Inħobb lit-tfal tieghi daqs dawl għajnejja iżda xi kultant inħoss rabja kbira… Din xi tkun? U x’nista’ nagħmel dwarha?

Li tkun ġenitur hija xi ħaġa li tbiddillek ħajtek ta’ taħt fuq. Kull fażi tat-trobbija ġġib magħha is-sabiħ flimkien ma’ ostakli ġodda. Għalkemm ħafna drabi il-midja soċjali tiffoka ħafna fuq dak li hu sabiħ, u huwa tajjeb li dan niċċelebrawh, huwa importanti ukoll li noħolqu aktar għarfien fuq kemm bħala ġenitur tista’ tkun emozzjonat fuq ħafna livelli differenti. Waħda mill-esperjenzi komuni ta’ ġenitur waqt it-trobbija tista’ tkun infatti li jesperjenza/tesperjenza emozzjonijiet qawwija ta’ rabja. F’dan l-artiklu ser naqsam magħkom xi ftit informazzjoni dwar dak li nsejħulu ‘Parental Rage’, minn fejn din tista’ tkun ġejja u x’jista’ wieħed jagħmel fuqha. Bħal f’kull artiklu ieħor li ktibt s’issa, jien inħobb naqsam li dawn huma biss ideat u li aħna qeghdin hawn biex nisimgħu u nissapportjaw lil dak li jkun mingħajr ma niġġudikaw. Huwa sabiħ li bħala ġenituri noħolqu komunità fejn inkunu nistgħu nitkellmu b’mod sigur fuq kif inkunu qed inħossuna, filwaqt li nħossuna ukoll aktar komdi li nitolbu għall-għajnuna.

Xi tfisser ‘Parental Rage’?

Huwa tajjeb li ngħidu li ‘Parental Rage’ m’hijiex minnha innifisha dijanjosi, iżda hija il-kelma li wieħed juża’ sabiex jiddeskrivi emozzjoni profonda ta’ rabja relatata mat-trobbija tat-tfal. Wieħed jista’ jkun l-aktar persuna kalm/a fid-dinja, pero’meta imbagħad dan/din jibda’/tibda’ irabbi/trabbi t-tfal tiegħu/tagħha stess, jista’ jkun li jiltaqa’/tiltaqa’ ma’ ċertu sitwazzjonijiet li jgħafsulu/ha fuq buttuni li qabel qatt ma kien/et jaf/taf li jezistu. Dawn jistgħu jkunu ġejjin minn esperjenzi tiegħu/tagħha stess tat-tfulija u tal-passat, kif ukoll esperjenzi relatati mat-tranżizzjoni kbira meta wiehed/waħda isir/issir genitur.

Dik l-emozzjoni li fil-wiċċ tidher bhala rabja tista’ tkun qiegħda taħbi emozzjonijiet iżjed profondi bħal dwejjaq, solitudni, letarġija, frustrazzjoni, ansjetà u konfużjoni, fost oħrajn. Għalkemm wieħed/waħda jista’/tista’ jkun/tkun grat/a u kuntent/a li huwa/hija ġenitur dan ma jeskludix il-fatt li hemm hafna sfidi u għejja. Wieħed/waħda jista’/tista’ wkoll jimmisja/timmisja l-ħajja ta’ qabel, fejn seta’ kien hemm aktar indipendenza, aktar opportunitajiet jew investiment fil-karriera, aktar gost weħidna bhala koppja, iżjed ħin għal passatempi, eċċ. Meta ssir ġenitur hemm iċ-ċans li l-identità tiegħek tintilef għal ftit, sakemm ftit ftit terġa’ ssibha u din tkompli tiffjorixxi mar-rwol il-ġdid li inti tkun ħadt bħala ġenitur.

Meta wieħed/waħda jesperjenza/tesperjenza ‘Parental Rage’ u jirrabja/tirrabja b’mod żbilanċjat mat-tfal, hemm ċans kbir li dan/din ser jesperjenza/tesperjenza rimors u emozzjonijiet ta’ ħtija wara. Wieħed/waħda jista’/tista’ wkoll jibda/tibdajhewden/thewden fuq jekk huwiex/hijiex ġenitur tajjeb jew le. Nafu li m’hemm l-ebda ġenitur perfett, iżda fl-istess waqt nistgħu nkunu ġenituri tajbin biżżejjed, fejn nirriflettu, nitolbu apoloġija fejn niżbaljaw u nitgħallmu mill-esperjenzi taghna. Li nkomplu nikkritikaw u nsawtu lilna nfusna qatt ma jservi ta’ ġid. Għalhekk meta nissorprendu lilna nfusna meta f’daqqa waħda nħossu dik ir-rabja kbira, huwa importanti li nieqfu ftit, nieħdu nifs u naraw x’jista’ jikkalmana, filwaqt li nahsbu minn fejn din tista’ tkun ġejja u x’nistgħu nagħmlu fuqha.

Fatturi relatati ma’ ‘Parental Rage’ jistgħu jkunu :

  • nuqqas t’irqad;
  • bidliet fl-ormoni wara t-tqala;
  • emozzjonijiet ta’ stress;
  • stress finanzjarju;
  • problemi fir-relazzjoni bħala koppja;
  • diffikultà dwar it-trobbija tat-tfal;
  • bżonnijiet emozzjonali li m’humiex jintlaħqu;
  • stimulazzjoni qawwija tas-sensi taghna;

Kif tista’ ‘Parental Rage’ taffetwa r-relazzjoni mal-partner tagħna?

Kull emozzjoni hija valida u importanti. Kull emozzjoni tispunta minn xi raġuni u għandha funzjoni. Għalhekk aħna m’aħniex qegħdin hawn biex niġġudikaw l-emozzjonijiet tagħna, iżda ‘ħalli naccettaw dak li qed inħossu u naħdmu fuqu biex nesprimuh b’mod iktar san. Meta wieħed/waħda jibda’/tibda’ jħoss/tħoss emozzjonijiet ta’ rabja u dwejjaq fost oħrajn, huwa dejjem tajjeb li hu/hi jikkomunika’/tikkomunika’ dan mal-partner tiegħu/tagħha meta jħossu/tħossha aktar kalm/a. Il-komunikazzjoni hija waħda mill-pedamenti għal relazzjoni aktar sikura u b’saħħitha. Jekk qed inhossuna ninqatgħu mill-partnertagħna huwa tajjeb li nieħdu azzjoni illum qabel għada u li ma nibżgħux infittxu aktar għajnuna fejn hemm bzonn. Mill-esperjenza tiegħi ta’ terapista, ħafna drabi huwa benefiċjali li nfakkar li l-partners tagħna ma jistgħux jaqrawlna moħħna b’mod effiċjenti kulldarba, fejn għalhekk huwa importanti li naqsmu magħhom b’mod ċar kif inkunu qegħdin inħossuna u x’nixtiequ speċifikament mingħandhom. Huwa tajjeb ukoll li dejjem nibqgħu nuru apprezzament u sapport lejn xulxin.

Kif tista’ ‘Parental Rage’ taffetwa r-relazzjoni mat-tfal tagħna?

Meta bħala ġenituri nużaw kliem dispreġġjattiv b’mod regolari mat-tfal tagħna, inkunu qed inżidu ċ-ċans li huma jħossuhom li ma ħaqqhomx imħabba jew li ma jiswew għal xejn. Dan jista’ jżid it-tendenza għal aġir aktar imqareb, flimkien ma’sintomi fiziċi, bħal per eżempju li wieħed/waħda iħossu/tħossha ma jiflaħx/tiflaħx. It-tfal jista’ jkun ukoll li jibdew isibuha aktar diffiċli sabiex jikkonċentraw, jilgħabu u jitgħallmu affarijiet ġodda.

Bhala ġenituri m’għandna qatt inkunu abbużivi mat-tfal tagħna, kemm fiżikament kif ukoll emozzjonalment. Il-vjolenza u l-aggressjoni ma jistgħux jiġu ġġustifikati, peress li jagħmlu ħafna ħsara, kemm fil-preżent u kif ukoll fil-futur. Infatti r-riċerka turi li tfal li ġejjin minn trobbija fejn kien hemm abbuż ikunu iktar suxxettibbli li jbatu minn problem emozzjonali ‘l quddiem u li ma jemmnux biżżejjed fihom infushom. Hija r-responsabbiltà tagħna bħala ġenituri li nitgħallmu kif nifhmu, nikkontrollaw u nesprimu l-emozzjonijiet tagħna. Jekk aħna stess ma nkunux kapaċi nagħmlu dan, kif nistgħu nippretenduh mit-tfal tagħna? Il-moħħ tat-tfal ikun għadu qiegħed jiżviluppa u ma jkunx għadu kapaċi jikkontrolla ċertu impulsi u emozzjonijiet. Huwa d-dover tagħna bhala ġenituri li nappoġġjawlit-tfal tagħna matul dan il-proċess li, iva, jeħtieg ħafna u ħafna paċenzja u sapport, u jerġa aktar pacenzja. 😊

X’nista’ nagħmel jien sabiex nipprevjeni li nħossni daqshekk irrabjat/a b’mod intensiv?

  • Staqsi lilek innifsek – X’nista’ nagħmel jien sabiex nieħu aktar ħsieb tieghi innifsi u b’hekk ikolli aktar energija għalija u għall-familti?
  • Iċċekja miegħek innifsek – Kif qed inħossni illum? Fejn qed inħoss l-istress u minn fejn jista’ jkun li ġej dan? X’nista’ nagħmel sabiex ngħin lili nnifsi nirrilassa aktar? Nifsijiet fil-fond, mixja qasira jew twila, yoga, eċċ – dawn huma kollha ftit ideat li jistgħu jgħinu sabiex jagħtuna aktar enerġija ‘ħalli nkunu kapaċi nagħrfu iżjed l-emozzjonijiet taghna, filwaqt li nikkontrollaw ukoll kifinkunu nistgħu nesprimuhom aħjar.
  • Nipprattikaw aktar mindfulness – Dan huwa kunċett li qiegħed isir iżjed u iżjed popolari, fejn jiffoka fuq is-sensi taghna u jgħinna ngħixu aktar preżenti fil-mument. Per eżempju, meta wiehed/waħda ikun/tkun qiegħed/qiegħda jixrob/tixrob bela’ té hu/hijista’/tista’ jiffoka/tiffoka fuq :
  • li jagħżel/tagħżel it-té li hu/hi jkun/tkun jixtieq/tixtieq;
  • li jiffoka/tiffoka fuq il-proċedura ta’ kif hu/hi jkun/tkun qiegħed/qiegħda jagħmel/tagħmel dan it-té;
  • il-ħsejjes, l-irwejjaħ u l-viżjoni ta’ meta tagħli l-kitla, kif ukoll meta nferrgħu l-ilma;
  • is-sensazzjoni tal-magg mal-id – Jinħass shun? Jinħass tqil? Kif jinħass il-materjal tal-magg ma’ idejna?
  • ir-riħa tat-té tagħna;
  • kif jidher it-té – x’kuluri għandu, eċċ;
  • it-togħma tat-té tagħna meta aħna nixorbuh ftit ftit; 

B’dawn l-ideat f’moħħna nistgħu nippruvaw niffukaw fuq ħaġa waħda f’ħin wieħed għal ftit minuti. Dan ma jfissirx li moħħna m’huwiex ser joħodna lura għall-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħna, iżda ahna nistgħu ukoll nħarrġuh ftit ftit sabiex nkunu nistgħu inġibuh lura fil-mument għal ftit minuti. Nifhem li din m’hijiex xi ħaġa facli u li tirrikjedi ħafna prattika. Fl-istess waqt, meta wieħed/waħda jipprattikaw/tipprattika ‘mindfulness’ hemm aktar ċans li jkun/tkun jista’/tista’ jerġa/terġa jistabilizza ruħu/ha u jkollu/ha aktar paċenzja u enerġija għal mumenti stressanti.

  • Ipprova agħmel l-irqad priorità – Għal xi raġuni jew oħra bħala ġenituri nistgħu faċilment nispiċċaw norqdu inqas. Din tista’ tkun, per eżempju, minħabba li t-tfal tagħna jkollhom lejl imkisser jew ukoll ghax nispiċċaw indumu imqajmin ħafna aktar wara l-ħin li huma jkunu marru jorqdu. Kulħadd jifhem kemm hu prezzjuż dak il-hin wara li nkunu poġġejna lit-tfal fis-sodda. Fl-aħħarikun wasal dak il-ħin sabiex ikollna ftit tal-ħin kwieti bħala adulti. Kemm-il darba forsi nispiċċaw niċċassaw lejn il-mowbajl u t-televiżjoni? U forsi vera li f’dak il-mument hekk ikollna bżonn … Fl-istess ħin, lejl wara lejl, din tkun tista’ ukoll issir ta’ piż fuqna, speċjalment la ma jkollniex il-lussu li nkunu nistgħu nibqgħu nistrieħu ġos-sodda sa kemm inkunu nixtiequ. Aktar ma nkunu għajjenin, aktar hemm ċans li jkollna inqas paċenzja sabiex nissapportjaw lit-tfal tagħna fid-diversi emozzjonijiet intensi tagħhom.
  • Meta nagħtu prijorità li nieħdu ħsieb tagħna nfusna, inkunu qegħdin naghmlu ġid kemm għalina u kemm għat-tfal tagħna – Li nieħdu ħsieb tagħna nfusna tista’ ssir permezz t’affarijiet sempliċi u żgħar, bħal per eżempju : li niċċekkjaw magħna infusna fuq kif inkunu qegħdin inħossuna, li nfakkru lilna nfusna fil-mument preżenti li inkunu qegħdin ngħixu fih u nieħdu nifsijiet fil-fond, flimkien ma’ li nsibu ħin sabiex nipproċessaw l-esperjenzi li ngħaddu minnhom.

  • Ipprova aghraf aktar filwaqt li tniżżel il-mumenti li jġibulek ferh matul ilġurnata tieghek – Dawn jistgħu jkunu affarijiet sempliċi, bħal xi belgħa té sħuna jew tbissima u bongu mingħand il-ġar/a tiegħek. Matul il-ġurnata tagħna huwa żġur li jiġruaffarijiet pożittivi, iżda jista’ jkun li xi drabi forsi ma nagħtuhomx wisq ħsieb u nħalluhom jgħaddu bħar-riħ. Li nagħmluha l-intenzjoni tagħna li niffukaw aktar fuqhom tista’ tkun ukoll mezz ieħor li jgħinna sabiex itina u jippreserva l-enerġija tagħna. Huwa sabiħ ukoll li naghmlu aktar sforz konxju sabiex nikkumplimentaw lilna nfusna, kif ukoll lill-membri l-oħrajn tal-familja tagħna.

  • Insibu mezz kreattiv sabiex inkunu nistgħu nesprimu l-emozzjonijiet tagħna – Dan jista’ jsir forsi b’xi tpinġija, kitba, eċċ. Ma jimpurtax liema metodu jiġi uzat, pero nafu dwar l-importanza li ma nħallux lill-emozzjonijiet tagħna jinġabru taħt it-tapit ftit ftit, peress li dan jagħmel ferm aktar ħsara milli ġid. Fejn jidħlu l-emozzjonijiet huwa importanti li nsibu metodu li jahdem għalina, sabiex imbad inkunu nistgħu nesprimuhom ‘il barra minn ġo fina stess.
  • Nipprattikaw nużaw kliem aktar newtrali u kliem aktar adattat sabiex niddeskrivu l-emozzjonijiet tagħna – Per eżempju,‘jien inħossni imdejjaq/imdejqa meta … ’ Huwa tajjeb ukoll li nkunu konxji ta’ kif inkunu qegħdin inpoġġu ġisimna u tat-ton tal-vuċi tagħna.

  • Żomm rekord ta kemm-il darba u meta tħoss dik ir-rabja qawwija, sabiex tkun tista’ tipprova tifhem aħjar il-metodu u l-funzjoni li hemm warajha – Per eżempju, jista’ jkun li tibda’ tinnota li kull darba li forsi uliedek ikunu irritabli, inti tibda’tħossok aktar frustratrat/a b’mod mhux proporzjonat. Jista’ ikun ukoll interessanti li tirrifletti fuq kif inti stess kont tiġi milqugħ/a bħala tifla/tifel meta kont tesprimi emozzjoni simili fil-familja tal-origini tiegħek. Din l-emozzjoni kienet tiġi aċċettata? Jew kienet emozzjoni li ma kienitx permessa ġewwa d-dar? Kif xtaqna li l-ġenituri taghna jaġixxu magħna f’mumenti hekk? X’nistgħu nitgħallmu fuq dawn l-esperjenzi? Li tkun ġenitur minnu nnifsu jinvolvi ħafna riflessjoni u xogħol fuqna nfusna.

  • Eżamina l-aspettazzjonijiet tiegħek, kemm għalik bħala ġenitur kif ukoll għat-tfal tiegħek – Dawn ix-xewqat humarealistiċi u bbażati fuq l-iżvilupp tat-tfal tiegħek, jew forsi huma aspettazzjonijiet kbar iżżejjed? Għalkemm l-intenzjoni minnha nnifisha tkun waħda tajba, wieħed/waħda jista’/tista’ joħloq/toħloq aktar stress meta nkunu wisq riġidi u nkunu forsi għedna ‘iva’kemm-il darba għal opportunitajiet differenti. Huwa sabiħ li nħossuna entużjasti għal xogħol u esperjenzi differenti; fejn fl-istess waqt huwa importanti li nifhmu li l-enerġija tagħna hija limitata u li jekk aħna ser nitgħabbew iżżejjed ser ikollna inqas energija u paċenzja għat-tfal tagħna. Personalment lili tgħinni li nfakkar lili nnifsi li huwa aċċettabbli li nghid ‘le’ u li nippreserva l-enerġija tiegħi għat-tfal tiegħi, li fiż-żmien li qegħdin fih bħalissa jien qisni d-dinja għalihom. Ma nixtieqx li jgerbu s-snin u imbagħad ikolli d-dispjaċir li jiena ma kontx preżenti biżżejjed għalihom daqskemm xtaqt, filwaqt li nara li nkun preżenti għalihom b’mod san u kalm kemm jista’ jkun. Madanakollu, ġieli jiġu ġranet aktar diffiċli minn oħrajn anke fil-ħajja ta’ ġenitur; fejn hawn jiena nipprova nfakkar lili nnifsi li t-tfal tiegħi għadhom żgħar u li l-moħħ taghhom bħalissa għadu mhux żviluppat daqs tiegħi. Minħabba f’hekk għad għandhom bżonn aktar lili sabiex jikkalmaw. Nixtieq naqsam magħkom ukoll li meta jiena diga’ nkun għajjiena, u mimlija b’emozzjonijiet intensi, mhux dejjem inkun nista’ naħseb b’mod ċar kif qed nagħmel hawnhekk. F’dawk il-mumenti jiena jkolli bżonn li nieħu pass lura u nagħfas il-buttuna tal-pawża sabiex l-ewwel nikkalmaw lili nnifsi jien, ‘ħallib’hekk nkun nista’ nirrispondi għat-tfal tiegħi b’mod ahjar. Għalkemm dejjem nipprova nagħmel mill-aħjar li nista’, nammetti ukoll li mhux dejjem jirnexxieli nżomm kalma. U meta ninzerta niżbalja u ninduna b’dan, nipprova ukoll nagħmel mezz sabiex nirranġa l-iżball tiegħi u nieħu ħsieb ir-relazzjoni mat-tfal tieghi. B’hekk it-tfal ikunu qegħdin jitgħallmu ukoll kif wieħed/waħda ikun/tkun jista’/tista’ jieħu/tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet tiegħu/tagħha b’mod san.

  • Insiru aktar konxji tal-effett tal-midja soċjali fuq is-saħħa mentali u emozzjonali tagħna – Illum il-ġurnata aħna spiċċajna mgħaddsa f’kultura tal-midja soċjali, fejn ħafna nies ġeneralment jixxerjaw l-aspetti posittivi tal-ħajja tagħhom, fosthom tat-trobbija. Kemm il-darba nsibu lilna nfusna b’mod konxju, jew anke anqas konxju, nikkumparaw kif aħna bħala ġenituri għal ħdejn ħaddiehor? Kemm-il darba forsi nispiċċaw nikkritikaw lilna nfusna, filwaqt li narawna bħala ġenituri inqas tajbin, minħabba li noqgħodu nagħtu każ biss tas-sabih tal-ħajja ta’ ġenitur li jkun ixxerja ħaddiehor? Mingħajr ma nneħħi xejn mis-sabiħ u mil-libertà li wieħed/waħda jixxerja/tixxerja, fejn jien stess nagħmilha xi kultant, huwa tajjeb li nifhmu wkoll li hemm ħafna aktar emozzjonijiet u ostakli wara l-kwinti nfushom. U meta aħna nsibuna għaddejjin minn mumenti diffiċli bħala ġenituri forsi nsibuh t’għajnuna li niftakru li aħna m’aħniex qegħdin weħidna, u li l-mumenti diffiċli jgħaddu wkoll. Jgħin ukoll li xi kultant tieħu brejk mill-midja soċjali, u minflok tagħżel li tkun aktar preżenti fil-ħajja reali mal-familja tiegħek.
  • Ippjana ħin għalik innifsek – tkellem mal-partner jew mal-familja tiegħek u araw kif tkunu tistgħu tippjanaw sabiex ikollok ftit tal-ħin personali sabiex tkun tista’ terġa’ tiltaqa’ ma’ dik il-parti tiegħek innfisek li mhijiex ta’ ġenitur. Li xi kultant jirnexxilna noħorgu ma’ xi ħbieb, jew li anke noħorġu waħedna u nagħmlu affarijiet li nħobbu għall-kwiet, jista’ jgħin sabiex jiġġeneralna daqxejn aktar energija, filwaqt li tgħinna wkoll li nkunu aktar preżenti b’mod pożittiv fil-ħajja tal-familja tagħna aktar tard. Inkunu wkoll qegħdin naghtu lit-tfal tagħna eżempju ċar fuq l-importanza li nieħdu ħsieb tagħna infusna u li naqtgħu ftit mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, sabiex b’hekk inkunu nistgħu nieħdu ħsieb diversi aspetti tal-identità tagħna.

X’nista’ nagħmel meta tkun qabżitli?

Ilkoll kemm aħna bħala ġenituri jkollna dawk il-mumenti fejn niżbaljaw u fejn inħossuna li m’aġixxejniex b’mod tajjeb. Aħna kollha kemm aħna umani, fejn huwa tajjeb li nipprattikaw li nkunu ġentili u li nifhmu x’qiegħed jiġri fina nfusna li qiegħed jimbuttana sabiex naġixxu b’dan il-mod. Hija għeja? Huma dwejjaq? Hija konfużjoni t’identità? Huwa nuqqas ta’ sapport? Huwaminħabba dan kollu jew minħabba xi ħaġ’oħra? Sabiex nikbru u nikkontrollaw lilna nfusna rridu nirriflettu u naħsbu fuq dak li nkunu għaddejna u li nkunu għaddejjin minnu. Jekk nibqgħu ngħixu ħajjitna mingħajr qatt ma nirriflettu fuqha inkunu verament qegħdin nagħżqu fl-ilma.

Punt importanti huwa li meta aħna nindunaw li nkunu żbaljajna, għandna nieqfu minnufih mill-aġir tagħna f’dak il-mument u nitolbu skuża lit-tfal tagħna, filwaqt li naraw kif nistgħu naġixxu aħjar bħala ġenituri. Li ngħidu kemm jien ġenitur ħazin jew li kien messni naf aħjar, mhux ħa tgħin lil din is-sitwazzjoni u l-istat tal-emozzjonijiet tagħna. Probabbli anzi iżjed jaf jaffetwana bil-kontra, peress li dan jamplifika aktar l-istress u d-dwejjaq fuqna. Għalhekk huwa tajjeb li nuru empatija mal-uġigħkollettiv tagħna u mal-problemi li aħna naffaċjaw bħala ġenituri. Huwa f’dak il-mument li forsi inkunu nistgħu ukoll naqsmu qalbna mal-partner tagħna, familja jew ħbieb tal-qalb għal aktar sapport.

Meta nibdew ninnutaw li nkunu qegħdin inħossuna imdejqin jew rrabjati aktar ta’ spiss, minkejja li nkunu qegħdin nippruvaw nagħmlu l-almu taghna sabiex nieħdu ħsieb tagħna nfusna, isir aktar u aktar importanti li nfittxu l-għajnuna ta’ terapista. Li nfittxu spazju ta’ terapija sabiex jgħinna nipproċessaw u nirriflettu tista’ tkun xi ħaġa ta’ valur verament kbir. M’għandna qatt niddejqu infittxu l-għajnuna, fejn kulhadd għandu bzonn lil xulxin b’xi mod jew b’ieħor. It-terapija tista’ tgħinek tifhem aktar lilek innifsek, filwaqt li jista’ jkun li tlaqqgħek ukoll ma’ perspettivi differenti li qatt ma tkun ikkunsidrajt qabel.

L-Aħħar Ħsibijiet

Din ir-rabja intensa tista’ tkun ukoll sintomu ta’ dwejjaq u ta’ telf li nkunu ġarrabna matul iż-żmien. Huwa importanti li naħdmu fuqna nfusna, billi nagħmlu aktar spazju għal bżonnijiet tagħna, sabiex b’hekk inkunu nistgħu nipprocessaw dak li nkunu għaddejjin minnu b’mod aktar komplut. Żommu f’moħħkom ukoll li għalkemm xi kultant nistgħu nħossuna rrabjati, dan ma jfissirx li ma nħobbux lit-tfal tagħna. Anzi, tkun qiegħda tiġina opportunità akbar sabiex inkunu nistgħu ngħallmu lit-tfal tagħna kif huma jistgħu jifhmu l-emozzjonijiet tagħhom u jesprimuhom b’mod aħjar. Li nifhmu lilna nfusna huwa xogħol li ma jispiċċa qatt u li jeħtieġ hafna paċenzja, speċjalment matul il-vjaġġ tat-trobbija nnifsu.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Positive Parenting Malta u taħditiet Psikoedukattivi

Positive Parenting Malta tkompli tippromwovi aktar għarfien dwar il-ħiliet fit-trobbija pożittiva u tipprovdi appoġġ prattiku għall-ġenituri u l-professjonisti billi toffri webinars psikoedukattivi. Positive Parenting Malta se torganizza webinar mad-Dipartiment...

Positive Parenting Malta and Psychoeducational talks

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!