Għadni kif skoprejt li it-tfal tiegħi għandhom l-Awtiżmu. X’inhuma l-passi li jmiss? Pariri t’appoġġ għall-ġenituri tat-tfal li għandhom l-Awtiżmu.

Fil-prattika professjonali tiegħi bħala psikologa klinika, ta’ spiss iltqajt ma’ ġenituri li jkunu jixtiequ jifhmu iktar dwar jekk it-tfal tagħhom jikklassifikawx jew le fl-Ispettru tal-Awtiżmu i.e. Autism Spectrum Disorder (ASD). Li toffri sapport u li tikkomunika mal-ġenituri dwar xi jfisser li tkun fuq l-Ispettru tal-Awtiżmu huwa importanti daqs, jekk mhux aktar, mill-‘assessment’ nnifisu. F’dan il-blog, ser inkun qed naqsam magħkom xi passi inizjali li l-ġenituri jkunu jistgħu jsibu utli sabiex isostnu lilhom infushom u lil uliedhom. Barra minn hekk, kif enfasizzat hawn taħt, it-tfal kollha jibbenefikaw minn sapport pożittiv għat-trobbija tat-tfal. Nittama li tinħoloq żieda fl-għarfien permezz ta’ blogs psikoedukattivi bħal dawn u li l-ġenituri, kif ukoll kwalunkwe professjonist li jaħdem mal-familji, ser iżommu dawn it-tip ta’ pariri f’moħħhom.

Nifhmu ‘l-aħbar’

Għal xi ġenituri li jkunu qegħdin jaffaċċjaw id-dijanjożi tal-ASD t’uliedhom dan jista’ jkun bħala xokk, peress li  forsi dan ma kienx dak li huma kienu qegħdin jistennew li jisimgħu, jew tista’ tkun ukoll xi ħaġa li qatt ma kienu semgħu biha qabel. Għal ġenituri oħrajn, dan jista’ jkun bħala forma ta’ serħan, filwaqt li jagħtihom idea aktar ċara tal-iżvilupp u tal-perspettiva fuq il-ħajja t’uliedhom. Tkun xi tkun ir-reazzjoni, tajjeb li nzommu f’moħħna li m’hemm l-ebda reazzjoni tajba jew ħażina, iżda li dan huwa sempliċement proċess ta’ kif jifhmu u jipproċessaw l-aħbar. Huwa kruċjali li l-ġenituri jingħataw l-appoġġ massimu matul il-vjaġġ kollu. Apparti minn hekk, il-ġenituri jkunu jistgħu jibbenifikaw minn riżorsi xierqa u aċċess għas-servizzi tal-ASD, inkluż gruppi t’appoġġ. Huwa utli għall-ġenituri li jħossu li m’humiex waħedhom u li s-sentimenti tagħhom, huma x’inhuma, huma validi. Huwa importanti li tifhem li m’huwiex it-tort tiegħek li t-tfal tiegħek għandhom ASD. Din m’hijiex xi ħaġa li setgħet tiġi evitata, u m’għandux x’jaqsam mal-metodu tat-trobbija. Ir-riċerka tgħidilna li l-ASD hija relatata mal-iżvilupp newroloġiku, li tista’ tkun relata mal-ġenetika u li tista’ toħroġ minħabba diversi fatturi. Għad hemm ħafna studji għaddejjin dwar dan għax l-ASD hija kundizzjoni li fadlilna x’nifhmu fuqha.

Il-vjaġġ li jwassal għad-dijanjosi u l-esperjenza tat-trobbija tal-ulied jafu lkoll kemm huma jinvolvu taħlita sħiħa t’emozzjonijiet. Bħala ġenituri, jaf ikun t’għajnuna li tiftakar li għandek tagħti l-ħin lilek innifsek, filwaqt li ssib nies li jkunu jistgħu jersqu aktar fil-qrib sabiex jifhmu s-sitwazzjoni tiegħek, filwaqt li jkunu jistgħu jagħtuk ukoll is-sapport li teħtieġ. Żomm f’moħħok li llum il-ġurnata hemm aktar għajnuna u appoġġ disponibbli. Jaf ikun t’għajnuna għall-ġenituri li jaċċettaw l-emozzjonijiet varji li jesperjenzaw, flimkien ma’ li jżommu dejjem fuq quddiem l-aqwa kwalitajiet, kif ukoll is-sbuħija, li jaraw f’uliedhom. Hi x’inhi d-dijanjosi, it-tfal tiegħek xorta waħda jibqghu t-tfal tiegħek, u ħadd ma jista’ qatt jieħu dak il-fatt lil’hinn minnek.

L-ASD tista’ titqies bħala l-abbiltà tat-tfal li jesperjenzaw id-dinja b’mod differenti u li jaħsbu, kif ukoll li jġibu ruħhom, xi kultant, b’manjiera differenti. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, il-ġenituri għandhom il-potenzjal li jkunu s-sistema sigura t’appoġġ u ta’ stabbiltà għal uliedhom. Li tagħmel dijanjosi jista’ jkun mezz sabiex tifhem il-ħtiġijiet tat-tfal tiegħek b’mod aktar profond u li jkollok aċċess għal diversi servizzi. Aktar ma’ l-appoġġ ikun kmieni aktar aħjar! Żomm f’moħħok li anke jekk it-tfal tiegħek bħalissa ma jkunux qiegħdin jilħqu ċertu tragwardi tal-iżvilupp, dan ma jfissirx li dawn m’humiex ser jagħmlu hekk aktar tard, speċjalment bil-livell adegwat t’appoġġ u interventi varji. Prova dejjem kun għal-livell tat-tfal tiegħek, kompli ħobbhom u appoġġjahom fit-tagħlim u fit-tkabbir tagħhom.

It-tfal kollha, irrispettivament mid-dijanjosi, jibbenefikaw milli jħossu r-rabta t’imħabba u l-konnessjoni mal-ġenituri tagħhom. Għalhekk, il-ġenituri huma mħeġġa sabiex ikomplu jitkellmu, jilgħabu, jaqraw u jipparteċipaw f’passatempi flimkien m’uliedhom. Apparti minn hekk, li tiddedika xi ħin għall-kura personali tiegħek innifsek m’hijiex xi ħaġa eġoistika, fejn dan huwa meħtieġ sabiex il-ġenituri jkunu appoġġjati f’li jħossuhom aktar fil-kontroll tagħhom infushom, enerġetiċi u siguri meta jkunu m’uliedhom. Il-kura personali tiegħek innifsek tista’ tieħu l-forma ta’ li tmur għal mixja, li tmur tixtri, li titkellem ma’ ħabib/ħabiba, li tikteb ġo djarju, li tieħu waqfa għat-tè, li tkun konxju/konxja tas-sitwazzjoni tiegħek fil-preżent filwaqt li taċċetta l-ħsibijiet, l-emozzjonijiet u s-sentimenti ta’ madwarek, flimkien mal-qari u l-eżerċizzju, fost oħrajn. Li tinvolvi ruħek fi drawwiet li huma tajbin għas-saħħa, bħal li torqod biżżejjed u l-ikel bnin huma verament t’għajnuna. Li tingħaqad ma’ grupp ta’ sapport għall-ġenituri huwa wkoll imħeġġeġ ħafna. F’Malta, hemm ukoll l-Autism Parenting Association, li tagħmel ħafna xogħol siewi!

X’inhu l-Awtiżmu i.e. Autism Spectrum Disorder (ASD)?

L-ASD jista’ jiġi deskritt bħala kundizzjoni tal-iżvilupp newroloġiku, fejn it-tfal li qegħdin fuq l-ispettru jista’ jkollhom diffikultajiet fil-komunikazzjoni verbali u/jew mhux verbali, fl-interazzjoni soċjali, fl-interessi ripetittivi u ristetti, jew fl-aġir tagħhom. It-tfal li ghandhom ASD huma unici u differenti. Kif jissuġġerixxi t-terminu tal-‘ispettru’, it-tfal li qeghdin fuq l-ispettru tal-ASD jistgħu juru varjetà ta’ sintomi b’intensità differenti. Per eżempju, xi tfal li għandhom ASD jistgħu jkunu verbali u jkunu kapaċi jikkomunikaw permezz tal-kliem, filwaqt li oħrajn jistgħu ma jkunux verbali u jkollhom bżonn l-assistenza sabiex jikkomunikaw il-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom. Irrispettivament mill-intensità, huwa kruċjali li nifhmu li l-għajnuna hija disponibbli, u li l-ġenituri huma mħeġġa ferm sabiex ifittxu appoġġ terapewtiku għalihom infushom u għal uliedhom.

L-Awtiżmu m’huwiex xi marda, jew xi ħaġa li nistgħu negħlbu jew nfiequ minnha. Madankollu, nistgħu ngħinu lil dak li jkun biex jitgħallem ħiliet differenti ta’ kif ikampa u jżid il-livell ta’ tagħlim tiegħu permezz ta’ ħiliet ġodda, sabiex jgħin lit-tfal ikunu aktar funzjonali u indipendenti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, kif ukoll fir-relazzjonijiet. Iż-żieda fl-għarfien dwar l-ASD fuq livell soċjali huwa wkoll ta’ benefiċċju kbir, fejn bidliet zgħar fil-ħwienet, kliniċi, skejjel u d-dar jistgħu jagħmlu differenza kbira għal xi ħadd li qiegħed fuq l-ispettru.

Tendenzi komuni tat-tfal li ghandhom ASD :

– Diffikultajiet f’li jinteraġixxu b’mod adegwat f’sitwazzjonijiet soċjali; fejn xi tfal jistgħu jesperjenzaw xi diffikultajiet f’li jistabilixxu kuntatt viżwali xieraq, it-ton tal-vuċi, li jifhmu espressjonijiet differenti tal-wiċċ, flimkien ma’ li jibdew u jispiċċaw konversazzjonijiet soċjali.

– It-tfal jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet li jifhmu lill-oħrajn f’kuntest soċjali, u jistgħu jsibuha diffiċli jifhmu lil oħrajn f’kuntesti soċjali. Apparti minn hekk, jistgħu jsibuha diffiċli li jibnu, kif ukoll li jmantnu, relazzjonijiet soċjali.

– It-tfal jistgħu jsibuha diffiċli li jifhmu perspettiva differenti, u li jaħsbu dwar kif oħrajn ikunu qegħdin jesperjenzaw l-interazzjoni u s-sitwazzjoni.

– It-tfal jistgħu juru diffikultajiet f’li jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom.

– Jista’ jkun hemm preżenti diffikultajiet ta’ komunikazzjoni; din tista’ tkun komunikazzjoni verbali jew mhux verbali; ripetizzjoni tal-kliem (echolalia) tista’ tkun ukoll preżenti.

– Problemi f’li jinvolvu lilhom infushom f’logħob simboliku; fejn iħossuhom aktar komdi f’li jipparteċipaw f’logħob funzjonali, bħal li jdawru rota.

– Sensittività sensorja miżjuda jew imnaqqsa.

– L-imġieba tista’ tkun ripetittiva; fejn din tista’ tinkludi tidwir, tixjir tal-idejn, aġir partikolari u speċifiku.

– Ċertu tfal jistgħu juru interess speċifiku li jista’ jkun ta’ natura riġida, bħal li jkunu jixtiequ jaraw programm tat-televiżjoni partikolari b’mod ripetut u jsibuha diffiċli sabiex jitbiegħdu minnu. Interessi speċifiċi jistgħu jġiegħlu lit-tfal ikunu aktar iffukati fuq dawk il-kompiti partikolari li jieħdu gost iwettqu.

– Diffikultajiet f’li jaċċettaw bidliet fir-rutina u ħtieġa akbar li jkunu ippreparati għal kwalunkwe tibdil futur.

Ġeneralment, ladarba t-tfal jirċievu dijanjosi tal-ASD, huma jistgħu jkunu eliġibbli wkoll għal appoġġ addizzjonali waqt li qegħdin l-iskola, fejn dan jinkludi l-possibbiltà ta’ Programm Edukattiv Individwalizzat i.e. Individualised Educational Programme (IEP). Ċertu tfal jistgħu wkoll jibbenefikaw minn Speech and Language therapy, Occupational therapy, Applied Behavioural Analysis (ABA), sapport psikoloġiku, sapport psikjatriku u sapport għall-ħiliet soċjali.

 

X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri sabiex jappoġġjaw lil uliedhom li qegħdin fuq l-ispettru?

Nitkellem mat-tfal tiegħi dwar l-Awtiżmu

Huwa kruċjali li t-tfal jingħataw l-ispazju u l-vuċi sabiex jistaqsu mistoqsijiet, fejn b’hekk ikunu jistgħu jesprimu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom fuq id-dijanjosi tal-Awtiżmu. Bħala ġenituri, huwa t’għajnuna li taqsam materjal psikoedukattiv u bbażat fuq l-evidenza tal-ASD b’mod adattat għall-età. L-ASD m’hijiex xi ħaġa li tistħi minnha jew li taħbiha. Għalhekk, li jkollok konversazzjonijiet ta’ natura miftuħa u pożittiva mat-tfal fuq dawn il-kwistjonijiet huwa utli. L-appoġġ terapewtiku jista’ jkun ukoll ta’ valur siewi f’xi punt partikolari, speċjalment meta l-ġenituri jħossuhom mgħobbija żżejjed jew ma jkunux ċerti dwar kif jindirizzaw suġġetti varji. It-tfal kollha għandhom il-kapaċitajiet speċjalizzati tagħhom u l-oqsma li jistgħu jikbru fihom; għin lil uliedek sabiex jagħrfu t-talenti tagħhom u aħdmu flimkien sabiex tespandu l-limitazzjonijiet tagħhom, fejn b’hekk tkun tista’ tappoġġjahom sabiex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Nipprovdi struttura miżjuda

It-tfal li għandhom ASD jiffunzjonaw aħjar f’ambjenti aktar strutturati fejn hemm prevedibbiltà għolja. Dan jista’ jsir b’diversi modi, fejn dan jinkludi li tagħmel skeda viżiva għall-ġurnata mat-tifel/tifla tiegħek. L-iskeda tista’ tinkludi kemm stampi kif ukoll kliem, fejn huma jkunu jistgħu jimmarkaw l-attività li jkunu diġà lestew. L-għoti t’informazzjoni dwar it-tul ta’ ħin li tista’ tieħu kull attività jista’ jkun ukoll utli. Ċertu tfal jistgħu japprezzaw ukoll l-użu ta’ kronometru jew timer ‘ħalli jgħinhom jifhmu aħjar il-kunċett tal-ħin. Li tfakkar regolarment dwar meta xi attività tkun ser tintemm jista’ jgħin fit-tranżizzjoni minn kompitu għall-ieħor.

Inkun aktar konxju/konxja u infurmat/infurmata ta’ kwistjonijiet sensorji

It-tfal li jbatu mill-ASD jistgħu jesibixxu diffikultajiet sensorji, fejn dan ikun ifisser li huma jistgħu jkunu iper jew ipo sensittivi għall-informazzjoni li tkun qed tingħata mill-ħames sensi (mess, xamm, vista, togħma u ħoss). Meta t-tfal ikunu ipersensittivi, huma jkunu jistgħu jesperjenzaw is-sensi b’mod aktar intens, per eżempju, fejn huma jkunu jistgħu jiġu mdejqa minn tipi ta’ dawl differenti jew ħsejjes differenti. Alternattivament, meta t-tfal ikunu iposensittivi, jista’ jkun li dawn ma jurux reazzjoni għall-istimuli sensorji li jkunu qed jiġu esposti għalihom. Per eżempju, jista’ jkun il-każ li lil dawn ma ddejjaqhomx riħa tinten t’ikel li ma jkunu baqa’ tajjeb, u jispiċċaw jiekluh xorta waħda. Madanakollu, t-tfal li qegħdin fuq l-ispettru tal-ASD jistgħu wkoll xi kultant jiġu deskritti bħala pjuttost selettivi f’dak li jieklu.

Bħala ġenituri, huwa utli li nkomplu nifhmu l-kwistjonijiet sensorji tat-tfal, sabiex l-ambjent ikun jista’ jiġi adattat kemm jista’ jkun possibli għall-bżonnijiet tagħhom. Xi pariri prattiċi dwar x’jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu l-ġenituri jinkludu li jaġġustaw il-livell tal-istorbju, li jneħħu d-distrazzjonijiet, li jagħmlu għażliet infurmati dwar liema deterġenti u prodotti tat-tindif tal-art għandhom jużaw, li jagħżlu l-aktar materjal komdu għall-ħwejjeġ, u kunsiderazzjonijiet oħrajn.

Inżid il-ħiliet soċjali pożittivi

It-tfal li jbatu bl-ASD jistgħu jsibuha diffiċli li jinteraġixxu soċjalment mal-oħrajn, u jista’ jkun li jkollhom bżonn aktar sapport sabiex jiżviluppaw aktar ħiliet soċjali. Il-ġenituri jistgħu jappoġġjaw lill-uliedhom billi jimmudellaw interazzjonijiet soċjali xierqa, jinvolvu ruħhom f’logħob tar-rwoli, jipparteċipaw f’logħob skedat i.e. play dates, kif ukoll jaqraw kotba u stejjer b’tema soċjali. Huwa importanti wkoll li t-tfal isiru aktar konxji tal-indikazzjonijiet mhux verbali u l-lingwaġġ tal-ġisem. Ir-ripetizzjoni, il-prattika, il-paċenzja u t-tama huma utli ħafna peress li t-tagħlim iseħħ maż-żmien.

Inkomplu ninvestu fir-relazzjonijiet sinifikanti tagħna, inkluż mal-imsieħba tagħna

Bid-domanda dejjem tiżdied, inkluż fejn jirrelata ma’ li tifhem il-bżonnijiet varji tat-tfal u li tlaħħaq mad-diversi appuntamenti, wieħed jista’ faċilment isib li jkun fadallu ftit li xejn enerġija sabiex jinvestiha fir-relazzjoni ta’ koppja. Madanakollu, fi żminijiet ta’ stress, ir-riċerka turi kif huwa saħansitra iżjed importanti li niddedikaw xi ftit mill-ħin u mill-enerġija tagħna sabiex niffurmaw konnessjoni mal-persuni l-oħrajn sinifikanti f’ħajjitna. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ konversazzjonijiet ta’ kuljum, li nibgħatu messaġġi jew li nċemplu lil xulxin matul il-ġurnata, li nippjanaw date night (mingħajr tfal) u li nitkellmu dwar il-ħtiġijiet u l-ħolm ta’ dak li jkun – kemm jekk fuq bażi individwali, relazzjonali u familjari. Li wieħed iżomm ruħu aġġornat fuq xulxin u l-bżonnijiet tal-familja jista’ jgħin lill-imsieħba sabiex jibqgħu aktar konnessi flimkien. L-istudji jissuġġerixxu li dawk il-koppji li għandhom ħiliet pożittivi ta’ komunikazzjoni u ta’ kif jaffaċċjaw il-problemi jkollhom probabbiltà akbar li jappoġġjaw lil xulxin bl-aħjar mod waqt żminijiet ta’ sfida, filwaqt li jsiru saħansitra eqreb u aktar siguri bejniethom. Meta l-imsieħba jikkomunikaw u jżidu l-għarfien tagħhom dwar kif xi drabi tista’ tkun stressanti li jkollok tfal li għadhom kif irċievew dijanjosi tal-ASD, huma jkunu jistgħu jkomplu jitjiebu f’li jantiċipaw u jegħlbu xi wħud minn dawn l-isfidi flimkien.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-imsieħba tagħna jistgħu jesperjenzaw il-vjaġġ tad-dijanjosi b’mod differenti, fejn xi msieħba jistgħu jkunu f’ċaħda akbar filwaqt li oħrajn ikunu aktar lesti li jaċċettaw, kif ukoll jkunu jixtiequ li jsiru jafu aktar. Għalhekk, huwa rrakkomandat ħafna li l-koppji jfittxu xi forma t’appoġġ terapewtiku, sabiex dan jgħinhom jaslu għal ftehim fejn jidħlu l-emozzjonijiet tagħhom u t-triq ‘il quddiem b’mod unit, għall-benefiċċju tas-sistema tal-familja kollha.

Naħsbu fl-aħwa

Meta tfal jirċievu dijanjosi tal-Awtiżmu, wieħed jeħtieġ jaħseb ukoll dwar kif dan jista’ jħalli impatt fuq is-sistema tal-familja kollha, inkluż fuq l-aħwa. L-aħwa jistgħu jesperjenzaw firxa sħiħa t’emozzjonijiet, inkluż ansjetà, inċertezza, solitudni, stress, biża, ħtija u rabja, fost l-oħrajn. X’uħud mill-aħwa jista’ jkun li ma jkunux kapaċi jesprimu s-sentimenti tagħhom verbalment, fejn tkun tista’ tinkiseb aktar informazzjoni mill-manjiera kif huma jkunu qegħdin iġibu ruħhom. Barra minn hekk, jista’ jkun li xi aħwa jibdew jassumu aktar responsabbiltajiet u li jsiru aktar indipendenti minn età aktar bikrija. Dan jista jwassal għal dak li jissejjaħ ‘parentification’, fejn l-aħwa jassumu aktar l-irwol ta’ ġenitur milli dak ta’ tfal. Filwaqt li huwa benefiċċjali għall-aħwa li juru livelli għoljin t’attenzjoni, sensittività, altruiżmu u empatija, huwa importanti wkoll li l-ġenituri jappoġġjaw l-aħwa sabiex dawn ikunu jistgħu jgawdu t-tfulija tagħhom.

L-appoġġ lejn l-aħwa sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom b’mod sigur u tajjeb huwa kruċjali. L-aħwa tat-tfal li għandhom l-ASD jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ emozzjonali u minn ħin ta’ kwalità fuq bażi individwali i.e. one to one, kif ukoll li tingħatalhom attenzjoni. Dan xi kultant jinkludi li jkollhom attivitajiet individwali u separati minn ta’ ħuthom. Barra minn hekk, li jiġi pprovdut is-sapport lill-aħwa sabiex jiffurmaw kuntatti, inkluzi ħbiberiji, barra mid-dar, jibqa’ importanti ferm għall-iżvilupp psikosoċjali tagħhom.

Huwa utli għall-ġenituri li jikkomunikaw mal-aħwa, u li jispjegaw permezz ta’ lingwaġġ sempliċi x’ikun qiegħed jiġri u li jagħtuhom l-ispazju sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw, kif ukoll jistaqsu, kwalunkwe mistoqsija. Għat-tfal li huma akbar fl-età jaf ikun t’għajnuna li tiġi pprovduta informazzjoni psikoedukattiva fuq l-ASD. Permezz t’hekk, l-aħwa jkunu jistgħu jżidu l-għarfien tagħhom dwar il-ħtiġijiet ta’ ħuthom. Huwa wkoll importanti li nfakkru lill-aħwa li ħuthom jammontaw għal ħafna aktar mid-dijanjosi tal-ASD. Huma tfal uniċi bl-aqwa kwalitajiet u abbiltajiet tagħhom stess kif ukoll personalitajiet, li jistħoqqilhom jiġu ċċelebrati. Apparti minn hekk, il-ġenituri jistgħu jsibu wkoll gruppi lokali t’appoġġ għall-aħwa, fejn wieħed ikun jista’ jaqsam esperjenzji, emozzjonijiet, ħsibijiet u ħiliet ta’ kompetenza.

L-Awtiżmu u t-trobbija pożittiva tal-ulied

Ilkoll kemm aħna nafu li t-trobbija tal-ulied iġġib magħha diversi sfidi. X’uħud mit-tfal li għandhom l-Awtiżmu jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet sabiex jikkomunikaw, u jistgħu jsibuha diffiċli sabiex jesprimu verbalment l-ħtiġijiet tagħhom. Dan, flimkien ma’ fatturi oħrajn bħal kwistjonijiet sensorji, jista’ jżid il-probabbiltà ta’ kollass jew kriżi emozzjonali i.e. meltdown fit-tfal infushom. Kollassi jew kriżijiet emozzjonali i.e. meltdowns fit-tfal jafu jkunu t’eżawriment emozzjonali kbir għall-ġenituri, u l-ewwel ħaġa li għandhom bżonn jagħmlu l-ġenituri hija li jaraw kif jistgħu jżommu lilhom infushom kalmi, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jissaportjaw aħjar lil uliedhom. Meta l-affarijiet ikunu aktar kwieti u kalmi, jaf ikun t’għajnuna li nħarsu lura lejn is-sitwazzjoni filwaqt li nippruvaw nifhmu x’kien li kkawża dan il-kollass emozzjonali i.e. meltdown fit-tfal. Dan jista’ jagħti l-kapaċità lill-ġenituri sabiex jieħdu aktar miżuri ta’ prevenzjoni. Xi fatturi li jaffettwaw lit-tfal li jbatu bl-ASD jistgħu jkunu wkoll relatati mal-iper jew ipo stimulazzjoni, fejn dawn jinkludu bħala eżempju, li jkunu sensittivi ħafna għal ħsejjes differenti u li jħossuhom aktar faċilment eżawriti. It-tnaqqis tal-istorbju fid-dar jew li nipprovdu lit-tfal b’headphones li jikkanċellaw l-istorbju taf tkun ukoll konsiderazzjoni oħra, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn l-istorbju huwa inevitabbli. Il-kunċetti tat-trobbija pożittiva tal-ulied li jiffukaw fuq l-investiment fir-relazzjoni ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal, li jingħata tifħir speċifiku u li tiġi pprovduta struttura, kif ukoll konsegwenzi naturali, jibqgħu kruċjali.

Konklużjoni

Nixtieq li l-messaġġ li tieħdu magħkom id-dar ta’ dan il-blog ikun li inti l-aħjar persuna hemm barra li tista’ tieħu ħsieb tat-tfal tiegħek, billi tħobbhom u tieħu ħsieb tal-bżonnijiet tagħhom. Hija xi ħaġa li tifhimha li ma tkunx taf kollox dwar l-ASD, u lanqas inti mistenni li tagħmel hekk! It-tfal tiegħek xorta waħda jibqgħu t-tfal tiegħek, fejn dak kollu li tkun qed tagħmel ser iservi t’investiment sabiex tkun tista’ tappoġġjahom  fl-iżvilupp, fir-relazzjonijiet, kif ukoll fil-benesseri tagħhom. Fittex aktar sapport u ingħaqad ma’ ġrupp t’appoġġ, fejn tkun tista’ tiltaqa’ ma’ ġenituri oħrajn li jkunu għaddejjin minn esperjenzi simili. Li jkollok tfal bl-ASD tista’ tbiddillek ħajtek. Tista’ tagħtik perspettiva minn lenti differenti, li permezz tagħha tkun tista tara’ l-ħajja – inkluż il-valur f’li wieħed jifhem il-valur tal-uniċità u l-ħtiġijiet differenti ta’ kull wieħed u waħda minnha, flimkien mas-sbuħija f’li naċċettaw u napprezzaw id-differenzi.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

L-impatt tal-vjolenza domestika fuq it-tfal

Studju lokali reċenti dwar, “Safety in Childhood: A prevalence survey on childhood experiences of abuse”, kien imwettaq mid-Dipartiment tal-Istudji dwar it-Tfal u l-Familja fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru...

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!