X’nistgħu nagħmlu bħala ġenituri meta l-adoloxxenti tagħna jgħidulna li qed iħossuhom imdejqin?

Bħala ġenituri naħseb li wieħed mill-akbar duluri li jista’ jkollna hu li naraw lit-tfal tagħna imdejqin għal xi raġuni jew oħra. It-tfal ta’ kull eta’ jistgħu jesperjenzaw kull tip ta’ emozzjoni, anke jekk ikunu għadhom m’humiex kapaci jivverbalizzawha.

Ir-riċerka turi li ż-żmien tal-adoloxxenza huwa żmien prekarju ħafna, minħabba li l-adoloxxenti jgħaddu minn hafna tibdiliet tal-ġisem, kif ukoll emozzjonali u soċjali. Il-moħħ tal-adoloxxent ikun ghadu qed jiżviluppa, u jkun għadu mhux dejjem kapaci jifhem u jikkontrolla l-emozzjonijiet.

Fix-xogħol tieghi, kemm il-darba niltaqa ma’ ġenituri t’adoloxxenti li jesprimu tħassib dwar kif inhu l-aħjar mod li jaġixxu meta jaraw lit-tfal tagħhom imdejqin. B’hekk ser nikteb xi ftit punti li jistgħu jkunu ta’ sostenn u ta’ sapport f’dawn iċ-ċirkustanzi.

  1. Kun preżenti fil-ħajja tal-adoloxxenti

Għalkemm l-adoloxxenti jibdew ifittxu ħafna iktar lil ħbieb u attivitajiet barra mid-dar, il-preżenza u r-relazzjoni mal-ġenituri tibqa’ wahda kruċjali. Meta nkunu preżenti għal uliedna inkunu qeghdin ngħaddulhom il-messaġġ li huma importanti għalina, u li aħna qegħdin hemm biex nisimgħuhom u ngħinuhom f’kull ċirkustanza li jiltaqgħu magħha.

Meta l-adoloxxenti jidhru, jew saħansitra jgħidulna, li huma imdejqin, tajjeb li aħna bhala ġenituri nisimgħu dak li għandhom x’jgħidu mingħajr ma niġġudikawhom, u mingħajr ma ngħidulhom li m’għandhomx għalfejn iħossuhom b’dan il-mod. Aħna nistgħu nħossuna mdejqin li naraw lit-tfal tagħna jbatu, pero l-emozzjonijiet m’humiex bħal swiċċ; ma nistgħux naqbdu u nitfuhom jew ninjorawhom. Irridu l-ewwel nitkellmu fuqhom u nifhmuhom, biex imbad inkunu nistgħu naraw x’nagħmlu biex inħossuna ahjar.

 Kemm il-darba, forsi b’intenzjoni minnha nnifisha tajba ħafna, ngħidu lill-adoloxxenti: “u le, m’għandekx għalfejn tħossok hekk!”. Jista’ jkun li dan il-messaġġ ikollu l-effett oppost ta’ dak mixtieq. Jista’ jkun li l-adoloxxenti jħossuhom aktar u aktar li ħadd ma jista’ jifhimhom, fejn b’hekk imbad ikun hemm ċans akbar li jingħalqu fihom infushom.

Allura x’nistgħu ngħidu?

Nistgħu ngħidu xi ħaga bħal: “jiddispjacini li qed tħossok daqshekk imdejjaq/imdejqa bħalissa. Naf li qed tħossok bla tama u nixtieq ħafna li ngħinek… jiena dejjem hawn għalik.”

  1. Għin liż-żgħażagħ li qed iħossuhom imdejqin sabiex jibqgħu jitkellmu u jibqgħu jkunu soċjali ma’ nies oħra
Meta wieħed iħossu imdejjaq hemm iċ-ċans li wieħed mill-ewwel istinti tiegħu/tagħha jkun li joqgħod/toqgħod għalih/għaliha waħdu/waħedha u jingħalaq/tingħalaq fiħ/fiha nnifsu/nnifisha. Ir-riċerka turi li meta wieħed/waħda jiżola/tiżola ruħu/ruħha minn ħaddiehor għal żmien twil, ikun hemm ir-riskju li ser jiżdiedu l-emozzjonijiet tad-dwejjaq u tas-solitudni. B’hekk huwa importanti li nħeggu l-adoloxxenti sabiex jiftħu qalbhom magħna b’mod sikur, u li nibqgħu nwettqu attivitajiet ta’ passatempi flimkien, bhal per eżempju xi tip ta’ attivita’ fiżika jew mużika. Il-kitba u t-tpingija huma wkoll metodi eċċellenti li jistgħu jgħinu lil dak/dik li jkun/tkun jesprimi/tesprimi ruħu/ruħha iżjed.

Jekk inkunu nafu li l-adoloxxenti tagħna għandhom xi ħbieb tal-qalb li jistgħu jafdawhom, nistgħu wkoll nħeġġuhom sabiex jikkuntatjawhom ‘ħalli jkunu jistgħu joħorgu barra mid-dar u jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra li jridulhom l-ġid.

Ftakar ukoll li konversazzjoni mal-adoloxxenti dwar x’jista’ jgħinhom ikampaw aħjar bid-dwejjaq tista’ ssir waqt xi mixja, bela te’ jew xi mawra bil-karozza fost oħrajn. Kulħadd huwa differenti, fejn għalhekk huwa importanti li ssib l-aħjar metodu li japplika għall-familja tiegħek. Li hu żġur huwa li l-ingredjenti essenzjali għal dan huma: il-paċenzja u l-persistenza. 

  1. Ngħinu lill-adoloxxenti biex iżommu struttura għal matul il-ġurnata

Meta wieħed/waħda iħossu/tħossha imdejjaq/imdejqa, faċilment jista’/tista’ jibda/tibda jitlef/titlef l-istruttura tal-ġurnata. Għalhekk huwa importanti li bħala ġenituri nissapportjaw liż-żgħażagħ, sabiex dawn ikunu jistgħu jieklu ikliet bnini u jorqdu f’ħin li huwa benefiċċjali għal saħħithom. Huwa tajjeb ukoll li l-ġurnata tibqa’ strutturata, u li jibqgħu jagħmlu l-attivitajiet mistennija minnhom. Dan jinkludi: li jattendu l-iskola, privat, jaqraw, jilgħabu xi logħob, sports, etċ. Għalkemm wieħed/waħda jista’/tista’ jkun/tkun li ma jkollux/jkollhiex aptit jagħmel/tagħmel dawn l-affarijiet, nafu li jekk nibqgħu ma nagħmluhomx darba wara l-oħra hemm ċ-ċans li wara ser inħossuna aktar imdejqin. Hemm probabbiltà ħafna aħjar li l-burdata u l-emozzjoni jinbidlu meta aħna nwettqu xi ħaġa differenti, minflok nibqgħu d-dar naħsbu biss fuq id-dwejjaq. Madanakollu nafu wkoll li l-ħin biex nipproċessaw u nifhmu l-emozzjonijiet tagħna hu importanti, pero’ mhux li nibqgħu ġurnata sħiha naħsbu fuq hekk biss. Anzi, meta wieħed/waħda jimbotta/timbotta lilu/lilha nnifsu/nnifisha biex jagħmel/tagħmel affarijiet oħra wkoll, dan jista’/tista’ jtiħ/jtiha aktar enerġija biex imbad jifhem/tifhem aħjar x’qed/qiegħda iħoss/tħoss u x’jista’/tista’ jagħmel/tagħmel dwaru.

  1. Bhala ġenituri aħna qegħdin hemm biex ngħinuhom jipproċessaw dak li għaddejjin minnu u mhux biex neċessarjament insolvulhom il-problemi tagħhom

Nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ jifhmu kif ikunu qegħdin iħossuhom billi nistaqsuhom mistoqsijiet bħal:

– X’ikun qed jiġri meta tibda’ tħossok imdejjaq/imdejqa?

– X’jista’ jgħinek biex tħossok ahjar?

– Tista’ tgħidli iktar fuq hekk?

– Meta tħossok aħjar xi tkun qed tagħmel differenti?

– X’taħseb li huma l-għażliet li għandek quddiemek? U x’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull waħda?

– B’liema mod nista’ ngħinek jien?

Jeżistu wkoll ħafna kotba li jistgħu jissapportjaw liż-żgħażagħ fl-emozzjonijiet u fil-ħsibijiet tagħhom. Tistgħu tfittxu xi ftit minn dawn ir-riżorsi flimkien onlajn jew anke tixtru xi kotba flimkien dwar hekk. Xi kotba li ġieli rrakkomandajt fil-prattika tiegħi jinkludu:

– “Beyond the Blues: A Workbook to Help Teens Overcome Depression (An Instant Help Book for Teens)” minn Lisa Schab;

– “The DBT Skills Workbook for Teens: A Fun Guide to Manage Anxiety and Stress, Understand Your Emotions and Learn Effective Communication Skills (Life … Health and Wellness Books For Teenagers)” minn ‘Teen Thrive’;

– “The Self-Compassion Workbook for Teens: Mindfulness and Compassion Skills to Overcome Self-Criticism and Embrace Who You Are (An Instant Help Book for Teens)” minn Karen BluthKristin Neff.

  1. Nibqgħu nimmudellaw ir-rispett u s-sapport tagħna

Iż-żgħażagħ ser jibqgħu jħarsu lejna wkoll, filwaqt li jaraw kif aħna qegħdin naffrontaw is-sitwazzjonijiet tal-ħajja. Tajjeb li nistaqsu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna:

– Kemm aħna kapaċi nżommu kalmi u nkampaw tajjeb f’mumenti diffiċli?

– Kemm inħossuna komdi li nivverbalizzaw l-emozzjonijiet tagħna u li anke nibku f’post privat meta nħossuna mdejqin?

– Kemm aħna kapaci li nfittxu sapport mingħand nies li nistgħu nafdaw?

Dejjem jgħin li aħna naċċettaw u li nivvalidaw l-emozzjonijiet kollha li jesperjenzaw l-adoloxxenti tagħna, iżda fl-istess ħin dan ma jfissirx li għandna naċċettaw diżrispett fl-aġir tagħhom. Meta jiġri hekk huwa tajjeb li nikkoreġuhom billi nsostnu l-importanza tar-rispett. Per eżempju: “Nifhem li qed tħossok imdejjaq/imdejqa bħalissa u taf li jien hawn għalik, pero’ ma naccettax li lili tkellimni b’dan it-ton”.

  1. Nidderieġu lill-adoloxxenti u anke lilna nfusna bhala ġenituri għal aktar sapport professjonali jekk nħossu dan il-bżonn

Li nkunu b’saħħitna xi kultant tista’ tfisser li ma nibżgħux li nfittxu aktar għajnuna. Kulħadd jista’ jgħaddi minn mumenti diffiċli, fejn is-saħħa mentali hija importanti immens daqskemm hija importanti s-saħħa fiżika. Hawn diversi servizzi governattivi b’xejn li jezistu li jistgħu jgħinu f’dawn il-każijiet, bħal: Child and Young People’s Services (CYPS) u servizzi fi ħdan il-FSWS.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Janice Sargent

Min int u x’inhu l-irwol tiegħek?
Jiena jisimni Janice Sargent. Il-professjoni tiegħi hija ta’ psychologist pero l-irwol tiegħi f’dan il-proġett huwa ta’ research manager. Ix-Xogħol tiegħi jinqasam fit-tnejn. L-ewwel parti huwa li nistudja ir-riċerka u l-letteratura li saret ma ġenituri fiż-żmien ta qabel u wara il-ħlas biex flimkien mat-tim tar-riċerkaturi inkunu nistaw naraw is-sitwazzjoni f’Malta kif inhi u x’tip ta’ għajnuna tkun ta’ benefiċċju għall-dawn in-nies. It-tieni parti tax-xogħol tiegħi huwa iktar prattiku, jien nieħu ħsieb it-tqassim u l-gġbir tal-kwestjonarji u nara li kollox miexi kif suppost.

Parenting_Banner

Clarissa Sammut Scerri

Tista’ ttina introduzzjoni tiegħek nnifsek?
Jiena Dr. Clarissa Sammut Scerri, Senior Lecturer l-Università fid-dipartiment ta’ l-istudji tat-tfal u tal-familja, Counseling Psychologist u family therapist.

Parenting_Banner

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!