Meta t-tfal taqbadhom ferneżija: Infittxu l-kalmezza f’nofs it-tempesta.

Aug 27, 2026

Bħala ġenituri, ħafna minna konna hemm.

Inti tkun qed tipprova titlaq minn xi festin, u t-tfal jirrifjutaw li jilbsu ż-żarbun.  Inti tgħid li sar il-ħin biex tmorru, u f’daqqa waħda huma jinxteħtu mal-art jibku, u ma jridux jiċċaqalqu.  Il-ġenituri l-oħra jħarsu.  Inti tħoss il-livell tal-istress jogħla.  Parti minnek tkun tixtieq tirraġuna, parti oħra tkun trid iċċedi l-armi, u parti oħra tkun trid l-art tibilgħek u tisparixxi.

Ferniżiji bħal dawn jistgħu jkunu mumenti ta’ sfida kbira għall-ġenituri.  Dawn ħafna drabi jseħħu f’mumenti l-anqas konvenjenti u jistgħu jħallu lill-ġenituri frustrati, bi qtugħ ta’ qalb u inkwetati li b’xi mod jew ieħor mhumiex qegħdin iġibuha żewġ.

L-aħbar it-tajba hija li dawn il-ferneżiji huma parti normali tat-tfulija.  Fil-fatt, huma sinjal li t-tfal għadhom qed jitgħallmu abiltajiet li għal ġenituri hija xi ħaġa normali – bħal kif taġixxi meta jkollok diżappunt, kif tkampa meta tkun frustrat, kif tistenna bil-paċenzja kollha, u kif tesprimi l-emozzjonijiet b’mod aċċettabbli. 

Inħarsu lil hin mill-għaġir tat-tfal

Meta t-tfal ikunu megħluba bl-emozzjonijiet il-kbar, l-għaġir tagħhom ħafna drabi tkun l-ewwel ħaġa li ninnutaw.  It-twerżiq, il-biki, it-tisbit tas-saqajn u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni malajr jiġbdu l-attenzjoni tagħna.

Imma taħt dawn il-ferneżiji ġeneralment ikun hemm emozzjonijiet li jkunu tant kbar għat-tfal li ma jkunux jafu kif ser jaġixxu fuqhom waħedhom.

Forsi t-tfal ikunu ddiżappuntati minħabba li spiċċa l-ħin tal-logħob.  Forsi huma jħossuhom eżawsti wara ġurnata twila l-iskola.  Huma jħossuhom frustrati meta jkunu jridu jagħmlu xi ħaġa waħedhom u ma jirnexxilhomx kif jixtiequ.

It-tfal iż-żgħar għadhom qed jiżviluppaw il-partijiet tal-moħħ responsabbli li jirregolaw l-emozzjonijiet.  Meta l-emozzjonijiet ikunu intensivi, il-ħsibijiet loġiċi ħafna drabi jiġu sekondarji.  F’dawk il-mumenti, it-tfal mhumiex qed jippruvaw jagħmlulna l-ħajja tagħna diffiċli – huma jkunu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jimmaniġjaw l-emozzjonijiet tagħhom li jkunu wisq tqal għalihom. 

Minflok nistaqsu “kif ser inwaqqaf din il-ferneżija?” Tgħin li nistaqsu “x’jista’ jkun li t-tfal qed isibu diffiċli f’dan il-mument?”

L-Importanza li żżomm ruħek kalm

 

Din iktar faċli tgħidha milli tagħmilha.

Meta t-tfal ma jkunux jistgħu jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom, il-ġenituri malajr jiġrilhom l-istess.  Jista’ jkun li aħna nħossuna imbarazzati fil-pubbliku, irritati minn aspettattivi kontinwi, jew anzjużi li dan l-għaġir jippersisti.

Waħda mill-aktar affarijiet li rridu niftakru hija li l-espressjoni tal-emozzjonijiet tat-tfal mhijiex neċessarjament problema li trid tissolva immedjatament. 

Naturalment, aħna rridu nżommu lil kulħadd sigur u bil-limiti xierqa.  Imma t-tfal mhux dejjem ikunu jridu li aħna nwaqqfu l-emozzjonijiet tagħhom.  Xi kultant kull ma jkunu jridu hu li sempliċiment nibqgħu preżenti filwaqt li jesperjenzawhom.

Aħseb fuqek innifsek bħala ankra waqt maltempata.  Il-maltempata jaf tkun storbjuża u intensiva, imma l-ankra tibqa’ soda.

Meta t-tfal jaraw li aħna jirnexxilna nibqgħu kalmi waqt li huma jkunu frustrati, gradwalment jitgħallmu illi l-emozzjonijiet diffiċli huma aktar maniġibbli milli tal-biża’.

Nirrikonoxxu l-emozzjonijiet

 

Waħda mill-aktar modi b’saħħithom kif nistgħu naġixxu waqt ferneżija hija wkoll waħda mill-aktar affarijiet sempliċi: ngħinu lit-tfal iħossuhom mifhuma. 

Din ma tfissirx li inti taqbel magħhom jew li tibdel il-limiti li ssoltu tagħmel.  Imma tfisser biss li tirrikonoxxi dak li huma qed jesperjenzaw.

Pereżempju

  • “Inti verament xtaqt iddum aktar għand in-nanna.”
  • “Diffiċli ħafna meta l-logħba ma tmurx kif tixtieqha.”
  • “Qed tħossok frustrat għaliex oħtok għażlet l-ewwel.”

It-tfal ħafna drabi jikkalmaw aktar malajr meta huma jħossu li xi ħadd qed jifhem dak li qed jiġri ġo fihom.

Ħafna ġenituri jinkwetaw li meta jirrikonoxxu l-emozzjonijiet tat-tfal, ikunu qed jinkuraġixxu l-espressjoni ta’ ferneżiji.  Fir-realta’ meta tirrikonoxxi l-emozzjonijiet tgħin biex it-tfal jiżviluppaw il-vokabolarju u l-għarfien meħtieġ biex jimmaniġjaw l-emozzjonijiet tagħhom b’mod aktar effettiv biż-żmien.

Kun ġentili, imma żomm il-limiti ċari

It-tfal għandhom bżomm empatija u limiti.

Immaġina li t-tfal iridu jaraw episodju ieħor tal-programm favorit tagħhom qabel jorqdu.  Huma jiffrustraw ruħhom meta inti tgħidilhom le.

Inti tista’ tirrispondi hekk:

“Naf li tixieq tara aktar minn episodju wieħed.  Diffiċli tieqaf meta tkun qed tieħu pjaċir.  Imma għal-lum daqshekk ħin għat-televixin.”

Innota kif inti tkun qed taċċetta l-emozzjonijiet, pero’ il-limiti jibqgħu.

Huwa aċċettabbli li t-tfal ikunu diżappuntati.  Fil-fatt, fil-ħajja importanti titgħallem kif tkampa meta jinqala’ xi diżappunt.  Meta l-ġenituri konsistentement iżommu l-limiti raġjonevoli waqt li joffru sapport għall-emozzjonijiet tat-tfal, it-tfal gradwalment jitgħallmu li huma jistgħu jegħlbu emozzjonijiet diffiċli mingħajr ma jieħdu dejjem dak li jridu.

 

Inżommu lit-tfal siguri

Xi kultant it-tfal jafu jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom b’mod fiżiku, bħal pereżemju billi jintefgħu għal tulhom fl-art, isawwtu lilhom infushom, jew isabbtu rashom mal-art.  F’dawn il-mumenti, il-priorita’ hi s-sigurta’, aktar milli twaqqaf l-emozzjonijiet.  Ibqa’ fil-qrib, u bil-kalma kollha ressaq xi oġġetti li jistgħu jkunu ta’ periklu, waqt li b’mod ġentili neħħi jew itfa’ xi ħaġa ratba, skond il-bżonn, biex timpedixxi lit-tfal milli jweġġgħu b’ċertu movumenti li jagħmlu.  Inti tista’ tgħid ‘Jien mhux ser inħallik tweġġa’ lilek innifsek.  Jiena qegħda hawn biex ngħinek iżżomm ġismek sigur waqt li qed tħoss dawn l-emozzjonijiet il-kbar. Ipprova ibqa’ kalma u evita milli tqajjem allarm.  Il-preżenza tiegħek tgħin lit-tfal iħossuhom siguri filwaqt li gradwalment jitgħallmu modi aktar siguri ta’ kif jesprimi ruħhom emozzjonalment.

X’jgħin waqt dawn l-espressjonijiet ta’ ferneżija

Meta l-emozzjonijiet ikunu kbar, it-tfal ħafna drabi ma jkunux kapaċi jipproċessaw spjegazzjonijiet twal jew diskussjonijiet dettaljati.

F’dawn il-mumenti, inqas ma wieħed jitkellem aktar aħjar. 

Inti tista’

  • Toqgħod fil-qrib jekk it-tfal iridu l-preżenza tiegħek.
  • Tuża ton kalm li jagħti serħan tal-moħħ.
  • Iżżomm il-kliem fil-qosor.
  • Tiffoka fuq is-sigurta’ tat-tfal.
  • Tagħti ċans lit-tfal jergħu jieħdu l-kontroll 

Jekk it-tfal qed jitfgħu ġugarelli jew qed jippruvaw jolqtu xi ħaġa, aġixxi b’mod kalm imma sod.  

Pereżempju

“Jien mhux ħa nħallik twaddab il-ġugarelli”

jew

“Naf li inti rrabjat. Imma mhux ser inħallik tweġġa’ lilek innifsek.”

M’hemmx għalfejn ġġegħlu jistħi, thedded jew tagħmel eloġju.  L-għan huwa li żżomm lil kulħadd sigur waqt li tgħin lit-tfal jgħaddu minn dawn l-emozzjonijiet. 

Wara l-atti ta’ ferneżija

La darba l-biki waqaf u l-kalma reġgħet ġiet lura, ħafna ġenituri jħossu t-tentazzjoni li jerġgħu jmorru lura għal dak li ġara f’kull dettall. 

Imma. ħafna drabi, l-aktar ħaġa importanti hi, li wara kull att ta’ ferneżija nerġgħu nikkonnettjaw mat-tfal.

Tgħanniqa, messaġġ waqt li qed tipprepara l-ikel ta’ filgħaxija flimkien, jew sempliċiment tirritorna lura għall-attivitajiet tal-ħajja normali tista’ tgħin lit-tfal iħossuhom siguri għal darb’oħra.

 Jekk it-tfal ikunu lesti biex jitkellmu, huma kapaċi jesploraw dak li ġara:

“Dan jaf ikun mument diffiċli għalik.”

jew

“Qed  naħseb x’nistgħu nagħmlu differenti meta terġa’ tħossok frustrat.”

Dawn il-konverżazzjonijiet jgħinu lit-tfal biex gradwalment jiżviluppaw l-għarfien fuqhom infushom u l-abilta’ li jsolvu l-problemi.

Nistgħu nevitaw dawn l-atti ta’ ferneżija?

Mhux dejjem

Anke l-adulti jkollhom mumenti meta l-emozzjonijiet jiġru bihom, u t-tfal għadhom qed jitgħallmu.

Imma hemm modi kif nistgħu nnaqsu ċ-ċans li l-emozzjonijiet jikbru żżejjed.

It-tfal għandhom tendenza jkampaw aħjar jekk ikollhom:

  • rutini prevedibbli
  • irqad biżżejjed
  • ikliet u ikel ħafif xi jnaqqru 
  • opportunitajiet biex jilgħabu u jiċċaqalqu
  • ikunu infurmati minn qabel li ser ikun hemm xi tibdil jew tranżizzjoni
  • ħin ta’ kwalita’ ma dawn li jieħdu ħsibhom

Xi kultant it-tfal ikunu jidhru “diffiċli” imma fil-verita’ jaf ikunu bil-ġuħ, għajjenin, stimulati żżejjed jew sempliċiment għandhom bżonn naqra fsid jew attenzjoni.

Ejjew infakkru ftit lill-ġenituri

Probabilment, l-aktar messaġġ importanti hu dan; li l-atti ta’ ferneżija fit-tfal mhumiex il-kejl li l-ġenituri għandhom jużaw biex jaraw kemm kienu ta’ suċċess bħala ġenituri.

It-tfal jesperjenzaw mumenti ta’ emozzjonijiet kbar li jistgħu jkunu wisq għat-tfal.  Li tgħinhom jikbru mhux li jkollhom ġenituri perfetti li jistgħu jipprevenu kull ferneżija imma li jkollhom adulti li jafu jieħdu ħsiebhom u li jibqgħu jissapporjaw lit-tfal anke waqt dawn il-mumenti diffiċli.

Inti bħala ġenitur, mintiex ser taġixxi b’mod perfett kull darba.

Ikun hemm ġranet fejn titlef il-paċenzja, tgħolli leħnek, jew tkun tixtieq li ġibt ruħek b’mod differenti.  Li jimporta mhux li tkun perfetta.  Li jimporta hija r-rieda li inti terġa tingħaqad mat-tfal, tirranġa fejn hu ħażin u tibqa’ tkun preżenti.  

Kull darba li tirrispondi bil-kalma, empatija u limiti ċari, inti tkun qed tgħin lit-tfal jibnu l-abilta’ emozzjonali li ser isservihom fit-tul, ħafna wara li jgħaddu dawn il-mumenti ta’ ferneżija. 

Filwaqt li ma tkunx tidher hekk f’nofs att ta’ ferneżija ġewwa xi supermarket jew xi battalja fil-ħin tal-irqad, mumenti fejn inti bqajt sod hemmhekk, tissapportja lit-tfal, ser iħallu impatt u fundazzjoni soda ta’ reżiljenza għall-ġejjieni.

It-tfal tagħna ser jisselfu l-kalma tagħna qabel ma jibnu tagħhom.  Kull mument ta’ konnessjoni waqt dawn il-mumenti diffiċli huwa pedament sod, biex fuqu tinbena r-reżiljenza emozzjonali fit-tul.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist Clinical Supervisor

Aktar Qari

Positive Parenting Malta u taħditiet Psikoedukattivi

Positive Parenting Malta tkompli tippromwovi aktar għarfien dwar il-ħiliet fit-trobbija pożittiva u tipprovdi appoġġ prattiku għall-ġenituri u l-professjonisti billi toffri webinars psikoedukattivi. Positive Parenting Malta se torganizza webinar mad-Dipartiment...

Positive Parenting Malta and Psychoeducational talks

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!