Iż-żieda fid-domanda sabiex inkomplu nitgħallmu aktar u ntejbu l-kompetenza tagħna bħala ġenituri hija xi ħaġa li qiegħda dejjem tikber. Bħala psikologa, qiegħda niltaqa ma’ aktar ġenituri li jixtiequ jsiru iżjed riflessivi dwarhom infushom u li jkunu żguri li qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu maċ-ċkejknin u l-kbar tagħhom. Għalija, din il-ħeġġa li nitgħallmu u li nkunu aħjar tista’ tkun marbuta mal-valur għoli li nagħtu f’li nagħmlu l-almu tagħna kollu m’uliedna u li nkunu nixtiequhom li jkollhom ħajja sabiħa. Insib li xi ġenituri jippruvaw jagħmlu ħilithom kollha f’li jgħinu lil uliedhom ikunu aħjar minnhom, sabiex dawn ikollhom aktar opportunitajiet milli kellhom huma jew sempliċiment sabiex jgħinuhom ikunu bnedmin aħjar. L-essenza ta’ li nipprovdu lit-tfal bl-aħjar karatteristiċi tagħna fil-verità tirriżulta f’punt ewlieni wieħed – ir-relazzjoni li niżviluppaw u nrawmu magħhom. U kif nistgħu nrawmu dik ir-relazzjoni? Dan jista’ jiġi megħjun bit-tagħlim ta’ ħiliet ta’ komunikazzjoni aktar effettivi u li nużawhom fl-interazzjonijiet tagħna ta’ kuljum m’uliedna. Relazzjoni sigura hija mibnija wkoll fuq l-empatija u l-mogħdrija, fost oħrajn. Fid-dawl ta’ dan, jiena issa ser nikkunsidra xi ideat u suġġerimenti prattiċi għall-ġenituri
Ħiliet tas-smigħ attiv
Tista’ tkun ta’ sorpriża għal xi ġenituri, iżda xi ħiliet huma verament l-iżjed sempliċi (iżda kultant l-aktar diffiċli) fost il-ħiliet kollha. Dan jinkludi ħiliet tas-smigħ attiv – dan huwa meta, f’dan il-każ, il-ġenituri jitilqu minn idejhom dak li jkunu qegħdin jagħmlu, joqogħdu bilqiegħda u jħarsu f’għajnejn uliedhom. It-tnaqqis tad-distrazzjonijiet jgħin lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq il-lingwaġġ tal-ġisem, il-komunikazzjoni verbali u l-emozzjonijiet tat-tfal. Li jiġi stabbilit kuntatt bl-għajnejn u li jinżamm wiċċ ġentili, flimkien mal-qagħda u t-ton tal-vuċi jgħinu sabiex gradwalment it-tfal ikunu aktar lesti li jiftħu qalbhom. Barra minn hekk, iċ-ċaqliq tar-ras bħala sinjal ta’ qbil jew inkoraġġiment u l-użu ta’ deskrizzjonijiet fil-qosor ikomplu jgħinu lit-tfal sabiex iħossuhom aktar mifhuma u validati. Allura, dan minnu nnifsu jidher li huwa pjuttost bażiku u sempliċi. Madanakollu, fil-verità, aħna dan inwettquh fuq bażi regolari? Fl-impenji kollha tagħna jaf ikun il-każ li jkollna xi għaxar ħsibijiet jew iżjed għaddejjin f’daqqa minn moħħna, u nistgħu nħossuna wisq mgħobbijin sabiex xi kultant saħansitra nindunaw b’dak li wliedna jkunu għaddejjin minnu jew li jkunu qegħdin jippruvaw jgħidulna. ‘Ħalli lil din tkun it-tfakkira tiegħek sabiex tibda’ tieħu l-affarijiet aktar bil-mod u sempliċiment tgawdi l-mument mat-tfal tiegħek.
Is-smigħ attiv jinvolvi li niftħu widnejna, għajnejna u qalbna għal dak li jkunu qegħdin jgħidulna wliedna. Aħna niżguraw li nkunu fhimna dak li huma jkunu jixtiequ jgħidulna, billi mbagħad ngħidulhom lura dak li aħna nkunu fhimna mill-komunikazzjoni tagħhom. M’għandniex għalfejn ngħaġġlu sabiex insibu soluzzjonijiet, u lanqas m’għandna noffru l-opinjonijiet tagħna f’dan il-mument. Dan għaliex l-ewwel u qabel kollox it-tfal, u kif ukoll l-adulti, jeħtieġu li jħossuhom mismugħa u mifhuma. B’riżultat ta’ dan, it-tfal jistgħu jħossuhom aktar konnessi sabiex ikunu aktar miftuħa għal, kif ukoll jisimgħu, perspettivi differenti.
Metodi ta’ validazzjoni
Il-validazzjoni tfisser li nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna sabiex nifhmu l-esperjenza mill-perspettiva tat-tfal, u li nirrikonoxxu li dak li huma jkunu qegħdin jgħidu jista’ jkun veru għalihom jew għal kif huma jkunu qegħdin iħossuhom (anke jekk aħna jista’ jkollna perspettivi u emozzjonijiet differenti). Hemm distinzjoni bejn il-validazzjoni tal-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tat-tfal, u li naqblu magħhom jew mal-imġieba tagħhom. Il-validazzjoni tmur id f’id mal-empatija u l-mogħdrija – billi nuru lil uliedna li nistgħu nifhmu u naqsmu l-emozzjonijiet tagħhom dan jgħinhom sabiex iħossuhom li huma maħbubin, denji u aktar siguri. Hawnhekk hawn xi eżempji ta’ dikjarazzjonijiet ta’ validazzjoni :
Għad-Dwejjaq :
- “Nista’ nara li qiegħed tħossok verament imdejjaq bħalissa.”
- “Ma fiha xejn ħażin li tħossok imdejjaq; kulħadd iħossu hekk xi kultant.”
Għar-Rabja :
- “Nifhem li inti rrabjat dwar dak li ġara.”
- “Ma ġara xejn ħażin li qed tħossok irrabjat, ejja ‘ħalli nitkellmu dwar dak li ġara.”
Għall-Biża’ jew Ansjetà :
- “Smajt li qed tħossok imbeżża’. Tista’ tgħidli aktar dwar dak li qed ibeżżgħek?”
- “Huwa normali li xi kultant tħossok anzjuż. Ejja ‘ħalli naraw kif nistgħu negħlbu dan flimkien.“
Żvilupp tal-empatija
L-empatija tappoġġja l-iżvilupp ta’ relazzjoni sikura bejn il-ġenituri u t-tfal. L-empatija tinvolvi li tipprova tifhem kif it-tfal jistgħu jkunu qegħdin iħossuhom, anke meta huma stess ma jkunux jistgħu jesprimu dan verbalment. L-empatija hija għodda utli sabiex tappoġġja lit-tfal f’li jiżviluppaw aktar ħiliet ta’ regolazzjoni emozzjonali. Huwa t’għajnuna meta l-ġenituri jidentifikaw l-emozzjonijiet t’uliedhom u jirrikonoxxu kif huma jistgħu jkunu qegħdin iħossuhom. Il-ġenituri jeħtieġu li joħolqu spazju sigur fejn it-tfal ikunu jistgħu jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom liberament mingħajr il-biża’ li jiġu miċħuda jew umiljati.
Il-ġenituri jistgħu jsibu wkoll l-ħin opportun li fih jaqsmu dak li jgħinhom sabiex jaffaċċjaw emozzjonijiet simili, filwaqt li jkunu lesti li jiddiskutu u joħorġu b’ideat m’uliedhom dwar liema ħiliet huma jkunu jixtiequ jiżviluppaw sabiex ikunu jistgħu jkampaw mad-diffikultajiet tal-ħajja. Bħala ġenituri, aħna l-ewwel mudelli għal uliedna – kif qegħdin jarawna ninnavigaw fost l-emozzjonijiet tagħna? Kif nirrispondu waqt żminijiet ta’ niket? Jekk aħna nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna sabiex f’manjiera konsistenti nirrispondu b’mod tajjeb, x’aktarx li t-tfal tagħna se jsibuha iżjed faċli sabiex jitgħallmu ħiliet xierqa ta’ regolazzjoni emozzjonali. Li nipprovdu lil uliedna b’opportunitajiet sabiex ikunu xhieda t’interazzjonijiet empatiċi, anke bejn il-ġenituri jew membri oħra tal-familja, jista’ jgħinhom sabiex ikomplu jżidu saħansitra aktar mal-ħiliet empatiċi tagħhom. Naturalment, jistgħu jidħlu fatturi oħrajn fis-seħħ, inkluż it-temperament tat-tfal, il-kwalitajiet tal-personalità u ċ-ċirkostanzi tal-ħajja, fost oħrajn.
Modi ta’ kif tappoġġja l-iżvilupp tal-empatija :
– li tiġi mħaddna l-uniċità tat-tfal tiegħek.
– li jinqasmu flimkien attivitajiet adattati għall-età li jippromwovu l-empatija, bħall-irrakkontar tal-istejjer jew logħob fejn jiġu nterpretati ċertu rwoli.
– li jinstabu opportunitajiet sabiex ikunu jistgħu jiġu interpretati l-affarijiet minn perspettiva oħra; staqsi mistoqsijiet li jinkoraġġixxu lit-tfal tiegħek sabiex jiġu kkunsidrati opinjonijiet differenti.
– li jiġu diskussi karattri differenti minn films jew kotba u kif dawn jistgħu jħossuhom f’sitwazzjonijiet diversi.
– li żżomm il-paċenzja u titgħallem kif tibqa’ kalm anke f’sitwazzjonijiet kumplessi.
– li tipprattika l-imħabba mingħajr kundizzjoni – fakkar lit-tfal tiegħek li inti dejjem ser tibqa’ tħobbhom irrispettivament minn dak li jista’ jseħħ jew minn kif huma jkunu qegħdin iħossuhom.
Rinfurzar pożittiv u tifħir iddettaljat
L-idea wara dan huwa li tinduna meta t-tfal tiegħek iġibu ruħhom b’mod tajjeb. Tistenniex li wliedek iġibu ruħhom ħażin sabiex tagħtihom l-attenzjoni tiegħek. Minflok, innota l-interazzjonijiet pożittivi, flimkien mal-imġieba u saħħiet utli tagħhom, u agħmel enfasi fuq dawn b’mod ġenwin u ċar. Tifħir iddettaljat jista’ jgħin ukoll lit-tfal sabiex ikunu jistgħu jrawmu mentalità li tgħinhom ikomplu jikbru. Bħala ġenituri aħna għandna bżonn li niffokaw fuq li nfaħħru l-isforz li jwettqu wliedna, aktar milli r-riżultat biss.
Xi eżempji ta’ tifħir iddettaljat jinkludu :
– “Innotajt kif bil-paċenzja qgħadt tgħin lill-ħabiba tiegħek l-iskola, u kemm kont ġentili.”
– “Il-mod kif qsamt il-ġuġarelli tiegħek u stennejt x’ħin kien imissek ma’ ħuk kien meraviljuż. Kemm inti ġeneruż u kooperattiv.”
– “Ninsab ferm kburi li komplejt tippersevera sakemm irnexxielek tlesti dik l-isfida
tat-taħbil il-moħħ. Id-determinazzjoni tiegħek hija impressjonanti!”
It-trawwim tal-empatija u ta’ ħiliet ta’ komunikazzjoni effettiva fit-tfal jeħtieġ konsistenza, nutriment u ħafna ripetizzjoni. Barra minn hekk, huwa benefiċċjali għat-tfal meta l-ġenituri jagħtu importanza lill-kura tagħhom infushom u jkollhom livell tajjeb ta’ stima tagħhom infushom. It-tfal li l-ġenituri tagħhom jaħdmu fuqhom infushom sabiex ikunu jistgħu jħossuhom aktar siguri fir-rabta u fil-perspettiva tagħhom, ikollhom probabbiltà akbar li jirnexxu u li jkollhom suċċess f’ħajjithom. Fl-aħħarnett, nixtieq nagħlaq dan il-blog b’din il-kwotazzjoni li ġejja, fejn rajt li hija pjuttost b’saħħitha :
“M’humiex it-tfal biss li jikbru. Il-ġenituri jikbru wkoll. Daqs kemm aħna noqogħdu attenti sabiex naraw x’ser jagħmlu b’ħajjithom uliedna, daqshekk ieħor huma jkunu qegħdin attenti għalina sabiex jaraw aħna x’ser nagħmlu b’tagħna. Ma nistax ngħid lit-tfal tiegħi sabiex jilħqu x-xemx. Kull ma nista’ nagħmel huwa li nipprova nilħaqha jiena stess.” – Joyce Maynard
Charlene
Clinical Psychologist and Family Therapist