L-Irwol tal-missier fil-bidu tal-ħajja tal-familja: Għaliex il-familja tissaħħaħ jekk il-missirijiet jiġu ssapportjati

Jun 25, 2026

Riċentement kont mistiedna bħala kelliema, biex nagħmel taħdita mal-ġenituri bħala parti minn serje ta’ seminars fuq il-perjodu madwar it-twelid tat-tarbija u l-allejanza tas-saħħa mentali fl-infanzja fuq L-Irwol tal-missirijiet fil-bidu tal-ħajja tal-familja: Nissapportjaw il-benesseri tal-missirijiet għall-familji aktar b’saħħithom.  Id-diskussjoni iffukat fuq l-importanza reali li qed tkun aktar rikonoxxuta kemm fil-klinika kif ukoll fir-riċerka: il-missirjiet mhumiex sempliċiment ‘għajnuniet’ (par idejn) fil-ħajja tal-familja, imma huma parti essenzjali fejn tidħol ir-rabta emozzjonali u għaldaqstant il-benesseri emozzjonali tagħhom issawwar is-saħħa tal-familja kollha. 

Bħala psikologa klinika u terapista tal-familja, jiena ta’ sikwit niltaqa’ ma’ missirijiet li ġenwinament jixtiequ jkunu emozzjonalment preżenti għat-tfal imma jbatu mill-inċertezza, pressjoni, eżawriment u toqol tal-aspettattivi.  Ħafna jesprimu r-rieda li ‘jkunu aħjar’ mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, imma m’humiex ċerti kif il-missirijiet moderni għandhom ikunu.

Għal ħafna rġiel, il-paternita’ iġġib magħha taħlita ta’ hena, imħabba, biża’, niket, protezzjoni, vulnerabilita’, u ċertu tgħabija, kollha mħallta f’daqqa.  Dawn l-emozzjonijiet huma normali.  Li ssir missier tinvolvi bidla radikali fl-identita’.  L-irġiel jistgħu jħossu pressjoni biex jipprovdu finanzjarjament filwaqt li jkunu aktar preżenti emozzjonalment id-dar.  Huma jafu jsibuha diffiċli jibbilanċjaw ix-xogħol, l-għotja tal-kura, il-ħajja ta’ koppja, in-nuqqas ta’ rqad u l-pressjonijiet emozzjonali li ġġib magħha l-paternita’. 

Dak li ħafna drabi ma nitkellmux fuqha hija li l-missirjiet ukoll għandhom bżonn is-sapport.

Ir-riċerka turi li l-missirijiet jesperjenzaw bidliet emozzjonali u bioloġiċi sinifikanti wara t-twelid ta’ tarbija.  L-istudji juri bidliet fl-imħuħ u fl-ormoni tal-irġiel li jissapportjaw l-għotja tal-kura, ir-rabta, l-empatija, u r-rispons emozzjonali.  Aktar ma l-missirijiet ikunu involuti fit-trobbija permezz ta’ tmigħ, ikkalmar, kuntatt fiżiku, logħob u konnessjoni emozzjonali, aktar isiru b’saħħithom it-traġitti tal-kura.  

Fi kliem ieħor, il-paternita’ mhix biss rwol soċjali; imma hija transformazzjoni fil-fond tal-umanita’ u l-bioloġija.

It-tfal jibbenefikaw immensament minn missirijiet li huma marbuta emozzjonalment mal-ulied.  Id-disponibbilita’ emozzjonali tal-missirijiet tikkontribwixxi għall-intelliġenza emozzjonali tat-tfal, il-kunfidenza fihom infushom, ir-reżiljenza, il-kunfidenza soċjali, u r-relazzjonijiet futuri.  It-tfal jitgħallmu mhux biss minn dak li l-missirijiet jgħidu, imma kif il-missirijiet jirreaġixxu għall-istress, jimmaniġjaw l-emozzjonijiet, jirreparaw il-kunflitti u jikkonnetjaw emozzjonalment ma’ oħrajn. 

Waħda mill-aktar affarijiet b’saħħithom li missier jista’ joffri lit-tfal hija r-rispons emozzjonali, li jinnota kif qed iħossuhom, li jisma’ mingħajr ma jiġġudikaw, li jivvalida l-emozzjonijiet u li jgħin lit-tfal iħossuhom siguri meta jkunu taħt pressjoni.  It-tfal m’għandhomx bżonn missirijiet perfetti.  Għandhom bżonn missirijiet li jibqgħu emozzjonalment preżenti, li kapaċi isewwu l-iżbalji, jerġgħu jibnu relazzjoni wara kunflitt u li jibqgħu jippruvaw. 

Din hija partikolarment importanti għas-subiex, li ħafna drabi għadhom esposti għall-messaġġi li jagħmlu l-ħsara bħal ‘is-subien ma jibkux’ jew ‘kun sod, iċċediex’.  Is-subien, emozzjonalment, għandhom bżonn missirijiet li huma lesti li juru l-vulnerabilita’ tagħhom u l-espressjoni tal-emozzjonijiet huma sinjali ta’ saħħa mhux djufija.  Il-bniet, ukoll, huma influwenzati ħafna minn kemm il-missirijiet huma emozzjonalment attenti, u din ħafna drabi taffettwa l-evalwazzjoni tagħhom infushom, il-kunfidenza, u l-aspettattivi tagħhom ta’ relazzjonijiet futuri.

Asspett ieħor important tal-paternita’ hija l-logħob. Il-missirijiet ħafna drabi jikkonettjaw permezz ta’ logħob fiżiku, inkejja, eċitament u avventura.  Meta l-logħob goff u fiżiku ikun san jista’ jgħallem lit-tfal jirregolaw l-emozzjonijiet, il-kontroll fuqhom infushom, il-konfini soċjali, il-kooperazzjoni, u r-reżiljenza, sakemm il-logħob jibqa’ sigur, mibni fuq rispett u jirrifletti s-sinjali li jibagħtu t-tfal.

Fl-istess ħin ma nistgħux nitkellmu fuq l-involviment tal-missirijiet mingħajr ma nitkellmu fuq is-saħħa mentali tagħhom.

L-anzjeta’ fil-missirijiet u d-dipressjoni huma aktar komuni milli wieħed jaħseb.  Il-missirijiet jistgħu jesperjenzaw iżolament emozzjonali, irritabilita’, għejja sfrenata, eżawriment, u sensazzjoni ta’ inadekwatezza waqt il-perjodu ta’ wara t-twelid tat-tarbija.  Pero’, ħafna rġiel idumu jaħsbuha biex ifittxu l-għajnuna minħabba l-mistħija, biża’ li jidhru dgħajfa jew minħabba l-aspettattivi kulturali madwar il-maskulinita’.

Xi kultant, id-distress emozzjonali fil-missirijiet jimmanifesta ruħu b’mod differenti milli naħsbu.  Minflok fi dwejjaq, id-distress jimmanifesta ruħu f’rabja, f’iżolament, f’xogħol eċċessiv, f’irtirar emozzjonali jew f’għaġir li jkun ta’ detriment għas-saħħa.  Nuqqas ta’ rqad, stress finanzjarju, relazzjonijiet stressanti, aspettazzjonijiet irreali, u sensazzjoni li int waħdek, dawn kollha jistgħu jwaslu għall-aktar vulnerabilitajiet.

Meta l-missirijiet isibuha diffiċli ikampaw emozzjonalment, l-impatt tinħass fis-sistema tal-familja kollha.  Il-missirijiet ħafna drabi jgħinu biex ifasslu l-klima emozzjonali tad-dar.  Tensjoni emozzjonali, kunflitti li mhux riżolti, u stress kroniku jaffettwa mhux biss is-sieħba tagħhom, imma anke t-trabi u t-tfal.  Tfal żgħar, b’mod partikolari, jesperjenzaw is-sigurta’ permezz ta’ ton emozzjonali, ġesti u relazzjonijiet, ferm qabel ma jkunu qed jifhmu l-kliem fis-sens projpju tagħhom.

Għaldaqstant, hija importanti li nissapportjaw lill-missirijiet mhux bħala xi ħaġa separata mis-sapport li noffru lill-ommijiet u t-tfal imma bħala parti minn dak l-istess xogħol.

Sapport b’saħħtu għall-missirijiet isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-koppji, inaqqas l-istress matern u jippromwovi familji li jiffunzjonaw b’mod san, u jikkontribwixxi għal aktar riżultati tajbin għat-tfal.  Familji sani mhumiex familji mingħajr kunflitti; huma familji li jirkupraw, li joffru sigurta’ fl-emozzjonijiet tagħhom, iżommu lil xulxin responsabbli, u jagħtu importanza għall-konnessjoni bejniethom.

Forsi waħda mill-aktar affarijiet important li ġenituri ġodda għandhom jiftakkru hija din: il-preżenza hija aktar imporanti mill-perfezzjoni.

Ftit mumenti ta’ kuljum għandhom importanza liema bħala.  Li żżomm it-tarbija, li tirrispondi b’mod kalm meta tibki, li tissapportja s-sieħba emozzjonalment, li tkanta waqt li traqqad it-tarbija, li tisma’ l-emozzjonijiet tat-tfal, li tiskuża ruħek meta tieħu xi żbalji; dawn l-interazzjonijiet ordinarji jibnu fiduċja, wens, rabta u sigurta’ emozzjonali maż-żmien.

It-trobbija qatt ma kienet maħsuba li sseħħ minn persuna waħda.  Il-missirijiet ħaqqhom spazju fejn jistgħu jirriflettu, jistaqsu għall-għajnuna, jesprimu djufija, u jħossuhom issapportjati emozzjonalment fit-tranżizzjoni lejn it-trobbija tal-ulied.  Meta l-missirijiet huma emozzjonalment tajbin u f’għaqda, it-tfal, is-sieħba tagħhom u l-familji jibbenefikaw profondament.

Billi nissapportjaw lill-missirijiet, nkunu qed insaħħu l-familji minn ġewwa għal barra.

Charlene

Charlene

Clinical Psychologist and Family Therapist Clinical Supervisor

Aktar Qari

Clarissa Sammut Scerri

Tista’ ttina introduzzjoni tiegħek nnifsek?
Jiena Dr. Clarissa Sammut Scerri, Senior Lecturer l-Università fid-dipartiment ta’ l-istudji tat-tfal u tal-familja, Counseling Psychologist u family therapist.

Parenting_Banner

Ikkuntattjana

Għandek mistoqsija? Ikkuntattjana issa… aħna nistgħu ngħinu!