L-impatt tal-vjolenza domestika fuq it-tfal

Studju lokali reċenti dwar, “Safety in Childhood: A prevalence survey on childhood experiences of abuse”, kien imwettaq mid-Dipartiment tal-Istudji dwar it-Tfal u l-Familja fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika. It-tim ta’ riċerka kien jinkludi lil Dr. Clarissa Sammut Scerri, Dr. Ingrid Grech LanfrancoMs. Lara Pace u Ms. Maria Borg. Il-punti ewlenin tal-istudju jinkludu li kważi nofs it-tfal kienu kollha kemm huma raw xi forma ta’ vjolenza domestika. Dan l-istudju jqajjem diversi bnadar ħomor, inkluż il-ħtieġa li niffukaw aktar l-attenzjoni tagħna fuq it-tfal bħala vittmi ta’ vjolenza domestika ukoll. Barra minn hekk, ċifri allarmanti bħal dawn jistgħu jġegħluna nirriflettu fuq kif aħna nkunu mudelli eżemplari għal uliedna, inkluż l-approċċ tagħna waqt kunflitt, u kif aħna nkunu qegħdin naffaċċjaw ir-rabja u l-emozzjonijiet l-oħrajn tagħna. Nistedinkom sabiex tagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn dan l-istudju, ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq : https://timesofmalta.com/articles/view/nearly-half-children-witnessed-form-domestic-abuse-survey.1027859.

 F’dan il-blog, jiena ser inkun qiegħda niffoka fuq l-impatt tal-vjolenza domestika fuq it-tfal. Is-16-il ġurnata t’attiviżmu (25 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru) huma mmirati sabiex iqajmu aktar kuxjenza dwar il-vjolenza domestika u l-importanza li jiġi mfittex l-appoġġ. Fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ li jkun hemm għarfien kontinwu u edukazzjoni psikoloġika dwar il-vjolenza domestika. Bħala psikologa, jiena ltqajt ma’ ħafna familji u tfal, li b’xi mod jew ieħor ibatu mill-effetti ta’ ħsara tal-vjolenza domestika.


Xi mistoqsijiet ferm importanti li jiġu f’moħħna huma :

  kemm iħossuhom siguri uliedna li jesprimu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom?

x’inhi r-reazzjoni tal-ġenituri meta t-tfal jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom?

kif qegħdin jitħallew it-tfal ikunu awtentiċi u jkunu sempliċement tfal?

 

Uliedna jadattaw u jikbru skond kif jirreaġixxu l-ġenituri tagħhom, u skond liema tip t’ambjent huma jkunu mdawwrin bih. Dak li żgur huwa magħruf hu li l-vjolenza domestika, tkun xi tkun l-għamla jew il-forma tagħha, iħalli impatt negattiv fuq il-manjiera kif it-tfal iħossuhom liberi li jesprimu lilhom infushom u jikbru b’mod aktar sigur. L-ebda tifel u tifla ma jistħoqqilhom iħossuhom li mhux siguri, mhux maħbubin u abbużati. Dan il-blog se jindirizza dawn il-punti b’mod aktar profond, u nittama li b’xi mod jew ieħor dan iqajjem aktar kuxjenza, u jqanqal lill-familji li jkunu għaddejjin minn dan sabiex jimbuttahom li jkunu aktar motivati sabiex ifittxu l-appoġġ, jekk mhux għalihom infushom, għal uliedhom.

Allura x’inhi l-vjolenza domestika?

 

Forsi x-xbieha li tiġi f’moħħna għal ħafna minna meta nisimgħu l-kelma ‘vjolenza domestika’ hija dik ta’ tifel jew tifla jew adult imweġġa’, li jkun ġie imweġġa’ fiżikament minħabba adult ieħor li normalment ikun fi stat ta’ disregolazzjoni emozzjonali. Il-vjolenza domestika ta’ natura fiżika hija tabilħaqq pjuttost serja u ta’ ħsara. Madankollu, din m’hix l-unika forma ta’ vjolenza domestika. Abbuż emozzjonali, verbali u psikoloġiku, kif ukoll kontroll finanzjarju intensiv, jistgħu jkunu wkoll forma ta’ vjolenza domestika, li jikkawżaw ħsara fuq is-sistema tal-familja kollha. Barra minn hekk, hemm ukoll vjolenza bbażata fuq is-sess, li tinkludi stalking u abbuż sesswali. Għalhekk, għalkemm il-vjolenza domestika ta’ natura fiżika tista tkun l-iżjed evidenti, forom oħrajn ta’ vjolenza domestika huma daqstant jew saħansitra aktar ta’ ħsara. Fil-fatt, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tenfasizza li l-vjolenza domestika hija ksur tad-drittijiet tal-persuna, u hija rikonoxxuta bħala sors ta’ tħassib sinifikanti għas-saħħa pubblika.

L-esperjenza emozzjonali tat-tfal tal-vjolenza domestika u l-benefiċċji tar-riflessjoni, anke bħala adulti

 

Tfal li jesperjenzaw vjolenza domestika għandhom it-tendenza li jħossu ħafna biża’ u ansjetà. Sabiex it-tfal jirnexxu, huma jeħtieġu stabbiltà, konsistenza u prevedibbiltà. Sfortunatament, dawn il-fatturi mhumiex possibli meta jkun hemm vjolenza domestika. It-tfal jistgħu jkunu qegħdin jaġixxu bl-istess mod fi ġranet differenti, iżda jista’ jkun li dawn jirċievu reazzjoni emozzjonali u fiżika differenti mingħand il-ġenituri tagħhom. Għalhekk, hemm it-tendenza li jkun hemm imprevedibbiltà konsiderevoli, u dan ġeneralment iwassal sabiex iżid il-livelli tal-inċertezza u tal-ansjetà. Il-mudelli ta’ rabta u l-iżvilupp tal-moħħ tat-tfal jistgħu ukoll jiġu affettwati b’mod neġattiv, peress li huma jkunu f’riskju li jiżviluppaw rabta mhux sigura.  Min-naħa l-oħra, ir-rabta mhux sigura ser tqiegħed lit-tfal f’riskju akbar li jkollhom aktar problemi emozzjonali, kwistjonijiet soċjali u li jkollhom inqas suċċess akkademiku fil-ħajja. It-tfal jistgħu jitilfu l-fiduċja f’li jfittxu l-għajnuna mingħand persuni oħrajn u/jew jistgħu saħansitra jfittxu relazzjonijiet ħżiena fil-futur sabiex jirrepetu l-istess mudelli ta’ relazzjonijiet li huma jkunu mdorrijin bihom. It-tfal jistgħu ukoll jaġixxu u jsiru aggressivi ma’ persuni oħrajn, jew inkella, huma jistgħu jsiru aktar introverti u iżolati. Dan jista’ jkun marbut ma’ riskju akbar t’ansjetà u dipressjoni, fost kwistjonijiet oħrajn.

Tfal li jikbru f’ambjent ta’ vjolenza domestika, għandhom it-tendenza li jesperjenzaw ukoll sentimenti ta’ ħtija u mistħija. Huma jistgħu jistaqsu jekk il-vjolenza domestika hijiex ħtija tagħhom, u jekk humiex qegħdin ikunu tfal ‘tajbin biżżejjed’ għall-ġenituri tagħhom. Ħsibijiet bħal dawn huma ta’ piż enormi u jafu jwasslu sabiex inaqqsu mill-pożittività, l-imħabba personali u l-livelli t’enerġija tat-tifel jew tifla. Dawn is-sentimenti jistgħu jibqgħu pjuttost intensivi, anke waqt li nkunu adulti, speċjalment meta dawn l-esperjenzi ma jiġux ipproċessati b’mod adegwat. It-tfal (u l-adulti) għandhom mnejn iħossu li ma jistħoqqilhomx jiġu maħbuba u li persuni oħrajn m’għandhomx jiġu fdati. It-tfal jistgħu jesperjenzaw ukoll ħafna segretezza u jħossuhom differenti minn familji oħrajn. Alternattivament, huma jistgħu jkunu jemmnu wkoll li l-vjolenza domestika hija realtà għall-familji kollha, u mhux tagħhom biss. Dan jista’ jkun marbut ma’ sentimenti ta’ desensitizzazzjoni (li tesperjenza xi ħaġa fuq bażi tant regolari li din issir it-tieni natura u parti mir-rutina tiegħek) u konfużjoni.

 

Fil-fatt, jiena naħdem ma’ diversi adulti żgħażagħ, li għadhom iħossuhom konfużi u jwaħħlu fihom infushom li l-ġenituri tagħhom kienu fiżikament vjolenti magħhom, peress li ma kienux qegħdin ikunu tfal ‘tajbin’. Inħoss li meta dawn l-esperjenzi ikunu maqsuma fi spazji sikuri, u tiġi murija empatija magħhom, u jingħad b’mod ċar li dan ma kienx it-tort tagħhom, huma normalment jesperjenzaw firxa sħiħa t’emozzjonijiet u sinjali ta’ serħan. Bażikament, ħadd ma jistħoqqlu li jiġi abbużat, irrispettivament minn kemm ikunu diżubbidjenti jew minn liema mġiba diffiċli t-tfal ikunu qegħdin għaddejjin minnha. Jekk it-tfal ikunu qegħdin iġiegħlu lill-ġenituri jgħaddu minn ‘mument diffiċli’, allura huma stess ikunu qegħdin jesperjenzaw żmien diffiċli huma wkoll. Dejjem tibqa’ r-responsabbiltà tal-adult li jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom, jieħdu pass lura u jikkalmaw lilhom infushom. Kwalunkwe forma ta’ vjolenza domestika se twassal biss għal aktar ħsara u kif kien ġie nnotat qabel, jaf ikun hemm diversi riperkussjonijiet riżultat t’hekk fil-futur.

Barra minn hekk, jiena ħdimt ma’ missirijiet u ommijiet adulti, li kienu esperjenzaw il-vjolenza domestika bħala tfal, fejn xi wħud innotaw li, ta’ età żgħira, huma kienu jaħsbu li l-familji kollha kienu jesperjenzaw dixxiplina fiżika ħarxa, abbuż emozzjonali u tgħajjir verbali. Huma rrealizzaw biss li mhux il-familji kollha kienu l-istess meta bdew jikbru aktar u, pereżempju, kienu mistiedna f’dar ta’ familja oħra. Xi adulti jsostnu li l-films u l-midja soċjali għenuhom sabiex jifhmu aħjar kif jista’ jidher standard aktar b’saħħtu u ta’ benefiċċju għal kulħadd. Dan iġegħelni nirrifletti fuq l-importanza li mhux biss nedukaw lill-pubbliku u lill-familji fuq hekk, iżda li jsir kuntatt mad-diversi professjonisti li jaħdmu fil-komunità u fl-iskejjel.

Li nkunu persuni kuraġġjużi u li nfittxu l-għajnuna

 

            Nixtieq ngħid li jiena ninsab immeraviljata bil-kuraġġ u bis-sopravivenza li nara f’diversi familji li jesperjenzaw vjolenza domestika. It-tfittxija t’appoġġ legali u prattiku huma passi importanti għall-ħarsien tal-benesseri tat-tfal. Dan jista jinvolvi ż-żamma ta’ reġistri u dokumentazzjoni ta’ inċidenti ta’ vjolenza domestika li jseħħu. Barra minn hekk, ħafna familji reżiljenti għandhom it-tendenza li jippersistu f’li jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu ambjent sikur għal uliedhom. Dan jista’ jfisser li huma jfittxu l-kenn jew ibiddlu d-djar u jkollhom kuntatti t’emerġenza. Permezz ta’ dan, it-tfal huma protetti milli jkomplu jkunu xhieda t’abbuż domestika jew milli jkunu vittmi diretti tal-vjolenza. It-tfal għandhom bżonn spazju sigur fejn huma jkunu jistgħu jħossuhom komdi, meqjusa u maħbubin. Barra minn hekk, komunikazzjoni ċara u sinċiera hija essenzjali. Bħala ġenituri, huwa utli li ninkoraġġixxu lil uliedna jesprimu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom mingħajr ebda ġudizzju. Dan kultant ifisser ukoll li jiġi mfittex l-appoġġ ta’ psikologi jew terapisti sabiex jgħinu lit-tfal (u lill-adulti) jipproċessaw esperjenzi u trawma emozzjonalment diffiċli. Minbarra enfasi fuq relazzjonijiet u l-iffurmar ta’ rabta, dan it-tip t’appoġġ jista’ jinkludi wkoll eżerċizzji tan-nifs u ta’ grounding, kif ukoll tekniki kreattivi permezz tal-arti, logħob u moviment.

Il-prevenzjoni u l-edukazzjoni psikoloġika

Lokalment, kien hemm traġedji numerużi u li ma jistgħux jitkejlu fir-rigward tal-vjolenza domestika. Inċidenti bħal dawn m’għandhomx jintesew. Għall-kuntrarju, dawn l-inċidenti jeħtieġ li jiġi analizzati u diskussi sabiex ikomplu jippromwovu aktar għarfien u appoġġ għall-vittmi u l-familji kollha, kif ukoll sabiex jiġu evitati aktar traġedji. Il-prevenzjoni u l-intervent bikri jibqgħu kruċjali. Illum il-ġurnata, inħoss li hemm iżjed enfasi fuq iż-żieda fl-għarfien u l-psikoedukazzjoni dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, f’konformità ma dan, it-taskforce ta’ Positive Parenting Malta, flimkien mal-Onor. Ministru Michael Falzon, bi kburija nedew l-ewwel ktieb tat-tfal bil-Malti li jittratta l-vjolenza domestika, bl-isem ta’ “Karolina, Fredi u s-Saħħar il-Ħazin”. Dan il-ktieb huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn is-Sinjura Audrey Friggieri, Kummissarju dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, kittieba tal-letteratura popolari tat-tfal, u  Dr. Clarissa Sammut Scerri, senior lecturer, Dipartiment tal-Istudji dwar it-Tfal u l-Familja, psikologa u terapista tal-familja. Tabilħaqq, Dr. Sammut Scerri taqsam it-tama tagħha dwar kif dan il-ktieb : “jista’ jrawwem konversazzjonijiet bejn it-tfal u l-adulti (ġenituri, għalliema u terapisti) madwar suġġett sensittiv u diffiċli, u li permezz tiegħu t-tfal li jkunu għaddejjin minn ċirkustanzi daqshekk diffiċli jistgħu jħossuhom inqas waħedhom“. Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal sponsorja numru sabiħ ta’ kotba u issa kull skola għandha wieħed fil-librerija tagħha.

 

Il-ħidma f’kollaborazzjoni ma’ servizzi soċjali u professjonisti f’tim multidixxiplinarju hija kruċjali ħafna, speċjalment f’xenarji bħal dawn. L-interventi terapewtiċi jistgħu jkunu ta’ valur kbir sabiex jgħinu lit-tfal u lill-familji jipproċessaw l-esperjenzi tagħhom b’mod sikur, jibnu reżiljenza, kif ukoll jirriflettu u jesperjenzaw relazzjoni b’saħħitha u sigura. Fuq livell professjonali u personali, jiena nimmira li nkun kontenitur ta’ tama għal dawk it-tfal u l-familji li kienu esperjenzaw xi forma t’abbuż domestiku. Ir-riċerka turina li t-tfal jeħtieġu mill-inqas relazzjoni waħda sigura u pożittiva f’ħajjithom, u dan jista’ jgħinhom jirnexxu u jkunu aktar reżiljenti. Nemmen li dikjarazzjoni bħal din tista’ tagħti s-setgħa u l-motivazzjoni lill-professjonisti kollha sabiex ikunu sorsi akbar t’appoġġ u punti ta’ riferiment għal dawk li huma fil-bżonn. Qatt tissottovaluta l-qawwa ta’ tbissima, tgħanniqa jew id t’għajnuna, peress li dawn jistgħu jkunu punt ta’ bidlu għal kull min ikun għaddej minn żminijiet diffiċli.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!