Telfa ta’ tqala tista’ tkun weġgħa profonda, imma n-niket li ġġib magħha ħafna drabi ma narawhiex ġejja. Meta aħna nifhmu dak li jkun qed jiġri emozzjonalment wara l-korriment jista’ jgħina biex inkellmu lilna nfusna – u lil oħrajn – b’aktar kompassjoni.
Korriment jista’ jbiddel il-ħajja tagħna b’modi li diffiċli wieħed jispjega lil xi ħadd li qatt m’għadda minn din l-esperjenza.
Hemm l-esperjenza fiżika, li tista’ tinvolvi appuntamenti mediċi, proċeduri, uġigħ u eżawriment. Imma magħtul iż-żmien li tkun qed tirkupra fiżikament, ikun hemm esperjenza oħra, aktar kwieta: it-telfa tat-tarbija li diġa’ tkun qed timmaġina u l-futur li tkun diġa’ bdejt tibni madwar it-tqala.
U dan huwa fejn l-affarijiet jibdew isiru partikolarment diffiċli.
Id-dinja mhux neċessarjament tieqaf meta t-tqala tieqaf. Nies oħra jkomplu bir-rutina tagħhom. Ix-xogħol ikompli. Il-ħajja tal-familja tkompli. Il-ħbieb iħabbru li huma tqal u jilqgħu t-tarbija tagħhom. Jista’ jkun li ħaddieħor ikun qed jippretendi li inti terġa’ lura għall-ħajja ta’ kuljum waqt li inti, minn ġewwa, tkun qed tħoss li xi ħaġa sinifikanti tbiddlet ġo fik.
Xi kultant, il-parti l-aktar diffiċli hi li nies oħra ma jirrealizzawx kemm inti tlift.
Meta t-telfa ma tkunx daqstant viżibli għal oħrajn
Il-korriment jista’ jkun telfa inviżibbli.
Speċjalment meta tqala tintilef kmieni fiż-żmien, jista’ jkun hemm biss ftit tifkiriet tanġibbli li juru li t-tqala eżistiet verament. Possibilment inti ma tkunx għidt lil ħafna nies. Jista’ jkun li ma jkunx hemm ħafna ritratti, kamra tat-tarbija u affarijiet li wieħed jassoċja mat-tarbija. Minn barra, tista’ tidher daqs li kieku l-ħajja treġġgħet lura għal li kienet qabel.
Imma emozzjonalment, jista’ jkun li xejn ma tinħass hekk.
It-tqala toħloq relazzjoni ma’ futur li qatt għadu ma seħħ. Jista’ jkun li inti tkun immaġinajt it-tarbija, ħsibt fuq xi ismijiet, pinġejt il-mument li tlaqqa’ lit-tarbija ma’ ħutu jew man-nanniet jew immaġinajt kif il-familja tkun ser tidher mal-wasla tat-tarbija.
Imma meta t-tqala tispiċċa, inti tkun qed tħoss it-telfa kemm tat-tarbija li xtaqt tilaqa’ magħha u l-futur li tkun diġa’ bdejt timmaġina. Din tgħin biex tispjega għaliex din it-telfa hija intensa u ma tistax tkun imkejla sempliċiment b’kemm tkun avvanzata t-tqala meta titlifha.
Xi nies jesperjenzaw dak li l-psikologi jirreferu għaliha bħala telfa ‘dienfranchised’ – telfa li ma tkunx rikonoxxuta ħolistikament u mhux issapportjata min-nies ta’ madwarhom. It-telfa hija reali, imma r-rispons soċjali ma jkunx jaqbel mas-sinifikat emozzjonali li wieħed iħoss.
Din tista’ tħalli lil xi ħadd jistaqsi:
Għalfejn qed inbagħti daqshekk?
‘Suppost għandi nħossni aħjar issa?’
‘Forsi qed inġibha wisq bi kbira’
M’intiex
M’hemmx għalfejn li t-tqala tkun laħqet xi stadju partikolari biex it-telfa tkun sinifikanti.
Għall-anqas tista’ terġa tipprova
Ħafna nies li jesperjenzaw korriment jiltaqgħu ma’ kummenti ta’ rassigurazzjoni li għandhom intenzjoni tajba imma diffiċli tismagħhom.
“Għall-anqas taf li tista’ tinqabad tqila.”
“Dejjem tista’ terġa’ tipprova.”
“Għall-anqas kien għadu veru kmieni fit-tqala.”
“Kull ħaġa tiġri għal xi raġuni.”
Id-diffikulta’ ta’ dawn is-sentenzi huma li jmorru wisq malajr fil-futur mingħajn ma jagħtu l-ispazju li tirrikonoxxi l-preżent.
Il-fatt li terġa’ tipprova tista’ tkun xi ħaġa li eventwalment tkun parti importanti mill-istorja ta’ xi ħadd. Imma tqala oħra ma tieħux post it-tqala li ntilfet.
Xi kultant persuna mnikkta għandha bżonn tisma’ kliem aktar sempliċi:
“Jiddispjaċini. Naf kemm kienet importanti għalik.”
M’hemm prezzu meta xi ħadd iħalli persuna titkellem dwar l-esperjenza tagħha mingħajr ma joqgħod jipprova jtejjeb is-sitwazzjoni mill-ewwel.
In-niket jista’ jieħu l-forma ta’ rabja, anzjeta’ jew nuqqas ta’ emozzjoni
Meta naħsbu fuq in-niket, aħna ħafna drabi nġibu quddiem għajnejna dwejjaq u biki.
Imma n-niket wara korriment jaf ikun anqas prevedibbli.
Taf tħossok qalbek maqsuma f’ġurnata waħda u relattivament aħjar f’ġurnata oħra. Taf ma tħossx emozzjonijiet ta’ xejn, minflok niket. Taf tkun anzjuż, irritabbli jew maqtugħ mill-oħrajn. Taf issib lilek innifsek tbati biex tikkonċentra jew tħossok eżawsta f’affarijiet ordinarji.
U xi kultant in-niket joħroġ mir-rabja.
Taf tħoss rabja lejn ġismek, lejn il-professjonisti, lejn is-sieħeb tiegħek, lejn in-nies li jidhru li għandhom tqala sempliċi u bla komplikazzjonijiet – jew saħansitra lejk innifsek.
Din tista’ tkun partikolarment diffiċli meta inti ma tirrikonoxxix lilek innifsek f’din l-emozzjoni.
Imma r-rabja taf tkun rispons ta’ xi ħaġa li hija profondament inġusta u barra mill-kontroll tagħna. Taf tkun biswit id-dwejjaq u l-biża’ minflok tieħu posthom.
Minflok ma nistaqsu ‘għalfejn daqshekk imdejqa?, xi kultant aħjar nistaqsu:
“Ma xiex hija konnessa din ir-rabja?”
Jista’ jkun li dan huwa wġigħ relatat mat-telfa ta’ xi ħaġa prezjuża. Forsi din hija l-biża’ fuq il-futur. Forsi din hija l-frustrazzjoni li ġismek għamel xi ħaġa li ma stajtx tipprevieni.
Billi nifhmu l-emozzjoni ma jfissirx nieħdu azzjoni fuqha. Tfisser li nagħtu lilna nfusna l-ispazju biex nirrikonoxxu dak li qed jiġri ġewwa fina mingħajr ma niġġudikaw lilna nfusna fuqha.
Jista’ jkun qed tħossok differenti fuqek innifsek.
It-tqala tista’ ġġib bidla fl-identita’ tal-persuna pjuttost malajr.
Jaf diġa’ kont qed tqis lilek innifsek bħala omm jew missier. Jaf diġa’ bdejt timmaġina l-familja tiegħek b’mod differenti. Anke jekk kont taf bit-tqala għal żmien qasir, jaf diġa’ kont qed tbiddel il-mod kif qed tħares lejk innifsek u l-futur tiegħek.
Wara l-korriment, din tista’ tħalli vojt stamb emozzjonalment.
Inti m’għadekx tqila imma dan ma jfissirx illi inti għadek l-istess persuna li kont qabel it-tqala lanqas.
Xi wħud isibu lilhom infushom jistaqsu mistoqsijiet li qatt ma basru li ser jistaqsu:
“Kif tiddiskrivi dak li ġara?”
“Għadni nħares lejja nnifsi bħala omm?”
“X’ser ngħid lin-nies meta jistaqsuni fuq it-tfal?”
M’hemmx tweġiba universali.
Għal xi wħud, it-tifkira tat-tqala tinħass importanti. Oħrajn jippreferu ma jitkellmux fuqha. Xi wħud iridu jżommu r-ritratti jew jiktbu fuq dak li ġara; oħrajn jaraw dawn it-tifkiriet wisq ta’ qtigħ il-qalb.
M’hemmx mod korrett ta’ kif nerġgħu nibnu l-identita’ tagħna wara l-korriment.
L-importanti huwa li nirrikonoxxu li aħna nistgħu niddeċiedu xi tfisser għalina din l-esperjenza fl-istorja personali tagħna.
Meta koppja tesperjenza n-niket b’modi differenti
Il-korriment tista’ tkun esperjenza li koppja taqsam flimkien, imma dan ma jfissirx li ż-żewġ persuni jesprimu l-istess rispons emozzjonalment.
Persuna taf għandha bżonn titkellem. L-oħra taf tippreferi toqgħod kwieta.
Waħda taf għandha bżonn tibki u tesprimi t-telfa fil-miftuħ. L-oħra taf tiffoka fuq affarijiet prattiċi – tieħu ħsieb id-dar, tirranġa l-appuntament jew tmur lura għax-xogħol.
Wieħed jista’ jikkunsidra tqala oħra pjuttost malajr. L-oħra taf tħossha beżgħana bil-ħsieb biss.
Dawn id-differenzi jafu jsiru weġgħat meta jiġu interpretati bħala evidenza li persuna minnhom jimpurtaha aktar mill-oħra.
Imma differenti ma tfissirx neċessarjament inqas.
In-nies għandhom modi differenti kif jirregolaw l-emozzjonijiet diffiċli tagħhom, u n-niket mhux dejjem jiżviluppa bl-istess pass.
Aktar milli nistaqsu lis-sieħeb tagħna ‘għaliex m’intiex tesprimi n-niket bl-istess mod bħali? Prova staqsi:
“Kif kienet din l-esperjenza għalik?”
“Għandek bżonn xi ħaġa mingħandi imma qed issibha diffiċli tistaqsi għaliha?”
U forsi aktar importanti minn hekk:
“Kif nistgħu ngħinu lil xulxin meta aħna mweġġgħin b’modi differenti?”
Xi kultant il-koppji jkollhom bżonn jitgħallmu li huma jistgħu jesperjenzaw l-istess telfa b’modi different mingħajr ma xi ħadd minnhom jesperjenzha ħażin.
Meta d-data tat-twelid tiġi u tgħaddi
Wieħed mill-aktar mumenti emozzjonali li forsi wieħed ma jistennix wara korriment tista’ tkun id-data li fiha kellha titwieled it-tarbija.
Inti forsi kont timmaġina kif it-tarbija ser tkun tidher dakinhar, min kien ser ikun qribek, xi preparament kienu ser ikunu qed isiru jew kif kienet ser tinħass il-ħajja wara t-twelid tat-tarbija.
Meta din id-data tiġi, l-emozzjonijiet jafu jkunu intensi ħafna.
L-istess tista’ tiġri madwar l-anniversarju tal-korriment, id-data meta kellek l-isken, id-data meta annunzjajt it-tqala jew xi tifkira oħra madwar it-tqala.
Inti taf tkun sorpiża bir-reazzjoni tiegħek.
Taf tħossok imnikket, distratt, irritabbli jew bid-dmugħ f’għajnejk – jew taf tħossok relattivament bla effett.
M’hemmx xi rispons adegwat.
Ġurnata diffiċli ma tfissirx li dak il-progress li għamilt sfaxxa fix-xejn. In-niket jista’ jikwieta maż-żmien u jerġa’ jitfaċċa meta xi ħaġa ta’ importanza ttella’ t-telfa lura fil-wiċċ.
Jekk taf li xi ġurnata partikolari qed toqrob, jaf tgħin li taħseb għaliha qabel u tara x’tista’ tiġi bżonn dak in-nhar.
Forsi tixtieq kumpanija. Forsi tixtieq privatezza. Forsi trid tieħu l-ġurnata bħala vaganza mix-xogħol, tmur xi mkien fil-paċi jew toħloq xi ritwal żgħir personali.
Inti għandek id-dritt li tagħmel spazju għal dik id-data li hija sinifikanti għalik, anke jekk in-nies l-oħra ma jifhmux għala.
Huwa tajjeb li tipproteġi lilek innifsek
Xi festin qabel it-twelid ta’ tarbija. Aħbar ta’ xi ħadd li ħareġ tqil. Konverżazzjoni fuq xi ħadd li ser ikollu tarbija oħra. Xi ħadd tqil. Anke meta tqalleb fuq il-midja soċjali.
Inti m’għandekx għalfejn tesponi lilek innifsek f’kull sitwazzjoni sempliċiment biex turi li inti qed tfendi.
Ċertu distanzi sani jistgħu jwasslu biex tgħid:
“Miniex lesta nitkellem fuq il-pjanijiet relatati mat-tqala.”
“Nippreferi jekk ma nattendix dan l-avveniment bħalissa.”
“Naf li qed tipprova tgħini, imma nippreferi jekk tismagħni biss għalissa.”
“Jaf għandi bżonn aktar ħin qabel ma nitkellem fuq din.”
Il-bżonn li żżomm id-distanza tiegħek ma jfissirx li inti qed timbotta lin-nies ‘l bogħod minnek. Jaf ikun mezz ta’ kif inti qed tikkomunika dak li għandek bżonn f’mumenti fejn inti emozzjonalment vulnerabbli. Hija importanti li tagħti permess lilek innifsek biex tillimita l-konverżazzjonijiet, is-sitwazzjonijiet jew il-pariri li jistgħu jkunu wisq għalik, emozzjonalment.
Meta l-emozzjonijiet jkunu wisq għalik
In-niket hija emozzjoni, imma tista’ tesperjenzah b’mod fiżiku wkoll.
Jaf tinnota qalbek tħabbat, tensjoni f’ġismek, diffikultajiet biex tissetilja, sens ta’ paniku jew tħossok kompletament mifni minn xi memorja jew tifkira.
F’dawn il-mumenti, tgħin li ġġib l-attenzjoni tiegħek lura, bil-mod, għal dak li qed jiġri bħalissa.
Per eżempju, tista’:
- Tmur mixja bil-mod u tikkonċentra fuq is-sensazzjoni fiżika ma’ kull pass.
- Iżżomm oġġett u tinnota l-materjal minn x’hix inhu magħmul, it-temperatura jew il-piż tiegħu.
- Żomm saqajk sew mal-art u ħu ħafna nifsijiet bil-mod.
- Aħsel idejk b’ilma kiesaħ u kkonċentra fuq is-sensazzjoni.
- Żomm idek fuq sidrek u nnota n-nifs tiegħek.
- Niżżel dak li qed tħoss, aktar milli tipprova tagħmel sens mill-affarijiet immedjatament.
- Irrekordja xi nota b’mod privat bil-vuċi tiegħek meta tkun diffiċli tesprimi dak li qed tħoss b’vuċi għolja.
- Dawn il-metodi xi kultant jissejħu strateġiji li jżommuk b’saqajk mal-art. L-għan tagħhom mhix li telimina n-niket, imma biex tgħinek tissetilja b’mod suffiċjenti sabiex toħroġ minn dik il-mewġa emozzjonali intensiva. Tekniċi li jżommuk b’saqajk mal-art jistgħu jkunu ta’ sapport sabiex tkun tista’ terġa’ titfa’ l-attenzjoni tiegħek fuq il-preżent meta ċertu memorji jqajmulek ċertu stress jew emozzjonijiet kbar wisq.
Issib il-mod tiegħek kif tiftakar
M’hemmx għalfejn toħloq tifkira jew ritwal wara korriment.
Imma xi nies jindunaw illi meta tagħti spazju għat-tqala fl-istorja personali tagħhom taf tkun ta’ konfort għalihom.
Din tista’ ssir billi tħaddan xi ritratt importanti, tikteb xi ittra, tħawwel xi ħaġa, tixgħel xi xemgħa f’xi data sinifikanti, jew toħloq xi ritwal privat ieħor.
Għal xi ħadd ieħor, l-aktar ħaġa li tgħin tista’ tkun li twarrab kollox għal ftit u ma terġax tħares lejha.
Iż-żewġ metodi jagħmlu sens.
L-għan mhux li tintrabat man-niket b’mod indefinit. Imma li tirrikonoxxi li xi ħaġa ta’ importanza liema bħala seħħet u ta’ min jirrikonoxxiha b’liema mod taħseb li hu l-aħjar għalik.
Meta tħares ‘il quddiem mhux l-istess bħal meta tinsa
Forsi waħda mill-aktar messaġġi diffiċli wara korriment hija l-aspettattiva li inti għandek tibqa’ għaddejja fil-ħajja tiegħek.
Imma l-fejqan mhux neċessarjament tfisser tinsa.
Inti tista’ tibda tgawdi l-ħajja mill-ġdid u xorta waħda tħoss il-vojt tat-tarbija li tlift.
Inti taf tħossok fiduċjuż fuq tqala oħra imma xorta tħossok beżgħan.
Inti tista’ tidħak daħka mat-tfal tiegħek, tista’ tmur lura x-xogħol, tagħmel il-pjanijiet u jkollok mumenti fejn ġenwinament tkun ferħana waqt li xorta waħda tħoss id-dwejjaq ta’ dak li ġara.
Dawn l-esperjenzi ma jikkanċellawx lil xulxin.
Il-fejqan ma tħassarx it-telfa. Hija mezz kif tista’ tgħix b’dak kollu li ġara waqt li bil-mod il-mod tagħmel spazju biex il-ħajja tkompli.
U m’hemmx xi pjan fiss ta’ kif dan jista’ jsir.
Meta huwa l-mument li titlob l-għajnuna?
M’hemmx bżonn tilħaq xi livell partikolari ta’ sofferenza biex inti titlob għajnuna psikoloġika.
Inti tista’ tibbenefika minn għajnuna professjonali jekk in-niket jibqa’ jippersisti, meta l-anzjeta’ taffettwa l-ħajja ta’ kuljum, meta tħossok qed tinqata’ għalik aktar u aktar, meta qed tesperjenza memorji li jikkawżaw stress u jaffetwawk ħafna, meta hemm wisq impatt fuq ir-relazzjonijiet tiegħek, jew tibda tkun wisq diffiċli tikkontrolla s-sens ta’ ħtija. L-appoġġ jista’ jkun partikolarment ta’ għajnuna waqt tqala oħra, meta t-tama u l-biża’ jistgħu jkunu biswit xulxin.
It-terapija tista’ tipprovdi xi ħaġa li ħbieb b’intenzjoni tajba u membri tal-familja, xi kultant ma jistgħux; post fejn inti m’għandekx għalfejn iċċekken in-niket biex ħaddieħor ikun aktar komdu.
Inti tista’ titkellem fuq it-tqala, it-tarbija, ir-rabja, is-sens ta’ ħtija, ir-relazzjoni tiegħek, il-biżgħat tiegħek li terġa’ tipprova tinqabat – jew id-deċiżjoni tiegħek li ma tinqabadx.
Inti tista’ tkun fil-post eżatt fejn qiegħed.
In-niket m’għandux għalfejn jiġi ġustifikat
M’hemmx mod korrett ta’ kif tesprimi n-niket meta titlef tarbija.
Inti m’għandekx għalfejn tipprova li t-telfa kienet sinifikanti biżżejjed għalik.
M’għandekx għalfejn tqabbel l-esperjenza tiegħek ma’ ta’ xi ħaddieħor.
M’għandekx għalfejn tkun grat għall-possibilta’ li terġa’ tipprova.
M’għandekx għalfejn tesprimi n-niket bl-istess mod li s-sieħeb tiegħek qed jesprimih.
U inti m’għandekx għalfejn tinsa dak li għaddejt minnu sabiex tfiq.
Forsi l-aktar ħaġa importanti hija li tħalli lilek innifsek tirrikonoxxi r-realta’ ta’ dak li għaddejja minnu.
Xi ħaġa importanti seħħet. Jiena tlift xi ħadd li tant xtaqt. Affetwatni. U jien għandi dritt nieħu l-ħin tiegħi biex insib il-mod kif nimxi ‘l quddiem.
Xi kultant il-fejqan jibda mhux meta jisparixxi n-niket, imma meta ma nħossux il-bżonn li naħbu dak li qed inħossu.
Jekk qed tagħti appoġġ lil xi ħadd li għadda minn korriment
M’għandekx għalfejn issib il-kliem perfetti
M’għandekx għalfejn tispjega għala din ġrat jew tassiguraha li ser ikollha tqala oħra.
Minflok, tista’ tisma’
Tista’ tgħid:
“Jiena qegħda hawn jekk għandek bżonn titkellem”
“Jien naf li ma nistax insolvi dak li għaddejja minnu, imma nista’ npoġġi miegħek waqt li qegħda fiha.”
“Għidli x’għandek bżonn mingħandi.”
U forsi, aktar importanti minn hekk, ftakar li xi ħadd jista’ juri li qed ifendi filwaqt li għadu qed iġorr telfa sinifikanti ġo fih.
Xi kultant l-aktar ħaġa li toffri appoġġ hija sempliċiment li tirrikonoxxi li t-telfa fissret ħafna għalik.
Jekk inti jew xi ħadd li taf qed isibha diffiċli jfendi wara korriment jew telfa ta’ tqala, tajjeb li titkellem ma’ professjonist kwalifikat fis-saħħa mentali għaliex dan jaf ikun post sigur u spazju ta’ appoġġ biex wieħed jipproċessa din l-esperjenza. Tista’ tikkuntatja lit-tim tas-saħħa mentali relatat mat-tqala (Perinatal Mental Health) li jinsab f’Mater Dei kif ukoll lit-Trobbija Pożittiva Malta.

Charlene
Clinical Psychologist and Family Therapist Clinical Supervisor


