixtiequ nagħtu aħna lil uliedna? Nixtiequ ngħidulhom li aħna ser inkunu hemm għalihom jiġri x’jiġri? Jew nixtiequ ngħidulhom li jekk huma jiddeċiedu li jiżbaljaw allura aħna m’aħniex ser inkunu t’ebda appoġġ għalihom? Aħna rridu li uliedna jersqu lejna u jafdaw fina issa u meta jkunu akbar fl-età? Jew ma rridux li jaqsmu dak li jkunu għaddejjin minnu f’ħajjithom? Żomm f’moħħok li l-għażliet iż-żgħar li aħna nwettqu ta’ kuljum bħala ġenituri jammontaw għal għażliet ikbar, u li l-għażliet iż-żgħar jistgħu ma jkunux daqshekk ċkejknin wara kollox! Ir-relazzjonijiet jinbnew jum wara l-ieħor, u iva, jeħtieġu ħafna paċenzja, kura u dedikazzjoni.

Allura x’nistgħu ngħidu minflok “jekk taqa’ inkompli intik!’

Ideat dwar kif jiġu appoġġjati proċessi ta’ ħsieb aktar elaborati fit-tfal :

X’taħseb li jista’ jseħħ jekk tibqa’ tiġri b’mod daqshekk mgħaġġel hawnhekk?

X’taħseb li jista’ jiġri jekk inti tkompli tixxabbat hemm fuq?

Tista’ tara kemm m’huwiex lixx il-wiċċ tal-art? Tista’ tara kemm hija għolja dik? Innota kif qed tuża ġismek.

Ngħinu lit-tfal jirrealizzaw li huma jistgħu jikkontrollaw il-livelli t’enerġija f’ġisimhom :

Tista’ tikkalma lil ġismek bħalissa? Nistgħu nimxu fuq ponot subgħajna bħal ġurdien ċkejken?

 

Ideat dwar kif tgħin lit-tfal jużaw l-enerġija tagħhom b’mod aktar xieraq u sigur :

Tista’ taqbeż 10 darbiet fuq il-post issa stess minflok?

Tista’ tiġri f’din il-parti minflok peress li l-art hija ħafna aħjar.

 

Nuru imħabba mingħajr ebda kundizzjoni bħala ġenituri :

– Jien hawn għalik ikun x’ikun u nħobbok

Bħala nota sekondarja għal dan t’hawn fuq, nifhem li t-tifħir waħdu xi kultant m’huwiex biżżejjed, speċjalment f’sitwazzjonijiet meta jkun hemm il-periklu. Hija l-prijorità ewlenija tagħna li nżommu lil uliedna sikuri, u f’ċirkustanzi bħal dawn huwa kritikali li tuża l-kelma : “Ieqaf!” u li twarrab lit-tifel jew lit-tifla mis-sitwazzjoni perikoluża jew ta’ ħsara nnifisha.

Meta l-ġenituri jiddeskrivu l-imġieba meqjusa bħala “tajba”, it-tfal għandhom probabbiltà akbar li jerġgħu jġibu ruħhom b’dan il-mod peress li fil-fond ta’ qalbhom it-tfal kollha għandhom din ix-xewqa intrinsika li jkunu maħbubin, aċċettati u ċċelebrati mill-ġenituri tagħhom. Għalhekk, meta t-tfal iħossu li l-ġenituri tagħhom qegħdin jagħtu aktar attenzjoni tal-imġiba pożittiva tagħhom, huma jkollhom aktar motivazzjoni li jkomplu iġibu ruħhom b’dan il-mod sabiex ikomplu jiksbu l-attenzjoni tal-ġenituri tagħhom. It-tfal m’għandhomx jitpoġġew f’pożizzjoni fejn ikollhom jiġġieldu għall-attenzjoni tagħna, peress li verament u tassew jistħoqqilhom u jeħtieġu l-attenzjoni tagħna sabiex nappoġġjawhom matul il-vjaġġi ta’ ħajjithom. Fl-istess waqt, il-fatt li bħala ġenituri xi kultant għandna bżonn ukoll l-ispazju u l-ħin personali tagħna, fejn b’hekk jiġu stabbiliti konfini b’saħħithom u jiġi żġurat ukoll l-istrutturar ta’ dak il-ħin speċjali ta’ kwalità, fejn tingħata attenzjoni sħiħa lit-tfal, jibqa’ vitali. Din tista’ tkun rutina speċjali ta’ bi nhar jew ta’ bil-lejl, jew sempliċi passiġġata għall-mistrieħ wara l-iskola. Li nħallu lil uliedna jagħżlu liem’attivitajiet ikunu jixtiequ jagħmlu mal-ġenituri tagħhom, jista’ jgħin lit-tfal sabiex iħossuhom li għandhom aktar kontroll u jieħdu aktar gost. Min-naħa l-oħra, dan se jinfluwenza b’mod pożittiv ir-relazzjoni ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal.

S’issa, nafu li t-tfal jeħtieġu l-attenzjoni u l-imħabba tagħna, u kif it-tifħir jista’ jintuża b’mod pożittiv f’dan ir-rigward. Dan l-aħħar kont iltqajt ma studju, li jkompli jenfasizza l-importanza li nfaħħru lit-tfal u ħsibt li din tkun opportunità eċċellenti sabiex naqsmu magħkom. L-Università ta’ De Montfort f’Leicester, UK tenfasizza l-importanza li t-tfal jiġu mfaħħra mill-inqas ħames darbiet kuljum. Skond din ir-riċerka, meta l-ġenituri jfaħħru lill-uliedhom minn tal-inqas ħames darbiet f’ġurnata, dan ikompli jħalli effett pożittiv fuq l-imġieba u l-livelli t’attenzjoni t’uliedhom anke fuq perjodu twil. It-tfal ikunu jistgħu iħossuhom ukoll aktar kalmi u jkunu jistgħu jifhmu aħjar x’inhi l-imġieba meqjusa bħala ‘tajba’ li jistħoqqilha tiġi mfaħħra. Għalhekk, it-tfal huma aktar probabbli li jaġixxu skond imġieba meqjusa bħala ‘tajba’. Alternattivament, il-mentalità tal-ġenituri tista’ wkoll tinbidel minn waħda ffukata biss fuq l-imġieba ‘problematika’ għal mentalità li hija aktar miftuħa sabiex tara u tivvalida l-imġieba ‘pożittiva’. Aktar ma jkun imwassal malajr u aktar ma jkun dirett it-tifħir aktar ikun imwassal malajr.

Suġġerimenti dwar kif tuża t-Tifħir :

              – Innota lill-uliedek iwettqu azzjonijiet ta’ ġid :

Bħala ġenituri, aħna mħeġġin noqogħdu aktar attenti sabiex insibu t-tajjeb f’uliedna u li nenfasizzawh b’mod aktar espliċitu matul il-ġurnata. Pereżempju : “Inti qed taqsam il-ġuġarelli taċ-ċarruta tiegħek ma’ ħuk. Qed tkun qalbek tajba ħafna!”

Iddeskrivi l-aġir pożittiv li tkun qed tfaħħar :

Minflok sempliċement tgħid “brava” jew “bravu”, huwa importanti li tiddikjara eżattament għal liema tip t’imġieba inti tkun qed tirreferi għaliha, sabiex uliedek ikunu jistgħu jifhmu liema tip t’aġir ikun qed jiġi mfaħħar, u dan jgħinhom sabiex ikunu jistgħu jirrepetuh fil-futur. Pereżempju : “Inti gbart il-bloks kollha u  poġġejthom fl-armarju. Grazzi!”

Poġġi l-enfażi tiegħek fuq l-isforz aktar milli r-riżultati :

Bħala ġenituri, huwa utli li ngħallmu lill-uliedna l-importanza tal-perseveranza u tax-xogħol iebes. B’hekk, il-qofol tat-tifħir tagħna m’għandux ikun fuq dak li ser jinkiseb, iżda aktar fuq l-isforz li jkun hemm warajh. Pereżempju, “Nista’ nara li inti ħdimt ħafna fuq dik it-tpinġija.

Innota l-bidliet iż-żgħar :

It-tfal jieħdu ż-żmien sabiex jitgħallmu ħiliet u imġieba ġodda. Għalhekk, huwa importani li nfaħħru l-bidliet żgħar ta’ progress. Dan jinkoraġġixxi lill-uliedna sabiex jemmnu aktar fihom infushom u ma jaqtgħux qalbhom! Ara naqra, irnexxielek tibbilanċja fuq sieq waħda għal aktar fit-tul!”

– Offri t-tifħir mill-inqas ħames darbiet kuljum :

Hawnhekk hawn xi ideat oħrajn dwar liema tifħir ġenwin u sempliċi jistgħu joffru l-ġenituri lill-uliedhom matul il-ġurnata :

– “Kemm kont b’saħħtek meta għentni bl-affarijiet tal-merċa llum!”

– “Kemm kont qalbek tajba ħafna meta għent lill-oħtok fix-xogħol mid-dar tagħha!”

– “Nista’ nara kemm inti kreattiv meta tpinġi!”

– “Kemm kont kuraġġjuż meta tlajt fuq iż-żerżieqa kbira waħdek!”

– “Inti rnexxielek tikkalma permezz ta’ nifs fil-fond, proset ħafna!”

– “Grazzi talli smajt minni, jiena ninsab kburija bit-tfajla li inti qiegħda ssir.

Ħsibijiet finali

Ejjew infaħħru lil dawk il-ġenituri kollha hemm barra li qegħdin jagħmlu xogħol tajjeb biżżejjed! Hekk kif naraw lil uliedna jġibu ruħhom b’mod tajjeb u ta’ ġid, huwa daqstant ieħor importanti li bħala ġenituri ninnutaw lilna nfusna, u lill-persuni l-oħrajn sinifikanti f’ħajjitna, inwettqu u/jew iwettqu aġir pożittiv u li jsarraf ta’ ġid. Li nagħtu kumplimenti ġenwini u li nesprimu l-apprezzament, flimkien mal-gratitudni, tagħna jistgħu tassew jgħinu sabiex timtela l-qalb ta’ dak li jkun b’aktar enerġija u motivazzjoni. Fl-aħħarnett, żomm f’moħħok li jekk nwettqu bidliet żgħar pożittivi fil-mod ta’ kif ninteraġixxu fuq bażi ta’ kuljum m’uliedna jista’ jgħin sabiex nappoġġjaw l-iżvilupp u l-benesseri tagħhom. Ftit tat-tifħir jista’ jkun ta’ siwi kbir! Ftakart tfaħħar lit-tifel jew lit-tifla tiegħek mill-inqas ħames darbiet illum?

B’imħabba minn ġenitur għal ieħor,

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Clarissa Sammut Scerri

Tista’ ttina introduzzjoni tiegħek nnifsek?
Jiena Dr. Clarissa Sammut Scerri, Senior Lecturer l-Università fid-dipartiment ta’ l-istudji tat-tfal u tal-familja, Counseling Psychologist u family therapist.

Parenting_Banner

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!