Bħala ġenituri, ħafna minna konna hemm.
Inti tkun qed tipprova titlaq minn xi festin, u t-tfal jirrifjutaw li jilbsu ż-żarbun. Inti tgħid li sar il-ħin biex tmorru, u f’daqqa waħda huma jinxteħtu mal-art jibku, u ma jridux jiċċaqalqu. Il-ġenituri l-oħra jħarsu. Inti tħoss il-livell tal-istress jogħla. Parti minnek tkun tixtieq tirraġuna, parti oħra tkun trid iċċedi l-armi, u parti oħra tkun trid l-art tibilgħek u tisparixxi.
Ferniżiji bħal dawn jistgħu jkunu mumenti ta’ sfida kbira għall-ġenituri. Dawn ħafna drabi jseħħu f’mumenti l-anqas konvenjenti u jistgħu jħallu lill-ġenituri frustrati, bi qtugħ ta’ qalb u inkwetati li b’xi mod jew ieħor mhumiex qegħdin iġibuha żewġ.
L-aħbar it-tajba hija li dawn il-ferneżiji huma parti normali tat-tfulija. Fil-fatt, huma sinjal li t-tfal għadhom qed jitgħallmu abiltajiet li għal ġenituri hija xi ħaġa normali – bħal kif taġixxi meta jkollok diżappunt, kif tkampa meta tkun frustrat, kif tistenna bil-paċenzja kollha, u kif tesprimi l-emozzjonijiet b’mod aċċettabbli.
Inħarsu lil hin mill-għaġir tat-tfal
Meta t-tfal ikunu megħluba bl-emozzjonijiet il-kbar, l-għaġir tagħhom ħafna drabi tkun l-ewwel ħaġa li ninnutaw. It-twerżiq, il-biki, it-tisbit tas-saqajn u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni malajr jiġbdu l-attenzjoni tagħna.
Imma taħt dawn il-ferneżiji ġeneralment ikun hemm emozzjonijiet li jkunu tant kbar għat-tfal li ma jkunux jafu kif ser jaġixxu fuqhom waħedhom.
Forsi t-tfal ikunu ddiżappuntati minħabba li spiċċa l-ħin tal-logħob. Forsi huma jħossuhom eżawsti wara ġurnata twila l-iskola. Huma jħossuhom frustrati meta jkunu jridu jagħmlu xi ħaġa waħedhom u ma jirnexxilhomx kif jixtiequ.
It-tfal iż-żgħar għadhom qed jiżviluppaw il-partijiet tal-moħħ responsabbli li jirregolaw l-emozzjonijiet. Meta l-emozzjonijiet ikunu intensivi, il-ħsibijiet loġiċi ħafna drabi jiġu sekondarji. F’dawk il-mumenti, it-tfal mhumiex qed jippruvaw jagħmlulna l-ħajja tagħna diffiċli – huma jkunu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jimmaniġjaw l-emozzjonijiet tagħhom li jkunu wisq tqal għalihom.
Minflok nistaqsu “kif ser inwaqqaf din il-ferneżija?” Tgħin li nistaqsu “x’jista’ jkun li t-tfal qed isibu diffiċli f’dan il-mument?”
L-Importanza li żżomm ruħek kalm
Din iktar faċli tgħidha milli tagħmilha.
Meta t-tfal ma jkunux jistgħu jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom, il-ġenituri malajr jiġrilhom l-istess. Jista’ jkun li aħna nħossuna imbarazzati fil-pubbliku, irritati minn aspettattivi kontinwi, jew anzjużi li dan l-għaġir jippersisti.
Waħda mill-aktar affarijiet li rridu niftakru hija li l-espressjoni tal-emozzjonijiet tat-tfal mhijiex neċessarjament problema li trid tissolva immedjatament.
Naturalment, aħna rridu nżommu lil kulħadd sigur u bil-limiti xierqa. Imma t-tfal mhux dejjem ikunu jridu li aħna nwaqqfu l-emozzjonijiet tagħhom. Xi kultant kull ma jkunu jridu hu li sempliċiment nibqgħu preżenti filwaqt li jesperjenzawhom.
Aħseb fuqek innifsek bħala ankra waqt maltempata. Il-maltempata jaf tkun storbjuża u intensiva, imma l-ankra tibqa’ soda.
Meta t-tfal jaraw li aħna jirnexxilna nibqgħu kalmi waqt li huma jkunu frustrati, gradwalment jitgħallmu illi l-emozzjonijiet diffiċli huma aktar maniġibbli milli tal-biża’.
Nirrikonoxxu l-emozzjonijiet
Waħda mill-aktar modi b’saħħithom kif nistgħu naġixxu waqt ferneżija hija wkoll waħda mill-aktar affarijiet sempliċi: ngħinu lit-tfal iħossuhom mifhuma.
Din ma tfissirx li inti taqbel magħhom jew li tibdel il-limiti li ssoltu tagħmel. Imma tfisser biss li tirrikonoxxi dak li huma qed jesperjenzaw.
Pereżempju
- “Inti verament xtaqt iddum aktar għand in-nanna.”
- “Diffiċli ħafna meta l-logħba ma tmurx kif tixtieqha.”
- “Qed tħossok frustrat għaliex oħtok għażlet l-ewwel.”
It-tfal ħafna drabi jikkalmaw aktar malajr meta huma jħossu li xi ħadd qed jifhem dak li qed jiġri ġo fihom.
Ħafna ġenituri jinkwetaw li meta jirrikonoxxu l-emozzjonijiet tat-tfal, ikunu qed jinkuraġixxu l-espressjoni ta’ ferneżiji. Fir-realta’ meta tirrikonoxxi l-emozzjonijiet tgħin biex it-tfal jiżviluppaw il-vokabolarju u l-għarfien meħtieġ biex jimmaniġjaw l-emozzjonijiet tagħhom b’mod aktar effettiv biż-żmien.
Kun ġentili, imma żomm il-limiti ċari
It-tfal għandhom bżomm empatija u limiti.
Immaġina li t-tfal iridu jaraw episodju ieħor tal-programm favorit tagħhom qabel jorqdu. Huma jiffrustraw ruħhom meta inti tgħidilhom le.
Inti tista’ tirrispondi hekk:
“Naf li tixieq tara aktar minn episodju wieħed. Diffiċli tieqaf meta tkun qed tieħu pjaċir. Imma għal-lum daqshekk ħin għat-televixin.”
Innota kif inti tkun qed taċċetta l-emozzjonijiet, pero’ il-limiti jibqgħu.
Huwa aċċettabbli li t-tfal ikunu diżappuntati. Fil-fatt, fil-ħajja importanti titgħallem kif tkampa meta jinqala’ xi diżappunt. Meta l-ġenituri konsistentement iżommu l-limiti raġjonevoli waqt li joffru sapport għall-emozzjonijiet tat-tfal, it-tfal gradwalment jitgħallmu li huma jistgħu jegħlbu emozzjonijiet diffiċli mingħajr ma jieħdu dejjem dak li jridu.
Inżommu lit-tfal siguri
Xi kultant it-tfal jafu jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom b’mod fiżiku, bħal pereżemju billi jintefgħu għal tulhom fl-art, isawwtu lilhom infushom, jew isabbtu rashom mal-art. F’dawn il-mumenti, il-priorita’ hi s-sigurta’, aktar milli twaqqaf l-emozzjonijiet. Ibqa’ fil-qrib, u bil-kalma kollha ressaq xi oġġetti li jistgħu jkunu ta’ periklu, waqt li b’mod ġentili neħħi jew itfa’ xi ħaġa ratba, skond il-bżonn, biex timpedixxi lit-tfal milli jweġġgħu b’ċertu movumenti li jagħmlu. Inti tista’ tgħid ‘Jien mhux ser inħallik tweġġa’ lilek innifsek. Jiena qegħda hawn biex ngħinek iżżomm ġismek sigur waqt li qed tħoss dawn l-emozzjonijiet il-kbar. Ipprova ibqa’ kalma u evita milli tqajjem allarm. Il-preżenza tiegħek tgħin lit-tfal iħossuhom siguri filwaqt li gradwalment jitgħallmu modi aktar siguri ta’ kif jesprimi ruħhom emozzjonalment.
X’jgħin waqt dawn l-espressjonijiet ta’ ferneżija
Meta l-emozzjonijiet ikunu kbar, it-tfal ħafna drabi ma jkunux kapaċi jipproċessaw spjegazzjonijiet twal jew diskussjonijiet dettaljati.
F’dawn il-mumenti, inqas ma wieħed jitkellem aktar aħjar.
Inti tista’
- Toqgħod fil-qrib jekk it-tfal iridu l-preżenza tiegħek.
- Tuża ton kalm li jagħti serħan tal-moħħ.
- Iżżomm il-kliem fil-qosor.
- Tiffoka fuq is-sigurta’ tat-tfal.
- Tagħti ċans lit-tfal jergħu jieħdu l-kontroll
Jekk it-tfal qed jitfgħu ġugarelli jew qed jippruvaw jolqtu xi ħaġa, aġixxi b’mod kalm imma sod.
Pereżempju
“Jien mhux ħa nħallik twaddab il-ġugarelli”
jew
“Naf li inti rrabjat. Imma mhux ser inħallik tweġġa’ lilek innifsek.”
M’hemmx għalfejn ġġegħlu jistħi, thedded jew tagħmel eloġju. L-għan huwa li żżomm lil kulħadd sigur waqt li tgħin lit-tfal jgħaddu minn dawn l-emozzjonijiet.
Wara l-atti ta’ ferneżija
La darba l-biki waqaf u l-kalma reġgħet ġiet lura, ħafna ġenituri jħossu t-tentazzjoni li jerġgħu jmorru lura għal dak li ġara f’kull dettall.
Imma. ħafna drabi, l-aktar ħaġa importanti hi, li wara kull att ta’ ferneżija nerġgħu nikkonnettjaw mat-tfal.
Tgħanniqa, messaġġ waqt li qed tipprepara l-ikel ta’ filgħaxija flimkien, jew sempliċiment tirritorna lura għall-attivitajiet tal-ħajja normali tista’ tgħin lit-tfal iħossuhom siguri għal darb’oħra.
Jekk it-tfal ikunu lesti biex jitkellmu, huma kapaċi jesploraw dak li ġara:
“Dan jaf ikun mument diffiċli għalik.”
jew
“Qed naħseb x’nistgħu nagħmlu differenti meta terġa’ tħossok frustrat.”
Dawn il-konverżazzjonijiet jgħinu lit-tfal biex gradwalment jiżviluppaw l-għarfien fuqhom infushom u l-abilta’ li jsolvu l-problemi.
Nistgħu nevitaw dawn l-atti ta’ ferneżija?
Mhux dejjem
Anke l-adulti jkollhom mumenti meta l-emozzjonijiet jiġru bihom, u t-tfal għadhom qed jitgħallmu.
Imma hemm modi kif nistgħu nnaqsu ċ-ċans li l-emozzjonijiet jikbru żżejjed.
It-tfal għandhom tendenza jkampaw aħjar jekk ikollhom:
- rutini prevedibbli
- irqad biżżejjed
- ikliet u ikel ħafif xi jnaqqru
- opportunitajiet biex jilgħabu u jiċċaqalqu
- ikunu infurmati minn qabel li ser ikun hemm xi tibdil jew tranżizzjoni
- ħin ta’ kwalita’ ma dawn li jieħdu ħsibhom
Xi kultant it-tfal ikunu jidhru “diffiċli” imma fil-verita’ jaf ikunu bil-ġuħ, għajjenin, stimulati żżejjed jew sempliċiment għandhom bżonn naqra fsid jew attenzjoni.
Ejjew infakkru ftit lill-ġenituri
Probabilment, l-aktar messaġġ importanti hu dan; li l-atti ta’ ferneżija fit-tfal mhumiex il-kejl li l-ġenituri għandhom jużaw biex jaraw kemm kienu ta’ suċċess bħala ġenituri.
It-tfal jesperjenzaw mumenti ta’ emozzjonijiet kbar li jistgħu jkunu wisq għat-tfal. Li tgħinhom jikbru mhux li jkollhom ġenituri perfetti li jistgħu jipprevenu kull ferneżija imma li jkollhom adulti li jafu jieħdu ħsiebhom u li jibqgħu jissapporjaw lit-tfal anke waqt dawn il-mumenti diffiċli.
Inti bħala ġenitur, mintiex ser taġixxi b’mod perfett kull darba.
Ikun hemm ġranet fejn titlef il-paċenzja, tgħolli leħnek, jew tkun tixtieq li ġibt ruħek b’mod differenti. Li jimporta mhux li tkun perfetta. Li jimporta hija r-rieda li inti terġa tingħaqad mat-tfal, tirranġa fejn hu ħażin u tibqa’ tkun preżenti.
Kull darba li tirrispondi bil-kalma, empatija u limiti ċari, inti tkun qed tgħin lit-tfal jibnu l-abilta’ emozzjonali li ser isservihom fit-tul, ħafna wara li jgħaddu dawn il-mumenti ta’ ferneżija.
Filwaqt li ma tkunx tidher hekk f’nofs att ta’ ferneżija ġewwa xi supermarket jew xi battalja fil-ħin tal-irqad, mumenti fejn inti bqajt sod hemmhekk, tissapportja lit-tfal, ser iħallu impatt u fundazzjoni soda ta’ reżiljenza għall-ġejjieni.
It-tfal tagħna ser jisselfu l-kalma tagħna qabel ma jibnu tagħhom. Kull mument ta’ konnessjoni waqt dawn il-mumenti diffiċli huwa pedament sod, biex fuqu tinbena r-reżiljenza emozzjonali fit-tul.

Charlene
Clinical Psychologist and Family Therapist Clinical Supervisor


