Dan l-aħħar kont involuta fl-ippjanar t’avveniment dwar il-peer pressure, organizzat minn Positive Parenting Malta b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. Il-familji qasmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom dwar it-trobbija tat-tfal u identifikaw il-bżonnijiet u l-isfidi tagħhom fejn tidħol il-peer pressure. Ir-reazzjonijiet li ħarġu minn dan l-avveniment kienu ta’ valur kbir, inkluż l-importanza tal-involviment f’awtoriflessjoni u f’awtoregolazzjoni bħala ġenituri – i.e. ejjew naħsbu qabel ma naġixxu u qabel ma nitkellmu. Li nipprovdu lit-tfal bi spazju sigur, empatija, valuri pożittivi u inkoraġġiment huma ingredjenti kruċjali sabiex dawn ikunu mgħammra b’aktar reżiljenza li permezz t’hekk ikunu jistgħu jaffaċċjaw xenarji ta’ sfida. Barra minn hekk, it-tfal involuti f’dan l-avveniment semmew l-importanza tal-komunikazzjoni mal-ġenituri u mal-għalliema, kif ukoll kemm huwa produttiv meta huma jħossuhom appoġġjati sabiex jagħmlu l-għażliet it-tajba, u meta jiġu mħeġġa sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom. Dawn ir-riflessjonijiet ġegħluni naħseb dwar l-utilità li noffru aktar informazzjoni u suġġerimenti psikoedukattivi dwar kif il-ġenituri u t-tfal jistgħu jittrattaw b’mod effettiv il-peer pressure. F’dan il-blog, jiena ser nuża t-terminu tfal u adolexxenti b’mod interkambjabbli, peress li t-tnejn li huma jistgħu jiġu nfluwenzati mill-peer pressure b’modi differenti.
Hekk kif it-tfal u l-adolexxenti jikbru fl-età, huwa pjuttost naturali (u saħansitra importanti) għalihom li jinvestu aktar ħin u enerġija sabiex jibnu aktar konnessjonijiet, kif ukoll relazzjonijiet sinifikanti ma’ dawk ta’ tamparhom, ‘il barra min-netwerk tal-familja. Dan jista’ jkun żmien emozzjonali ħafna għall-ġenituri, peress li ma nibqgħux meqjusa bħala x-xemx u l-qamar tat-tfal tagħna. Filwaqt li aħna dejjem nibqgħu figuri ferm sinifikanti u insostitwibbli, aħna nibdew naraw ukoll it-tragwardi soċjali t’uliedna u ż-żieda fl-interess fi ħbiberiji oħrajn. Bħala ġenituri, huwa t’importanza vitali li nibqgħu fil-ħajja tat-tfal tagħna billi nkunu dejjem hemm għalihom u l-fiduċjarji ewlenin tagħhom, kemm jista’ jkun possibli.
Apparti minn hekk, bħala ġenituri jeħtieġ li nifhmu l-importanza tal-gruppi soċjali u li niftakru fil-jiem tagħna ta’ meta konna adolexxenti; li niffurmaw konnessjoni mill-ġdid ma’ kif konna nħossuna meta konna għadna żgħażagħ, kemm kien importanti għalina li jkollna grupp soċjali u dak li xtaqna u/jew li kellna bżonn mingħand il-ġenituri tagħna. Fl-istess waqt, huwa importanti għall-ġenituri li jkunu jistgħu jisseparaw l-esperjenzi tagħhom stess minn dawk t’uliedhom. Huwa t’għajnuna għall-ġenituri li jżommu f’moħħhom li għal uliedhom sħabhom għandhom irwol importanti fil-ħajja tagħhom, u li dawn se jkomplu jkunu t’influwenza ewlenija fuq diversi fatturi, inkluż dak li jilbsu t-tfal tagħna, x’mużika jisimgħu, x’passatempi jinvolvu ruħhom fihom, il-lingwaġġ li jużaw u affarijiet oħrajn.
Il-peer pressure huwa terminu użat sabiex jiddeskrivi l-influwenza ta’ nies fi ħdan l-istess grupp soċjali, li jista’ jkollhom status, età u abbiltajiet simili. Għalkemm il-peer pressure tintuża aktar ta’ spiss b’mod negattiv, ir-riċerka tissuġġerixxi wkoll li l-peer pressure tista’ wkoll tkun xi ħaġa t’influwenza pożittiva. Per eżempju, tfal li jkunu jaħdmu fi ħdan l-istess tim jistgħu jinfluwenzaw lil xulxin sabiex jilħqu l-għan komuni tagħhom jew jgħinu fi proġett konġunt flimkien. Għalhekk, il-peer pressure tinvolvi wkoll li wieħed jitgħallem dwar l-irwol tiegħu fil-grupp, u dwar meta nħallu lill-oħrajn jinfluwenzaw l-imġiba tagħna wkoll. Bħal kull ħaġa fil-ħajja, il-mod kif it-tfal iħossuhom dwarhom infushom, kemm iħossuhom ta’ valur u l-livelli ta’ kunfidenza tagħhom, kif ukoll kif huma għandhom jinvolvu ruħhom f’awtoriflessjoni, jistgħu lkoll kemm huma jinfluwenzaw kif huma jinnavigaw il-fenomenu tal-peer pressure. Dawk it-tfal li jħossuhom aktar siguri jista’ jkollhom probabbiltà inqas li jċedu għaliha u jkunu aktar probabbli li jżommu sod mat-twemmin tagħhom, filwaqt li possibilment iħossuhom ukoll kunfidenti biżżejjed sabiex ifittxu l-għajnuna meta jkun meħtieġ.
Il-Peer Pressure Pożittiva
Xi eżempji ta’ peer pressure pożittiva jinkludu aktar involviment f’imġieba favur is-soċjetà, bħal li ngħinu lill-oħrajn, żieda fl-istudju sabiex jinkisbu marki tajbin, li nibdew naċċettaw aktar id-differenzi kulturali, li nsiru aktar inklużivi soċjalment, li nitgħallmu ħiliet aħjar tal-ibbaġittjar, li nħarsu ‘l isfel lejn aġir riskjuż bħall-użu ħażin ta’ sustanzi, fost l-oħrajn. Meta t-tfal iħossuhom konnessi ma’ dawk ta’ tamparhom, huma jkollhom probabbiltà akbar li jħossuhom iżjed ferħanin, milqugħa u apprezzati. Esperjenzi pożittivi bħal dawn jistgħu jkomplu jsaħħu l-istima u l-benesseri tat-tfal infushom.
Sinjali ta’ Peer Pressure Negattiva
It-tfal u l-adolexxenti jistgħu jesperjenzaw xewqa qawwija li jkunu jiffurmaw parti mis-soċjetà u li jħossuhom aċċettati minn sħabhom. Dan jista’ jimbuttahom ‘il quddiem sabiex ikunu aktar lesti li jiġu influwenzati, u li jinbidlu sabiex jintogħġbu ma’ sħabhom bil-għan li jissodisfaw ix-xewqa tagħhom li jiffurmaw parti minnhom. Bħala ġenituri huwa utli li nkunu f’komunikazzjoni kontinwa m’uliedna u li noqogħdu attenti wkoll għall-komunikazzjoni nonverbali tagħhom. Xi sinjali ta’ peer pressure, speċjalment dik t’influwenza negattiva, jistgħu jinkludu :
– emozzjonijiet ta’ dwejjaq;
– bidla fid-drawwiet tal-irqad u/jew tal-ikel;
– li jsiru pjuttost inklinati sabiex jevitaw avvenimenti soċjali;
– assenteiżmu mill-iskola;
– bidliet fl-imġieba;
– diskussjoni negattiva magħhom infushom u paragun soċjali fuq bażi regolari ma’ sħabhom.
Il-peer pressure negattiva tista’ tinvolvi li t-tfal u l-adolexxenti jiġu nfluwenzati f’li jieħdu sehem f’aġir aktar riskjuż, bullying (inkluż il-bullying fuq l-Internet), li jesperimentaw iżjed b’diversi sustanzi bħall-alkoħol, id-drogi u s-sigaretti u li jinvolvu ruħhom f’aktar esperimentazzjoni sesswali mhux sigura. Barra minn hekk, is-sexting jista’ jkun fattur ieħor miżjud ta’ riskju. Is-sexting huwa l-att li jintbagħtu, li jiġu riċevuti u li jintbagħtu ritratti li huma ta’ natura sesswali. L-adolexxenti jistgħu jħossuhom taħt pressjoni sabiex jieħdu jew jibgħatu ritratti tagħhom influshom b’mod sesswali; ritratti bħal dawn jistgħu mbad jiġu mqassma lil ħafna nies bi klikk waħda ta’ buttuna. Dan ovvjament iżid diversi riskji ta’ żieda ta’ bullying u abbuż onlajn. F’każijiet bħal dawn, meta l-peer pressure tkun negattiva, it-tfal u l-adolexxenti jistgħu jħossuhom li m’humiex ikkalkulati, mistħija, imbeżżgħin, li m’humiex stmati u li qegħdin jiġu mħeġġa li jieħdu sehem f’imġieba li ġġiegħlhom iħossuhom skomdi, fejn dan jista’ jżid il-probabbiltà tal-ansjetà u d-dipressjoni. It-tfal jistgħu jesperjenzaw aktar argumenti u skonnessjoni minn mal-familja u mal-ħbieb. Barra minn hekk, il-prestazzjoni edukattiva tagħhom tista’ wkoll tbati.
Suġġerimenti dwar kif Għandna Naffaċċjaw il-Peer Pressure
Appoġġja lit-tfal u lill-adolexxenti billi :
– tibni relazzjoni sigura bejn il-ġenituri u l-adolexxenti, u turihom li inti temmen fihom u li ser tkun hemm għalihom jiġri x’jiġri. Li titkellem b’mod dirett mat-tfal u l-adolexxenti tiegħek dwar il-peer pressure jista’ jkun ukoll ta’ valur – it-tfal jeħtieġu li jkunu jafu li inti qiegħed hemm sabiex tisma’ l-istejjer u d-dilemmi tagħhom. Il-ġenituri huma mħeġġa li jitkellmu maż-żgħażagħ tagħhom dwar kwalunkwe suġġett sensittiv, inkluż is-sess u r-riskji tas-sexting. Idealment, m’għandux ikun hemm suġġetti li huma meqjusa bħala tabù fil-familja, fejn aktar ma tkun preżenti komunikazzjoni sigura, l-adolexxent ikun jista’ jħossu aktar sigur li jfittex l-appoġġ kull meta jkun meħtieġ.
– tinkuraġġihom jgħidu le meta verament ikunu jemmnu dan. Meta l-adolexxenti jħossuhom li mhumiex ċerti, huma jistgħu jgħidu : ‘M’iniex ċert’, ‘forsi’, jew ‘Għandi bżonn naħseb dwar dan’. Meta le jkun le, iż-żgħażagħ jistgħu jipprattikaw jgħidu : ‘Le grazzi. M’iniex interessat f’hekk.’ L-adolexxenti li għandhom idea ċara dwar il-valuri tagħhom xorta waħda jistgħu jiddeċiedu li jinteraġixxu ma’ dawk ta’ tamparhom li jħaddnu valuri differenti. Fl-istess ħin, dawk iż-żgħażagħ li huma siguri fihom infushom, jistgħu jkunu tgħallmu l-importanza li jgħidu ‘le’ fil-mumenti f’waqthom. L-adolexxenti għandhom bżonn jifhmu l-‘għaliex’ għaliex huwa importanti li xi kultant tgħid le.
– tkun ta’ mudell tajjeb u eżemplari. Meta l-ġenituri jagħtu eżempju t’imġieba assertiva u jipprattikaw valuri b’saħħithom, it-tfal għandhom probabbiltà akbar li jinternalizzaw dawn il-ħiliet pożittivi u jkunu aktar kapaċi li jfittxu relazzjonijiet iżjed b’saħħithom. Kun konxju tal-lingwaġġ tal-ġisem tiegħek bħala ġenituri u l-mod tiegħek kif tikkomunika l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħek. Il-ġenituri jistgħu jipprovdu liż-żgħażagħ tagħhom b’xi ħaġa tajba sabiex huma ‘jimitaw’.
– tgħinhom jagħrfu ħbiberiji b’saħħithom minn ħbiberiji tossiċi. Iddiskuti mal-adolexxenti tiegħek liema valuri huma l-aktar importanti għall-bini ta’ bażi tajba ta’ ħbiberija. Dawk ta’ tamparhom li juru mġiba konsistenti u li jħaddnu valuri simili għandhom aktar probabbiltà li jħallu influwenza pożittiva fuq l-adolexxenti tiegħek. Il-ġenituri jistgħu jappoġġjaw lill-adolexxenti tagħhom billi jistaqsuhom : ‘Kif qiegħed jgħinek dan il-ħabib?’, ‘Kif tħossok qabel v.s. wara li tiltaqa mal-ħabib tiegħek?’, ‘Kemm tħossok sigur fil-preżenza ta’ dan il-ħabib?’, u ‘Kif taf li tista’ jew ma tistax tafda lil dan il-ħabib?’ L-evalwazzjoni tal-ħbiberiji hija ħila importanti li wieħed għandu jitgħallem u li tgħodd għal kwalunkwe stadju tal-ħajja.
– tgħinhom jippjanaw bil-quddiem. Iddiskuti u pprattika magħhom kif huma jkunu jixtiequ li jirrispondu, f’manjiera li tkun konformi mal-valuri tagħhom, meta jkunu qegħdin jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ peer pressure negattiva. Tistgħu taħsbu fuq u tippruvaw ssibu soluzzjoni dwar kif huma jkunu jistgħu jitbiegħdu minn dik is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun possibli, u min huma jkunu jħossuhom komdi li jsejħu għall-għajnuna. Tista’ tiddiskuti wkoll mal-adolexxent tiegħek xenarji possibli, per eżempju : ‘X’tgħid li kieku tiġi offrut lift għad-dar ma’ xi ħadd li kien qiegħed jixrob?’
– tfakkar lill-adolexxenti sabiex ikunu konxji tal-lingwaġġ ta’ ġisimhom. Ipprattika li tinżamm il-kalma u li jsir il-kuntatt bl-għajnejn. Xi drabi, l-aħjar mod jista’ jkun li titbiegħed u li żżomm id-distanza tiegħek minn xenarji nkwetanti.
– tgħallem lill-adolexxenti l-ħiliet li jaħsbu b’mod oriġinali u kreattiv u li joħorġu b’alternattivi. Per eżempju, żagħżugħ jista’ jiddeċiedi li jaqbeż xi attività sabiex ikun jista’ jkompli jistudja u mbad jiltaqa’ ma sħabu aktar tard matul il-ġurnata. Għandhom mnejn jgħidu : ‘Mhux ser inlaħħaq niġi għand Jake, imma forsi nkunu nistgħu niltaqgħu aktar tard il-pixxina għal drink?’ Permezz ta’ dan, l-adolexxenti jkunu jistgħu jitgħallmu wkoll kif jinnavigaw relazzjonijiet ta’ natura aktar sodisfaċenti ma’ dawk ta’ tamparhom, li jallinjaw mal-valuri u mal-kuntest attwali tagħhom stess.
– toħorġu flimkien bi frażijiet li huma jkunu jistgħu jużaw ma’ sħabhom, f’sitwazzjonijiet fejn huma jħossuhom li jkunu qegħdin jiġu sfurzati jinvolvu ruħhom f’imġieba negattiva jew ikunu f’sitwazzjonijiet fejn huma jħossuhom skomdi. Xi ġenituri u żgħażagħ jużaw kelma ta’ ‘kodiċi’ bejniethom, fejn b’hekk il-ġenituri jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa jċemplulhom, sabiex jgħidulhom li tkun ġrat xi ħaġa mhux mistennija u li għandhom bżonn jiġu lura d-dar.
– tagħtihom karta li jkunu jistgħu jilgħabu b’mod liberu fejn ‘iwaħħlu fil-ġenituri’. Meta kollox jibda’ jinħass li huwa diffiċli, l-adolexxenti u l-ġenituri jistgħu jilħqu ftehim fejn iż-żgħażagħ jkunu jistgħu jitfgħu l-ħtija fuq il-ġenituri sabiex jevitaw sitwazzjonijiet riskjużi jew li jġiegħluhom iħossuhom skomdi. Per eżempju, l-adolexxent jista’ jgħid : ‘Il-ġenituri tiegħi ser jiġbruni fid-9pm u ser jindunaw li xrobt l-alkoħol – is-sens tax-xamm tagħhom ma jitwemminx. Dan ikun ifisser li d-darba li jmiss ma nkunx nista’ noħroġ, allura nippreferi li le!’
– issib mumenti li jistgħu jgħallmu – dawn jistgħu jkunu partijiet qosra minn film jew minn stejjer tal-ħajja reali. Inti tista’ tistieden liż-żagħżugħ tiegħek sabiex jirrifletti miegħek : ‘Kif kont tirreaġixxi għal sitwazzjoni bħal din?’, ‘Xi stajt tgħid?’, ‘Ma’ min stajt tagħmel kuntatt?’, eċċ.
– toffri l-possibbiltà li tiġi mfittxa għajnuna professjonali. Xi kultant it-tfal u l-adolexxenti, kif ukoll il-ġenituri, jistgħu jsibuha t’għajnuna li jfittxu appoġġ professjonali sabiex ikunu jistgħu jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom u x’jistgħu jagħmlu sabiex iżidu l-ħiliet tagħhom li jkampaw f’sitwazzjonijiet diffiċli, fejn dan tal-aħħar saħansitra jaf jinvolvi l-peer pressure. Dawn il-professjonisti jistgħu jinkludu psikologi, psikoterapisti u konsulenti.
Riflessjonijiet Finali
Li naħdmu fuqna nfusna bħala ġenituri huwa l-pedament sabiex inkunu nistgħu nipprovdu l-aqwa opportunitajiet sabiex niffurmaw relazzjoni sigura mat-tfal u l-adolexxenti tagħna. Min-naħa l-oħra, it-tfal li jkunu jħossuhom aktar siguri huma aktar suxxettibbli li jkollhom stima pożittiva tagħhom infushom u li jkunu iżjed assertivi f’li jinnavigaw diversi fatturi li jikkawżaw l-istress. Li tkun ġenitur tajjeb biżżejjed jinvolvi li tkun kapaċi tirrifletti fuq il-ħsibijiet, is-sentimenti, l-azzjonijiet u l-istejjer tal-ħajja tiegħek. Uliedek għandhom bżonnok, bħala l-ġenitur li jfejjaq u dejjem jibqa’ jipprova. L-għajnuna hija disponibbli u agħmel mezz li tikkuntattjana f’każ li jkollok bżonn. Ftakar li aħna lkoll xogħlijiet li kontinwament għaddejjin!
Charlene
Clinical Psychologist and Family Therapist