Hello! Jien Charlene. Il-professjoni tiegħi hija ta’ psikologa u terapista tal-familja. Jien omm ta’ żewġt itfal – Aurora (3 snin) u Beatrice (sena). Ser inkun qed nikteb l-ewwel blogg minn lenti ta’ professjonista kif ukoll ta’ ġenitur. L-għan huwa li naqsmu l-ideat u nissapportjaw lil xulxin, napprezzaw lilna nfusna tax-xogħol kollu li qed nagħmlu u nżommu f’moħħna l-importanza li nkunu tajbin biżżejjed minflok perfetti!
Dan huwa post fejn ma niġġudikawx lil xulxin u nifhmu li m’hemm l-ebda triq perfetta. Nistidnukom tiktbu l-ħsibijiet tagħkom hawn taħt u xxerrdu dan il-blogg ma’ ġenituri oħra!
Qed joqrob iż-żmien tal-iskola … X’nistgħu nagħmlu aħna bħala ġenituri biex ngħinu lit-tfal iż-żgħar tagħna f’din it-tranżizzjoni?
Meta jasal iż-żmien ta’ Settembru, ħafna ġenituri jibdew iħejju ruħhom għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Mill-esperjenza professjonali u personali tiegħi, it-tranżizzjoni għal dawk il-ġenituri li jkunu diġà mdorrijin bis-sistema tal-iskola u li jkollhom tfal li diġà esperjenzaw l-ewwel snin tal-iskola, tista’ tkun iktar faċli peress li jkunu diġà jafu iżjed x’qed jistennew. Barra minn hekk hemm ċans ikbar li t-tfal ikunu draw iktar x’inhu mistenni minnhom. Mill-banda l-oħra, dawk il-ġenituri ta’ tfal żgħar li jkunu ser jidħlu l-iskola l-ewwel darba jista’ jkun li jibbenefikaw iktar minn sapport biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jgħinu lil uliedhom f’din it-tranżizzjoni. Infatti, dan il-blogg ser jitkellem dwar xi suġġerimenti li xi ġenituri jistgħu jiġu bżonn f’dan il-perjodu.
Qabelxejn, tajjeb li ngħidu li dawn huma biss suġġerimenti; kull wild huwa uniku u kulħadd jista’ jkun għaddej minn kuntesti differenti. Għalhekk, għalkemm huma suġġerimenti pożittivi, dan ma jfissirx li ser jaħdmu dejjem għal kulħadd. Però, tajjeb li nżommu ruħna miftuħin għal esperjenzi u tagħlim ibbażat fuq l-esperjenza kif ukoll fuq ir-riċerka. https://positiveparenting.gov.mt/mt/qed-joqrob-iz-zmien-tal-iskola-xnistghu-naghmlu-ahna-bhala-genituri-biex-nghinu-lit-tfal-iz-zghar-taghna-fdin-it-tranzizzjoni/
Dawn huma xi ftit ideat li nixtieq naqsam magħkom illum:
- Importanti li bħala ġenitur tifhem kif qed tħossok dwar din it-tranżizzjoni. Ibnek jew bintek m’għadhomx aktar trabi u qed jikbru. Dan huwa żmien eċitanti għalikom it-tnejn u jista’ wkoll ikun żmien ta’ ftit anzjetà u biża’ għal xi wħud. Bħala ġenituri huwa importanti li nagħrfu kif qed inħossuna u naraw kif nistgħu nikkalmaw lilna nfusna. It-tfal huma bhal sponża u kapaċi jassorbu kull emozzjoni li nkunu qegħdin inħossu. Hemm ċans akbar li t-tfal żgħar jadattaw b’mod iktar kalm għall-iskola jekk nuru li aħna kunfidenti, sikuri, u pożittivi li kollox ħa jkun sew. Għalhekk aħseb ftit fuq x’jgħinek tikkalma f’mumenti ta’ bidla (il-qari, l-isport, il-komunikazzjoni ma’ ħbieb tal-qalb, eċċ.). Huwa normali li bħala ġenituri nkunu emozzjonati meta naraw lit-tfal tagħna bl-uniformi lesti għall-ewwel ġurnata tal-iskola… lestu t-tissues 😊 Nistgħu nispjegaw lit-tfal tagħna li issa ser jgħaddu minn esperjenza ġdida li fiha ser jieħdu pjaċir u li aħna nħossuna kburin bihom meta juruna kemm ikunu tgħallmu.
- Tajjeb li nitkellmu mat-tfal tagħna minn qabel fuq x’inhi l-iskola u x’ser ikunu qegħdin jagħmlu. It-tfal, għalkemm mhux dejjem ikunu kapaċi jikkomunikaw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom, ikollhom ħafna mistoqsijiet u emozzjonijiet ġo fihom, speċjalment dwar avvenimenti ġodda bħall-iskola. Nistgħu wkoll nużaw il-logħob bħala mezz biex ngħinu lit-tfal jifhmu kunċetti differenti, jipproċessaw ċerti sitwazzjonijiet u jesprimu ruħhom aħjar. Pereżempju, nistgħu nużaw il-pupi jew saħansitra annimali tal-logħob u nilagħbu taparsi dawn sejrin l-iskola l-ewwel darba. Xi eżempji ta’ x’nistgħu ngħidu waqt dan it-tip ta’ logħob huma: “Dan l-ors sejjer l-iskola għall-ewwel darba llum. Kif taħseb li qed iħossu?”, “Qed iħossu mbeżża’ għax ser ikun ‘il bogħod mill-mamà u mill-papà tiegħu; kif nistgħu ngħinuh?”, “Il-Mamà u l-Papà ors jgħidulu li jħobbuh, li ser iwassluh l-iskola u li ser jerġgħu imorru għalih. Jifhmu li qed iħossu anzjuż iżda fl-istess ħin jgħidulu li din hija avventura ġdida fejn ser jilgħab ħafna u jagħmel ħbieb ġodda!” Interessanti li nifhmu li t-tfal iż-żgħar jista’ jkun iħossuhom iktar komdi li jesprimu ruħhom bil-logħob milli bil-kliem. Għalhekk importanti nifhmu lil uliedna u nagħtuhom l-ispazju individwali meħtieġ biex jesprimu ruħhom magħna bil-mod li jagħżlu huma.
Min-naħa tagħna, bħala ġenituri, tajjeb li nempatizzaw mat-tfal u ninkuraġġuhom. Pereżempju: “Nifhem li qed tħossok imbeżża’. Jien hawn qiegħda għalik. Jien ser nerġa’ niġi lura għalik meta tispiċċa l-iskola. Waqt l-iskola ser tkun mal-għalliema u ser tagħmlu ħafna affarijiet sbieħ!”
Importanti wkoll li nsellmu lil uliedna meta nkunu fejn il-bieb tal-iskola u mhux niżgiċċaw niġru ’l hemm. Dan għaliex hemm ċans ikbar li t-tfal iħossuhom iktar anzjużi u insikuri jekk il-ġenituri tagħhom jisparixxu mingħajr ma jsellmulhom bi mħabba. Tajjeb ukoll li nafdaw it-tfal tagħna f’idejn tajba u nuru fiduċja fil-kapaċità kbira tal-għalliema li għandhom ħafna esperjenza f’dan il-qasam.
Jekk hemm possibbiltà li żżur l-iskola jew tal-inqas turi stampi tal-iskola minn qabel, din tista’ tgħinhom jifhmu fejn ser tkun l-iskola u tinkoraġġihomom biex jikkomunikaw iktar dwarha. Jekk hemm possibbiltà li ssir taf min hu/i l-għalliem/a minn qabel, wieħed jista’ wkoll jibda juża isem l-għalliem/a mat-tfal biex jiffamiljarizzaw ruħhom iktar.
Illum il-ġurnata saret moda li jiffurmaw gruppi tal-klassijiet tal-iskejjel għall-ġenituri fuq Facebook jew WhatsApp. Jekk wieħed għandu l-opportunità jagħmel dan ikun jista’ wkoll jiftiehem ma’ xi wħud mill-ġenituri biex jagħmlu play dates flimkien qabel jew waqt iż-żminijiet tal-iskola biex jgħinu lit-tfal isiru jafu iktar lil xulxin.
Apparti minn hekk, riżorsa prezzjuża oħra li nistgħu nużaw hija l-kotba u l-qari tal-istejjer. Hemm varjetà sħiħa ta’ kotba hemm barra minn fejn wieħed jista’ jagħżel x’jikkumplimenta l-aħjar mal-familja tiegħu. Personalment, mat-tifla l-kbira tiegħi, ktieb li vera ħadem kien: I Love You All Day Long ta’ Francesca Rusackas. Ktieb ieħor tajjeb ħafna huwa: The Kissing Hand ta’ Audrey Penn. Dawn il-kotba qegħdin hemm biex il-ġenituri jaqrawhom flimkien mat-tfal u jgħinuhom jifhmu u jesprimu iktar l-emozzjonijiet tagħhom dwar l-iskola.
Nispera li dan il-blogg kien ta’ għajnuna għalikom. Nistidinkom taqsmu magħna l-ideat u s-suġġerimenti tagħkom ukoll!
Grazzi ħafna,
Charlene
Charlene
Clinical Psychologist and Family Therapist