Kif nistgħu nissapportjaw lit-tfal li juru aktar sensittivita’ fi żmien il-festi tal-Milied? Informazzjoni għall-ġenituri u qrabathom.

Wasal magħna żmien il-Milied, u għalkemm dan il-perjodu huwa wieħed li jġib ħafna briju u ferħ għal ħafna familji, għal oħrajn dan jista’ jkun ukoll kawża ta’ stress, kif ukoll perjodu aktar difficli. Tajjeb li nkunu empatiċi għal realtajiet differenti, u naraw kif nistgħu nissapportjaw lil xulxin bl-aħjar mod li nistgħu.

 Nafu li fi żmien il-Milied u l-vaganzi ikun hemm hafna aktar attivitajiet u laqgħat ma’ nies differenti, kif ukoll stimulazzjoni iżjed qawwija. Xi kultant naraw ġenituri jiġru minn attività għall-oħra bit-tfal tagħhom (ibda minni 😊) u xi kultant mhux dejjem nirrealizzaw kemm forsi ndaħħlu wisq aktar attivitajiet milli t-tfal tagħna jistgħu jesperjenzaw b’mod regolat. Hemm ukoll tfal li juru aktar sensittività minn oħrajn għal raġunijiet differenti, fosthom: it-temperament tagħhom, żminijiet ta’ bidla li jkunu ghaddejjin minnhom, kif ukoll kundizzjonijiet fiżiċi jew newrobijologiċi, inkluzi l-awtiżmu u l-attention deficit hyperactivity disorder (ADHD). Meta t-tfal isibu diffikultà sabiex jirregolaw lilhom infushom ikun hemm ukoll probabbilta’ akbar ta’ meltdown. B’dan l-artiklu nixtieq naqsam magħkom xi ideat, li bħala ġenituri aħna nkunu nistgħu nattwaw, sabiex ngħinu lit-tfal tagħna f’dan il-perjodu festiv.

Meta it-tfal jiġu stimulati żżejjed hemm ċans akbar ta’ tantrums, minħabba li jkunu aktar għajjenin u emozzjonati b’dak kollu li jkunu qegħdin jesperjenzaw is-sensi tagħhom – ħafna storbju, dawl, nies imissu magħhom jew fil-viċinanzi tagħhom, ħafna ħelu u zokkor, ħafna ċaqliq minn ħaġa għall-oħra, eċċ. Ipprova sib post aktar kwiet ‘il bogħod min-nies u l-istorbju minn ħin għal ieħor, fejn it-tfal ikunu jistgħu jerġgħu isibu ċertu kalma, filwaqt li jieħdu brejk. Jekk jinzerta’ li it-tfal ikunu għadhom jorqdu matul il-ġurnata prova sib post tajjeb, anke jekk fuq barra, fejn huma jkunu iħossuhom aktar kalmi, sabiex tkun tista’ tgħinhom jistrieħu imqar għal ftit. Ftakar li t-tfal, jekk ikunu għajjenin, m’humiex ser jieħdu pjaċir b’ħafna attivitajiet għax ma jkollhomx biżżejjed enerġija għalihom. Eżempju personali min-naha tiegħi – għalina, ħafna drabi, hija tradizzjoni fil-familja tagħna li nagħmlu ikla kbira tal-Milied, fejn nistiednu lill-familjari kollha taghna u nkunu madwar 20persuna. Dan ifisser li jkun hemm ħafna stimulazzjoni; għalhekk sabiex inkun nista’ ngħin liż-żgħar tiegħi f’dan l-avveniment, filwaqt li nipprova nippreveni xi meltdown, nistieden lit-tfal żgħar tiegħi sabiex immorru f’kamra iktar kwieta flimkien, fejn per ezempju nkunu nistgħu noqogħdu naqraw storja qasira, jew nilgħabu weħidna fil-kwiet ghal ftit tal-ħin.

 

Din, mill-esperjenza tiegħi, hija xi ħaġa li lit-tfal tgħinhom jirregolaw aktar ruħhom, sabiex b’hekk imbad ikunu jistgħu jieħdu iżjed pjaċir. Apparti minn hekk, f’avvenimenti bħal dawn, jiena nkun aktar laxka fuq l-użu ta’ screentime. Fejn is-soltu noqgħod attenta li nżomm mar-regola ta’ mhux aktar minn siegħa kuljum, f’avvenimenti hekk inħalli lit-tfal jaraw aktar televiżjoni, minħabba l-fatt li għalihom dan jgħinhom ukoll sabiex ikunu aktar rilassati u jieħdu brejk mill-kommossjoni kollha. Meta jkolli ukoll iktar minn stedina waħdaf’gurnata, nipprova nagħmel mezz li niehu liż-zgħar tiegħi d-dar, anke jekk biss għal ftit tal-ħin, bejn ħaġa u oħra, sabiex il-ġurnata minnha nnifisha tinħass inqas bħala tellieqa, filwaqt li hekk inkunu nistgħu nikkalmaw u ngawdu iżjed l-affarijiet. Xi ħaġa li tgħinni ferm ukoll hija li nuri l-empatija mat-tfal tieghi – fejn personalment,jien ukoll ngħejja b’ħafna festini wara xulxin, aħseb u ara t-tfal ċkejknin.

Osserva, sabiex tkun tista’ tagħraf is-sinjali ta’ meta t-tfal tieghek iħossuhom għajjenin jew emozzjonati hafna

Billi nosservaw lit-tfal tagħna ikun hemm aktar ċans li nindunaw li huma qegħdin jgħejjew u/jew li jkun hemm cans ta’ meltdown. Meta nkunu qegħdin nosservaw ċertu sinjali, per eżempju meta narawhom jogħrku għajnejhom, jiċċassaw, jitilfu l-paċenzja aktar malajr, eċċ., aħna nkunu f’posizzjoni aħjar sabiex noħorġuhom mis-sitwazzjoni u ngħinuhom jistrieħu, filwaqt li ikunu jistgħu ukoll jirregolaw aktar lilhom infushom. Ma hemm l-ebda formula maġika, però għal ħafna tfal tgħin li jkollhom magħhom dak il-ġugarell favorit li dejjemjikkalmahom; għal oħrajn, speċjalment għal dawk it-tfal li jesperjenzaw aktar sensory issues, l-użu tal-headphones sabiex jieħdu brejk mill-istorbju jista’ jgħin ukoll.

Għin lit-tfal tiegħek sabiex iħossuhom li għandhom aktar kontroll, billi ma tisfurzahomx jgħannqu jew ibusu lil nies li ma jħossuhomx komdi magħhom jew li ma tantx ikunu jafu

It-tfal dejjem għandhom jingħataw l-għażla ta’ kif ikunu jixtiequ jsellmu lil dak li jkun anke jekk huma familjari. Xi ħaġa li tgħin fejn jidħlu t-tfal tieghi hija billi, bħala eżempju, nistaqsihom: “Kif tixtieq tgħid hello (jew ċaw) liz-zija?”. Jista’ jkun li jekk din tkun persuna li ilhom ma jaraw, huma jkunu aktar konxji u mistħija, u b’riżultat t’hekk ma jkunux jixtiequ kuntatt fiżiku. It-tfal għandhom kull dritt li jirrifjutaw lil min jgħannqu, u bħala adulti aħna għandha nirrispettaw id-deċizjoni tagħhom. Meta dawn l-istess tfal lanqas ma jkunu jridu ikellmuhom, inti bħala adult tista’ tissapportja lit-tfal tiegħek billi tispjega s-sitwazzjoni lil dak/dik li jkun/tkun. Per eżempju:“Eva tinsab eċċitata ferm għal dan il-‘party’, u meta ma tkunx taf sew lil persuna jew tkun ilha ma taraha,ikollha bżonn ftit tal-ħin biex tissetilja u tikkalma. Meta tħossha komda hi stress tkun tista’ tiġi titkellem miegħek.” Apparti minn hekk, tista’ ukoll titkellem mat-tfal tiegħek minn qabel, fejn b’hekk tkun tista’ tara kif ikunu qegħdin iħossuhom, flimkien ma’ kif inti tkun tista’ tgħinhom sabiex ikunu aktar komdi u lesti lijinteraġixxu ma’ ħaddiehor.

Fakkar u uri lit-tfal tiegħek li inti hemm għalihom u li tħobbhom

Tajjeb li tiftakar li meta t-tfal ikunu jħossuhom skomdi jew anzjużi, huma jkollhom bżonn is-sapport u l-kalma tal-ġenitur/i f’dawn il-mumenti aktar minn qatt qabel. Dan ifisser li jekk huma jkunu qegħdin joqgħodu ‘lura’,aħna sadattant inkunu nistgħu ngħinuhom billi nuruhom li qegħdin nifhmu kif huma qegħdin iħossuhom,filwaqt li nfakkruhom li huma safe, flimkien mal-fatt li aħna inħobbuhom. Aktar ma nimbuttawhom ‘il quddiemb’mod eċċessiv u ma nurux empatija magħhom, aktar ikun hemm iċ-ċans li t-tfal ser jibqgħu iħossuhom anzjużi magħna u ma jkunux iridu jiċċaqalqu minn ħdejn saqajna. Mentri meta aħna naċċettaw l-emozzjoni/jietli jkunu qed iħossu, filwaqt li nuruhom li aħna hemm għalihom u nikkalmawhom u anke nħallu lilhom jiddeciedu meta hu tajjeb għalihom sabiex jesploraw u jkomplu ma’ ħaddiehor, aktar hemm iċ-ċans li eventwalment jagħmlu dan. Meta it-tfal ikunu kalmi, kif ukoll aktar verbali, inkunu nistgħu mbad ninvestigaw magħhom dak li forsi jkun qiegħed jinkwetahom, filwaqt li bħala ġenituri naraw flimkien magħhom dak li jkun jista’ jgħinhom. It-tfal qatt m’għandhom jiġu kkastigati għal xi ħaġa li jkunu qegħdin iħossu. Kull emozzjoni hija importanti u valida.

Għal dawk it-tfal li juru aktar sensittività għal bidla fir-rutina, huwa importanti li nitkellmu magħhom fuq kif ser nistrutturaw il-gurnata

Għal xi tfal tista’ tgħin ukoll li jkun hemm ċertu element ta’ rutina, anke fi żminijiet il-festi. Dan jinkludi ukoll aċċess għal ikel li t-tfal ikunu jħobbu u li huma imdorrijin bih, speċjalment għal dawk it-tfal li juru aktar sensittività lejn li jippruvaw u jaċċettaw ikel ġdid. Ftakar li meta t-tfal ikunu bil-ġuħ ikun hemm aktar cans ta’ meltdowns. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex jiena dejjem nipprova inżomm xi snacks bnini fil-but jew fil-basket tiegħi :D.

Tkellem mat-tfal tiegħek fuq kif, fejn u meta jkunu jippreferu li jiftħu r-rigali li jirċievu

It-tfal li jkunu qegħdin iħossuhom aktar stimulati u/jew anke min ikun aktar sensittiv/a fosthom, jista’ jkun li jħossuhom aktar konxji f’dak il-ħin partikolari fejn ikunu mistennija jiftħu r-rigali li jirċievu. Għalkemm f’ċertu kazijiet forsi jkun hemm ċertu pressjoni sabiex ir-rigali jinfetħu mill-ewwel, jista’ jkun li t-tfal tagħna ma jkunuxiħossuhom neċessarjament komdi li jkun hemm kulħadd iħares lejhom filwaqt li jkunu qegħdini jaghmlu dan. Alternattiva għal hekk tista’ tkun li tiftiehem mat-tfal fuq ħin addattat u aktar kwiet, li fih huma jkunu jistgħu jiftħu r-rigali tagħhom, fejn mbad xorta waħda tkunu tistgħu tibgħatu ritratt jew vidjo tat-tfal tieghek bir-rigalilil persuna, jew lil grupp ta persuni, li jkun/u ta/taw ir-rigal. Hija xi ħaġa importanti li nifhmu li t-tfal huma lkolldifferenti, filwaqt li jgħin ferm li nifhmu il-personalita’ u t-temperament individwali tagħhom. Huwa wkoll tajjeb li nghallmuhom l-importanza li napprezzaw kull rigal li nirċievu u li nuru l-gratitudni tagħna.

Nispera li dawn l-ideat ikunu utili għalikom b’xi mod. Żommu ukoll f’moħħkom li xejn ma għandu garanzija li sejaħdem f’kull ħin u f’kull moment. Però fl-istess ħin jgħin ukoll li nibqgħu miftuħa għal informazzjoni lil nirċievuu konversazzjonijiet li jkollna ma’ ħaddiehor, fejn dawn jgħinuna nirriflettu aktar fuq x’inkunu nistgħu nagħmlu differenti ahna bħala ġenituri, sabiex inkunu nistgħu nkomplu nagħtu l-aħjar li nistgħu għal uliedna!

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

L-impatt tal-vjolenza domestika fuq it-tfal

Studju lokali reċenti dwar, “Safety in Childhood: A prevalence survey on childhood experiences of abuse”, kien imwettaq mid-Dipartiment tal-Istudji dwar it-Tfal u l-Familja fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru...

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!