Nibqgħu Kalmi Meta Jqumu l-Maltempati: Għaliex l-Awtoregolazzjoni hija Importanti fit-Trobbija tat-Tfal

Ejjew inkunu onesti—it-trobbija tat-tfal tista’ tkun profondament sabiħa u fl-istess ħin inkredibbilment devastanti, xi drabi fl-istess ħames minuti. Waqt li qed tgħaġġel biex tfittex toħroġ lil kulħadd mill-bieb ta’ barra, xi ħadd ixerred il-meraq tal-frott, ħaddieħor jirrifjuta li jilbes iż-żarbun, u f’daqqa waħda tħoss sidrek qed jingħafas, leħnek jogħla, u parti minnek trid tgħajjat “Daqshekk!”

Huwa hawnhekk fejn tidħol l-awtoregolazzjoni. Mhux perfezzjoni. Mhux paċenzja bla tarf. Iżda l-abbiltà li tieqaf għal ftit, tinnota, u tagħżel kif tirrispondi minflok tirreaġixxi.

Għaliex hawn hi l-verità: it-tfal tagħna jirregolaw ruħhom flimkien magħna. Huma jħarsu lejna u jfittxuna mhux biss għat-tweġibiet, iżda għat-ton emozzjonali. Meta ma nkunux kapaċi nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna—meta ngħajtu u nwerżqu, nimtlew bin-nervi u nuru li qtajna qalbna—huma jħossu dawn l-emozzjonijiet fis-sistemi nervużi tagħhom. Filwaqt li meta nibqgħu kalmi u komposti, anki fil-kaos, aħna nkunu qed noffrulhom xi ħaġa b’saħħitha ħafna: sikurezza.

L-Awtoregolazzjoni Mhijiex Dwar it-Trażżin tal-Emozzjonijiet Tiegħek

Hija dwar li tirrikonoxxihom mingħajr ma tħallihom jieħdu kontroll fuq ħajtek. Huwa normali li tħoss rabja, għeja, stimulazzjoni żejda jew anzjetà. Inti bniedem. Huwa importanti li toħloq spazju għar-riflessjoni personali fuq it-trobbija tiegħek stess; kif kienet is-sitwazzjoni meta bħala tifel jew tifla kont turi sentimenti kbar? Kif kienu jirreaġixxu u jirrispondu l-ġenituri tiegħek? Kif kienu jikkalmawk? Irċevejt dak li kellek bżonn? X’riedu differenti t-tifel jew it-tifla ta’ ġo fik? X’tixtieq tbiddel jew tirrepeti fl-approċċ tat-trobbija tiegħek issa? Xi drabi nistgħu nitqanqlu bla ma nkunu rridu mill-emozzjonijiet kbar tat-tfal tagħna minħabba li jistgħu jeħduna lura lejn it-tfulija tagħna u lejn kif is-sentimenti tagħna stess ġew immaniġġjati jew mhux imrażżna. It-tfittxija għal appoġġ terapewtiku tista’ tkun siewja ħafna biex jiġu appoġġati l-ipproċessar aktar emozzjonali u l-koerenza tal-istejjer tat-tfulija tagħna. 

Minbarra li ssir aktar konxju/a tiegħek innifsek u tagħraf tipproċessa ruħek, is-seħer jinsab ukoll fil-mod kif tagħżel li tirreaġixxi għal uliedek permezz tal-prattiki ta’ awtoregolazzjoni tiegħek: 

5 Modi Prattiċi biex Tipprattika l-Awtoregolazzjoni bħala Ġenitur

1. Semmi l-emozzjoni biex tikkalmaha.
Għid (anki b’leħen baxx lilek innifsek): “Qed inħossni tlift il-kontroll bħalissa.” Meta tagħti tikketta lill-emozzjoni tiegħek tkun qed tattiva l-parti ta’ moħħok li taħseb u tnaqqas ir-reattività.

2. Ħu pawża fiżika.
Mur sal-kamra tal-banju. Xarrab wiċċek bl-ilma kiesaħ. Ħu 3 nifsijiet bil-mod. Meta tagħmel dan ma tkunx qed turi li qtajt qalbek, imma tkun qed tipprova tikkalma.

3. Uża ankra ta’ stabbiltà.
Ipprova: “Saqajja jinsabu fuq l-art. It-tifel/tifla tiegħi huwa/hija sikur(a). Kapaċi nimmaniġġja din is-sitwazzjoni.” Irrepetiha bħal mantra.

4. Sewwi s-sitwazzjoni meta tiżloq.
Xi drabi se titlifha. Dan normali. L-importanti li terġa’ lura b’onestà:
“Kont qed inħossni stressjat(a) ħafna u ma kontx kapaċi nimmaniġġja s-sitwazzjoni sewwa. Jiddispjaċini. Ejjew nerġgħu nipprovaw.”

5. Ipproteġi l-enerġija tiegħek.
L-awtoregolazzjoni hija ferm aktar diffiċli meta tispiċċa mingħajr enerġija. Staqsi lilek innifsek: Liema ħaġa żgħira nista’ nagħmel illum biex inħossni ftit aħjar u jkolli aktar enerġija? (mixja, raqda qasira, ikla tajba, talba għall-għajnuna).

Mintix Qed Tfalli—Qed Titgħallem

Jekk ħadd ma qallek illum: Qed tagħmel biżżejjed. Qed titgħallem. Tista’ tiżbalja u tgħaffiġha. L-awtoregolazzjoni hija prattika, mhux destinazzjoni. U kull darba li tieħu pawża minflok tisplodi, kull darba li tieqaf tieħu nifs minflok tagħti l-ħtija—tkun qed timmudella xi ħaġa straordinarja għal ibnek/bintek:

Li jista’ jkollna sentimenti kbar u xorta nibqgħu konnessi.

Ejjew inkunu l-kalma fil-kaos tagħhom—mhux billi nkunu perfetti, iżda billi nkunu preżenti, konxji tagħna nfusna u nuru l-imħabba.

 

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Positive Parenting Malta u Programmi ta’ Taħriġ

Positive Parenting Malta hija impenjata li tiżgura li l-professjonisti li jaħdmu fil-qasam jiġu mħarrġa bil-ħiliet ibbażati fuq l-aħħar evidenza sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jappoġġjaw lill-familji u lis-soċjetà b’mod ġenerali. Tabilħaqq, fl-2021, bosta...

Blog Image

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!