X’jgħallmuna t-tfal lilna l-ġenituri dwar il-ħajja?

Ħafna mill-blogs u l-informazzjoni li jeżistu jiffukaw fuq kif aħna nistgħu niddixxiplinaw lil uliedna b’mod pożittiv sabiex nappoġġjaw it-tkabbir u l-iżvilupp tagħhom. Madanakollu, f’dan il-blog xtaqt li nidħol aktar fil-fond f’suġġett aktar importanti – x’jgħallmu t-tfal lill-ġenituri dwar il-ħajja? Kemm aħna lesti bħala ġenituri li nieqfu u nisimgħu tassew u nkunu ma’ uliedna?

Bħala omm li taħdem ta’ żewġt ibniet żgħar, nista’ verament nifhem kif il-ġenituri jista’ jkollhom skeda mimlija ħafna u jkunu l-ħin kollu jgħaġġlu minn ħaġa għall-oħra. Huwa bħallikieku nixtiequ li nimmarkaw kemm jista’ jkun kaxxi u niżguraw li uliedna ma jkunu qegħdin jitilfu xejn; meta qatt nieqfu u nistaqsu lilna nfusna – kif qegħdin jinfluwenzawni t-tfal tiegħi? Kif qiegħed ninbidel? Kif nista’ xi kultant nerħi minn idejja u sempliċement nifforma konnessjoni m’uliedi, minflok niffoka biss fuq liema tragward jeħtieġ li jintlaħaq u liema ħidmiet jeħtieġ li jitwettqu?

 

Meta jitwieldu t-tfal tagħna, aħna nitwieldu mill-ġdid bħala ġenituri.

Meta jitwieldu t-tfal tagħna, aħna nitwieldu mill-ġdid bħala ġenituri’ – Dan l-aħħar kont iltqajt ma’ din il-kwotazzjoni, u ġegħlitni naħseb fuq kemm tkabbir, bidliet (anke fuq livell bijoloġiku), kif ukoll tranżizzjonijiet li jgħaddu minnhom il-ġenituri. Meta jitwieldu t-tfal tagħna, jista’ jkun li nħossuna xi daqxejn mitlufa peress li ħadd m’għandu verament manwal tat-trobbija tat-tfal għall-ġenituri. Dak li normalment inħobb ngħid lill-ġenituri huwa li uliedna stess huma l-manwal tagħna. Jekk aħna nieħdu l-ħajja aktar bil-mod, niffurmaw konnessjoni, u nibnu dik ir-relazzjoni magħhom, allura b’hekk issir ħafna aktar faċli li nifhmu l-bżonnijiet tagħhom, l-affarijiet li jieħdu pjaċir bihom, u l-aħjar tekniki għalihom tas-serħan tal-moħħ. Li ma tkunx taf kollox huwa totalment komprensibbli u mistenni. Għalhekk, minflok ma nkunu iebsin magħna nfusna, ejjew nippruvaw inkunu aktar ġentili u aktar lesti li nkunu studenti kurjużi. Barra minn hekk, it-tfal tagħna jistgħu jkunu l-aqwa għalliema tagħna, fejn jgħallmuna kif inkunu verżjoni aħjar tagħna nfusna u nkabbru s-saħħiet tagħna, filwaqt li xi drabi jbiddlu wkoll il-manjiera ta’ kif aħna nħarsu lejn id-dinja. Uliedna forsi qegħdin jikbru malajr, iżda anke aħna! Speċjalment meta aħna nkunu kapaċi li nirriflettu fuq l-approċċ tagħna tat-trobbija tat-tfal bħala ġenituri, u fuq liema tip ta’ ġenituri aħna nixtiequ li nkunu għal uliedna.

 

Mumenti diffiċli bħala ġenituri jistgħu jsiru mumenti ta’ tagħlim għat-tfal tagħna.

X’nixtiequ li jitgħallmu uliedna dwar is-sentimenti u l-ħiliet neċessarji sabiex naffaċjaw id-diffikultajiet tal-ħajja? Aħna l-aqwa mudelli eżemplari għat-tfal tagħna, u huma jitgħallmu permezz ta’ kif aħna nikkomunikaw, inġibu ruħna u naffaċċjaw id-diffikultajiet. Li tkun ġenitur hija tabilħaqq responsabbiltà kbira. Bħala psikologa u terapista tal-familja, jien ukoll xi kultant nesperjenza l-ħtija tal-omm li mhux dejjem nirrispondi bl-aktar mod ġentili u t’imħabba. Jiena nipprova nżomm f’moħħi li meta noqgħod ninkwieta li jien m’iniex qed inkun omm tajba biżżejjed, dan jista’ jkun evidenza ta’ kemm jien fil-verità jimpurtani u ta’ kemm jiena nixtieq li nkun omm u persuna aħjar għall-bniet tiegħi! Qiegħda nitgħallem nisma’ lill-ħtija tiegħi t’omm, inżommha f’moħħi u nipproċessaha. Niftakar ukoll li kif aħna nħossuna bħala ġenituri mhux dejjem jaf ikun kif l-affarijiet verament huma f’kuntest. Tabilħaqq, meta jiena nirregola lili nnifsi u nikkalma, jien ukoll inkun nista’ nara l-istampa kollha u li jiena nagħti kull m’għandi sabiex inkun ġenitur tajjeb biżżejjed għaż-żewġt ibniet żgħar tiegħi. Huwa mportanti li kull wieħed u waħda minnha nsibu mekkaniżmu adegwat, li fl-istess waqt huwa benefiċċjali għal saħħitna, li jgħinna sabiex naffrontaw id-diffikultajiet tal-ħajja, fejn għalija dan jinkludi li nitkellem ma’ żewġi u t-taħriġ permezz t’eżerċizzji atletiċi. Meta ġismi u qalbi jkunu regolati emozzjonalment, jiena nkun f’pożizzjoni ferm aktar miftuħa u li nkun lesta li nilqa’ lit-tfal tiegħi. Jien qiegħda nitgħallem, peress li aħna lkoll qegħdin dejjem nikbru, li nagħżel fejn l-aħjar ninvesti l-enerġija tiegħi, f’dak li verament huwa l-iżjed importanti. Bħala ġenitur, inkun qiegħda kontinwament nirrifletti fuq mumenti li jistgħu jgħallmu u nipprova nitgħallem minnhom.

 

Il-bniet tiegħi ppreżentawli sfida sabiex :

Nieħu l-ħajja aktar bil-mod

Jiena nqis lili nnifsi bħala persuna ħabrieka u perfezzjonista. Bħal kull ħaġa oħra, dan għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu. Wieħed mill-iżvantaġġi huwa li xi kultant nara li uliedi jkunu qegħdin iżommuni lura u ma jħallunix inlesti ċertu ħidmiet b’mod effiċjenti bħal kif kont nagħmel qabel. Dak li qed nirrealizza aktar ta’ kuljum hu li huwa xi ħaġa kompletament aċċettabbli li tnaqqas il-pass li tkun miexi bih, fejn dan jaf ikun fil-fatt xi ħaġa utli li tista’ tagħmel! Il-bniet tiegħi huma kapaċi juruni d-dinja mil-lenti tagħhom – dak il-meravilja u l-eċitament kollu. Il-ferħ u l-ambizzjoni! Dawn huma s-sentimenti li nixtieq inrawwem fil-bniet tiegħi aktar milli nnaqqashom! Per eżempju, waqt il-mixjiet tagħna fil-park, il-bniet tiegħi jwaqqfuni sabiex inkunu nistgħu nimxu aktar bil-mod, inħarsu lejn il-ħaxix, inxommu l-fjuri, napprezzaw il-kuluri differenti u sempliċement ingawdu lil xulxin. Li nħares f’għajnejhom u narahom jixegħlu bil-ferħ huwa ta’ motivazzjoni u rinforz kbir għalija sabiex inkompli nnaqqas ir-ritmu li nkun għaddej bih. Il-bniet tiegħi jservu ta’ katalizzatur, fejn dan qiegħed jgħinni sabiex inkun aktar konxja u napprezza li ngħix fil-mument. Il-ħajja ta’ kuljum għandha valur sinifikanti u tista’ tkun opportunità sabiex niffurmaw konnessjoni, flimkien ma’ li ningħaqdu fis-sens t’eċitament u ta’ meravilja tat-tfal tagħna.

 

– Nifforma konnessjoni magħhom

Dawk li jafuni jafu li jien m’iniex eżattament l-aktar persuna estroverta li teżisti! Napprezza li jien aktar introverta u sensittiva, fejn nemmen li kull karatteristika tal-karattru taf tkun sabiħa bil-mod unika tagħha. Madanakollu, jiena nħoss li billi sirt omm, il-bniet tiegħi sfidawni sabiex inkun aktar lesta u nagħmel aktar sforz sabiex nagħmel kuntatt ma’ ħaddieħor. Li tifforma konnessjoni ma’ nies oħrajn jista’ jkollu ħafna vantaġġi, inkluż dak li nuri lil uliedi ċertu ħiliet soċjali u kurżità ġentili sabiex ikunu jistgħu jifhmu l-vjaġġ tal-ħajja ta’ nies oħrajn. Pereżempju, il-fatt li konna għamilna sena ngħixu f’Londra s-sena l’għaddiet għen lili u lill-bniet tiegħi sabiex nesperjenzaw kulturi differenti u niffurmaw konnessjoni ma’ tant nies meraviljużi, li saru ħbieb kbar tagħna. Nemmen li dan għen kemm lili u lill-bniet tiegħi sabiex nikbru. Għaldaqstant, it-tfal tagħna jistgħu jgħinuna sabiex noħorġu miż-żona ta’ kumdità tagħna, naraw id-dinja f’dawl differenti u nikbru.

 

Nirregola s-sentimenti tiegħi

Jiena tal-fehma li dan huwa vjaġġ li jestendi sal-aħħar tal-ħajja għalija (jew għall-parti l-kbira tagħna? 😊 )! Fil-ħbiberiji u x-xogħol tiegħi mal-ġenituri, ta’ spiss nisma lill-ġenituri jgħidu li t-tfal tagħhom jafu liema buttuni għandhom jagħfsu u jkomplu jagħfsuhom. Jiena naħseb li l-ġenituri, inkluż jiena stess, għandhom bżonn provvista abbundanti t’enerġija u paċenzja sabiex iwettqu l-irwol tagħhom ta’ ġenituri bl-aħjar mod possibli ta’ kuljum. Ilkoll kemm aħna nagħmlu l-iżbalji. Aħna m’aħniex ġenituri perfetti. Jiena nfakkar lili nnifsi li l-fatt li dejjem nagħmel l-almu tiegħi sabiex inkun tajba biżżejjed u li noffri apoloġija, kif ukoll li nipprova nirranġa l-affarijiet, jgħinni sabiex inzomm relazzjoni pożittiva u sigura biżżejjed mal-bniet tiegħi. Waqt kollass emozzjonali, jiena nara li l-ewwelnett inkun qiegħda naħdem kontinwament fuq dak li jista’ jgħin lili nikkalma u nirregola ruħi, peress li jiena konxja li t-twettiq tad-dmirijiet marbuta mat-trobbija tat-tfal waqt li nkunu għaddejjin minn xi diffikultà jista jwassal biss li jagħmel is-sitwazzjoni aktar mimlija b’konfuzjoni u li taf tikkawża ħsara. Għalhekk, jiena qiegħda naħdem fuq li nieħu l-affarijiet aktar bil-mod, li nieħu nifs ‘il ġewwa u ‘l barra, li ngħodd sa għaxra, li mmur f’kamra oħra jekk ikun hemm bżonn (la nkun naf li t-tfal tiegħi qegħdin fi spazju sigur) u li nirregola l-emozzjonijiet tiegħi. Ladarba jien inħossni regolata, jiena nkun nista’ mbagħad nirregola lit-tfal tiegħi. Inżomm f’moħħi li l-bniet tiegħi m’humiex jgħadduni minn żmien diffiċli, iżda li huma stess għaddejjin minn żmien diffiċli. Li nħarsu f’għajnejn uliedna waqt kollass emozzjonali jista’ jgħinna sabiex insiru aktar qrib tagħhom u nifhmu d-dwejjaq proprja u d-disregolazzjoni emozzjonali li huma jistgħu jkunu qegħdin jesperjenzaw. Nipprova niftakar, kemm jista’ jkun possibli, li l-moħħ tat-tfal tagħna għadu fil-proċess li jinbena, u li huma newroloġikament m’humiex kapaċi jirregolaw lilhom infushom b’mod effettiv, għalissa, mingħajr il-ħiliet konsistenti tat-trawwim u tal-immaniġġjar f’manjiera pożittiva tagħna. Għalhekk, f’dawk il-kollassi emozzjonali, jiena dejjem nara li naħdem bis-sħiħ sabiex insib l-empatija profonda tiegħi għal dawk l-emozzjonijiet li jistgħu jkunu għaddejjin minnhom il-bniet tiegħi. Jien ommhom, u hija r-responsabbiltà tiegħi li nagħmel hekk. Ftit aktar empatija u ftit aktar ġentilezza jistgħu jkunu ta’ siwi kbir, kemm għall-ġenituri u kif ukoll għat-tfal. Nipprova nżomm ukoll f’moħħi kwotazzjoni famuża minn kittieba rinomata, Peggy O’Mara, ‘Il-mod ta’ kif nitkellmu ma’ uliedna jsir il-vuċi nterna tagħhom’. Allura, ejjew ngħinuhom jinternalizzaw vuċi pożittiva u mimlija mħabba, fejn fl-istess waqt inkunu qegħdin nagħtuhom l-għajnuna meħtieġa sabiex ikunu b’saħħithom u jiksbu suċċess.

Barra minn hekk, il-fatt li jien omm, għenni sabiex nifhem aktar il-kunċett li nkun ġenitur riflessivfiex qegħdin ifakkruni t-tfal tiegħi? Kif kont imrobbi/imrobbija mill-ġenituri matul it-tfulija tiegħi waqt li kont qed inkun inħossni mnikket/mnikkta? X’kienu l-bżonnijiet tiegħi bħala tifel/tifla? Dawn meta kienu jew ma kienux milħuqa? Kif nista’ nikber u nsir ġenitur aħjar? Bħala ġenituri, aħna lkoll għandna l-istejjer tagħna; fejn huwa kruċjali li nipproċessaw dawn l-istejjer u nsiru l-awtur tagħna stess. Aħna lkoll kemm aħna pjanti differenti, bi bżonnijiet u b’karatteristiċi uniċi differenti. Ejjew nagħtu l-ilma u nsostnu l-bżonnijiet tagħna u nkunu l-kontenituri, kif ukoll il-vitamini, tat-tfal tagħna. Li nisimgħu lilna nfusna, lil uliedna u nieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet tagħna, jgħinna sabiex inkomplu nikbru bħall-pjanti; l-għeruq tagħna huma konnessi, u lkoll kemm aħna nistgħu nikbru b’modi differenti f’kuntest xieraq!

Allura, iva, bħala ġenituri x’aktarx mhux dejjem ser jirnexxielna mal-ewwel darba jew f’kull okkażjoni. Madanakollu, billi nippermettu lilna nfusna li niġu mgħallma minn uliedna, aħna nistgħu nikbru fi bnedmin aħjar. Nixtieq nagħlaq dan il-blog billi ngħid grazzi, grazzi lill-bniet tiegħi u lit-tfal kollha tad-dinja, li lkoll kemm huma qegħdin ikunu għalliema eċċellenti bil-mod uniku tagħhom. Kun af li inti maħbub/a u li diġà qiegħed/qiegħda tħalli marka speċjali f’din id-dinja!

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist

Aktar Qari

Janice Sargent

Min int u x’inhu l-irwol tiegħek?
Jiena jisimni Janice Sargent. Il-professjoni tiegħi hija ta’ psychologist pero l-irwol tiegħi f’dan il-proġett huwa ta’ research manager. Ix-Xogħol tiegħi jinqasam fit-tnejn. L-ewwel parti huwa li nistudja ir-riċerka u l-letteratura li saret ma ġenituri fiż-żmien ta qabel u wara il-ħlas biex flimkien mat-tim tar-riċerkaturi inkunu nistaw naraw is-sitwazzjoni f’Malta kif inhi u x’tip ta’ għajnuna tkun ta’ benefiċċju għall-dawn in-nies. It-tieni parti tax-xogħol tiegħi huwa iktar prattiku, jien nieħu ħsieb it-tqassim u l-gġbir tal-kwestjonarji u nara li kollox miexi kif suppost.

Parenting_Banner

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!