It-tfal adolexxenti tiegħi jistħu u joqgħodu lura wisq… X’nista’ nagħmel jien bħala ġenitur?

Fix-xogħol tiegħi bħala psikologa u terapista tal-familja, ġieli ltqajt ma’ ġenituri li jkunu kemmxejn imħassbin dwar kemm it-tfal taghhom, speċjalment fiż-żmien tal-adoloxxenza, joqgħodu lura u forsi juru ċertu mistħija. Fil-kultura Maltija ġieli ltqajt ukoll mal-idea li t-tfal fuq tagħhom sbieħ. Għalkemm nifhem l-enerġija u l-briju li jagħtu dawn it-tfal u l-adoloxxenti li huma iktar estroverti, nemmen ukoll li kulħadd huwa uniku u għandu xi ħaġa x’joffri, inklużi dawk it-tfal li huma iktar introverti u sensittivi. F’dan l-artiklu ser nittratta dwar l-importanza li ngħinu l-karattru tat-tfal adolexxenti tagħna joħrog u jiżviluppa, b’tali mod li huma jħossuhom aktar kuntenti u kunfidenti fihom infushom.

 Kulħadd għandu l-karattru u t-temperament differenti tiegħu. Ħafna drabi l-mistħija hija xi ħaġa normali,u ftit jew wisq mistennija fl-adolexxenza, izda ser naraw ukoll kif xi kultant jekk il-mistħija tkun eċċessiva u taffettwa l-funzjoni fil-ħajja ta’ kuljum tal-adolexxent, hemmhekk ikun ta’ ħtieġa li wieħed/waħda ifittex/tfittexaktar l-għajnuna professjonali.

Għaliex nistennew li naraw aktar mistħija fiżżmien tal-adolexxenza?

L-adolexxenza huwa żmien ta’ ħafna bidliet fiżiċi, emozzjonali u socjali. Huwa perjodu ta’ ħafna kambjamenti u inċertezzi. L-adolexxenti jkunu għadhom ukoll qed isiru jafu min huma u x’jixtiequ mill-ħajja; dan kollu jgħin fil-proċess tal-iżvilupp tal-identita’ tagħhom. L-adolexxenti jista’ jkun li jaħsbu u jħossuhom li qegħdin fic-ċentru tal-attenzjoni, u li kulħadd ikun qiegħed jiflihom u jiġġudikahom b’xi mod. Dan il-kunċett huwa dak li bl-Ingliż insejħulu ‘imaginary audience’ (Elkind, 1967). Infatti din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet ‘il għaliex huma jħossuhom aktar mistħija.

Kif tista’ tgħin bħala ġenitur sabiex issawwar aktar kunfidenza fl-adolexxenti?

  • L-ewwel u qabel kollox huwa important li ninnormalizzaw u nifhmu l-emozzjoni tal-ansjetà li jistgħu jħossu l-adole Fl-istess ħin huwa importanti li nħeġġuhom sabiex ma jibqgħux fiċ-ċirku tas-sigurtà tagħhom biss, u li nimbuttawhom sabiex jesperjenzaw esperjenzi ġodda u sabiex joħorġu aktar minn qoxorthom. Dan il-proċess m’huwiex wieħed faċli, u fl-istess ħin huwa wieħed li jirrikjedi li jkunu kuraġġjużi u li jkollhom is-sapport tagħna li nemmnu fihom. Huwa xi ħaġa sabiħa, filwaqt li jgħin ħafna ukoll, li meta narawhom li qegħdin jagħmlu sforz, u jieħdu pass żgħir kemm hu żgħir ‘il quddiem, importanti li infaħħruhom. Per eżempju: “Nista’ nimmaġina kemm kienet diffiċli għalik li tmur f’dan il-klabb tażżfin għall-ewwel darba u li tintroduċi lilek innifsek. Prosit tal-kuraġġ tieghek! Iktar ma tmur issa aktar hemm ċans li tiġik aktar faċli u naturali. Taqtax qalbek, jiena dejjem hawn għalik u nemmen fik.” Tajjeb li nifhmu ukoll li mhux kulħadd maqtugħ għaż-żfin jew għall-palk, u li m’hemm xejn ħazin b’daqshekk; hemm min jintilef fil-kotba jew xi arti oħra. Għandna niċċelebraw is-sbuħija ta din is-sensittività u din il-ġentilezza. Per eżempju, nafu b’ħafna xjentisti li jaqgħu taħt din il-kategorija 😊
  • Ipprovdi opportunitajiet fejn tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-adolexxenti, fejn dawn ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom u l-opinjonijiet tagħhom. Xi ħaġa sempliċi tista’ tkun bħal meta, per eżempju, tkunu qegħdin tieklu barra u tħalli lill-adolexxenti jordnaw huma l-ikel tagħhom. Aktar ma jkollhom l-opportunità li jipprattikaw dawn il-kapaċitajiet sabiex ikunu jistgħu jitkellmu għalihom infushom, aktar ser tgħinhom sabiex jimmaniġġjaw il-mistħija aħjar.
  • Tkellem magħhom fuq x’ikunu qed jimmaġinaw li jkun se jiġri meta jħossu l-bżonn li joqgħodu lura. Esplora magħhom mistoqsijiet bħal: “X’inhi l-agħar ħaġa li tista’ tigri?”, flimkien m’oħrajn bħal, “U jekk din tiġri, x’nista’/x’nistgħu nagħmel/nagħmlu f’dak il-każ biex ngħinek/ngħinuk?” Ħafna drabi, meta wieħed/waħda jikkonfronta/tikkonfronta dak li jkun qed iħassbu/iħassibha u jagħmel/tagħmel pjan t’azzjoni ta’ x’jista’/tista’ jagħmel/tagħmel f’ċertu ċirkostanzi, dan jista’ jgħinu/jgħinha sabiex iħossu/tħossha aktar fil-poter u fil-kontroll li jimmaniġġja/timmaniġġja aħjar l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu/tagħha.
  • Ipprova ifhem aktar kif l-adolexxenti iħossuhom dwar il-mistħ Hija xi ħaġa li qed iddejjaqhom? Kif qed taffetwalhom il-ħajja ta’ kuljum? Meta nitkellmu mal-adolexxenti huwa importanti li nuruhom li aħna napprezzawhom kif inhuma, u li mhux qegħdin hawnhekk biex inbiddluhom, izda sabiex ngħinuhom dejjem aktar jiskopru min huma, flimkien ma’ li jħossuhom iżjed komdi. M’hemm xejn ħazin li wieħed/waħdaikun/tkun aktar mistħi/mistħija minn ħaddiehor. Però jekk l-adolexxenti jkunu jħossu x-xewqa li jixtiequ jiftħu qalbhom aktar, affarijiet bhal logħob ta’ reċtar ta’ ċertu sitwazzjonijiet soċjali jistgħu jgħinu ukoll. Dawn jistgħu jinkludu ideat ta’ kif wieħed/waħda jista’/tista’ jibda/tibda konversazzjoni ma’ nies li jkun/tkun għadu/għadha ma tantx jaf/taf. Apparti minn hekk, dan jgħinhom ukoll jiskopru x’jista’ jikkalmahom f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn iħossuhom mistħija hafna. Xi ideat oħrajn huma: li tgħinhom jitgħallmu kif jistgħu jieħdu nifsijiet fil-fond aħjar, flimkien ma’ li tgħinhom jikkontrollaw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom billi jieħdu brejk qasir minnhom. Jistgħu ukoll jwettqu eżerċizzju fejn jipprattikaw li jaħsbu fuq ħaġa waħda matul ħin wieħed. Per eżempju, jistgħu jmorru għal mixja u joqgħodu attenti għall-ħsejjes differenti tal-madwar lijkunu qed jisimgħu, filwaqt li jagħtu kemm jista’ jkun l-100% tal-attenzjoni tagħhom fuq hekk. Il-moħħ jista’ jkun li jerġa’ jieħdok għal ħsibijiet u emozzjonijiet oħra, iżda inti b’hekk titgħallem ftit ftit kif terġa ġġibu lura għal dak il-mument partikolari. Dan l-ezerċizzju huwa wieħed li għandu x’jaqsam mal-kunċett ta’ “mindfulness”, fejn ir-riċerka turi kemm huwa tassew utli sabiex jgħinna nirregolaw lilna nfusna.
  • Għin lill-adolexxenti jiskopru x’inhuma t-talenti tagħhom, billi tinkuraġġihom jissieħbu f’xi għaqdiet sportivi, jew għaqdiet kreattivi oħrajn, bħal tad-drama, tal-arti u taż-żfin … fejn il-lista minnha nnifisha tista’ tkun infinita 😊. Meta l-adolexxenti jippruvaw affarijiet ġodda, b’riżultat t’hekk dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw aktar kapaċitajiet, filwaqt li aktar ikomplu jiskopru it-talenti tagħhom. Dan huwa mezz ukoll ta’ kif ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ nies ġodda, filwaqt li jiffurmaw aktar ħbiberiji. Dan kollu jista’ jkompli jgħin sabiex iħossuhom aħjar kemm fiżikament, mentalment u kif ukoll soċjalment.
  • Isma’ l-istejjer li jgħidulek l-adolexxenti fuq il-ġurnata li kellhom u l-ħbieb tagħhom. Ipprova kun preżenti għalihom, sabiex meta jħossu l-bżonn li jitkellmu jkunu jafu fejn jistgħu jsibuk. Meta jaqsmu miegħek xi storja dwar xi esperjenza li kellhom ma’ sħabhom, jew li tkun ġratilhom l-iskola, fejn ikunu ħassewhom imweġġgħin jew li m’humiex mifhuma, huwa tajjeb li ngħinuhom billi nrawmu aktar il-kapacita’ fihom li jkunu aktar assertivi.
  • Fakkar lill-adolexxenti dwar kemm għandhom aspetti sbieħ tal-personalita’ tagħhom u kemm irnexxielhom ikunu ta’ suċċess s’issa f’ħ Apprezza s-sabiħ tagħhom u faħħarhom fuqu ħalli tkun mera pożittivagħalihom, anke f’dawk il-mumenti diffiċli bħall-pubertà.
  • Tużax frażijiet bħal: “m’għandekx għalfejn tistħi”; minħabba li ċertu frażijiet ta’ dan it-tip, speċjalment meta jingħadu quddiem ħaddiehor, jista’ jkun li aktar iġiegħlu lil dak li jkun isir konxju u jibda jistħi iż Minflok, jista’ jkun t’għajnuna meta turi aktar empatija u titkellem dwar l-importanza li taċċetta l-karattru uniku ta’ kulħadd. Għalkemm huwa importanti li wieħed/waħda ikollu/ikollha il-ħiliet soċjali ta’ kif imur/tmur man-nies u jikkomunika/tikkomunika b’mod effettiv, għandna naċċettaw li ħa jkun hemm persuni aktar estroverti u li jkunu komdi ma ħafna nies, flimkien m’oħrajn aktar introverti li jkunu aktar komdi fi gruppi żgħar u saħansitra anke weħidhom.

Meta għandi ninkwieta u nfittex aktar għajnuna?

Meta nibdew naraw bidla fl-adolexxenti fejn dawn jibdew jingħalqu aktar fihom infushom, kif ukoll li jħossuhom falluti jew weħidhom, dawn jistgħu jkunu sinjali importanti sabiex wieħed/waħda ifittex/tfittex l-għajnuna. Aġir ieħor li jista’ jkun sinjal ta’ dan jinkludi: bidliet fl-aptit u fl-irqad, flimkien ma’ bidliet fil-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet soċjali, fost oħrajn. Bħala ġenituri dejjem iservi t’għajnuna li nfittxu aktar sapport dwar kif nistgħu ngħinu u nkellmu lil adolexxenti tagħna f’dawn il-mumenti. Huwa importanti ukoll li nkellmu lill-adolexxenti u nħeġġuhom jaċċettaw l-għajnuna professjonali. Sapport lokali jinkludi: Foundation for Social Welfare Services(FSWS) u Child and Young People Services (CYPS). Għal aktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw ukoll lilPositive Parenting Malta minn fuq il-Facebook Messenger tagħna stess, fejn tista’ ukoll tibgħatilna messaġġminn fuq is-sit ta’ Positive Parenting Malta.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!