Riċentement kont mistiedna bħala kelliema, biex nagħmel taħdita mal-ġenituri bħala parti minn serje ta’ seminars fuq il-perjodu madwar it-twelid tat-tarbija u l-allejanza tas-saħħa mentali fl-infanzja fuq L-Irwol tal-missirijiet fil-bidu tal-ħajja tal-familja: Nissapportjaw il-benesseri tal-missirijiet għall-familji aktar b’saħħithom. Id-diskussjoni iffukat fuq l-importanza reali li qed tkun aktar rikonoxxuta kemm fil-klinika kif ukoll fir-riċerka: il-missirjiet mhumiex sempliċiment ‘għajnuniet’ (par idejn) fil-ħajja tal-familja, imma huma parti essenzjali fejn tidħol ir-rabta emozzjonali u għaldaqstant il-benesseri emozzjonali tagħhom issawwar is-saħħa tal-familja kollha.
Bħala psikologa klinika u terapista tal-familja, jiena ta’ sikwit niltaqa’ ma’ missirijiet li ġenwinament jixtiequ jkunu emozzjonalment preżenti għat-tfal imma jbatu mill-inċertezza, pressjoni, eżawriment u toqol tal-aspettattivi. Ħafna jesprimu r-rieda li ‘jkunu aħjar’ mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, imma m’humiex ċerti kif il-missirijiet moderni għandhom ikunu.
Għal ħafna rġiel, il-paternita’ iġġib magħha taħlita ta’ hena, imħabba, biża’, niket, protezzjoni, vulnerabilita’, u ċertu tgħabija, kollha mħallta f’daqqa. Dawn l-emozzjonijiet huma normali. Li ssir missier tinvolvi bidla radikali fl-identita’. L-irġiel jistgħu jħossu pressjoni biex jipprovdu finanzjarjament filwaqt li jkunu aktar preżenti emozzjonalment id-dar. Huma jafu jsibuha diffiċli jibbilanċjaw ix-xogħol, l-għotja tal-kura, il-ħajja ta’ koppja, in-nuqqas ta’ rqad u l-pressjonijiet emozzjonali li ġġib magħha l-paternita’.
Dak li ħafna drabi ma nitkellmux fuqha hija li l-missirjiet ukoll għandhom bżonn is-sapport.
Ir-riċerka turi li l-missirijiet jesperjenzaw bidliet emozzjonali u bioloġiċi sinifikanti wara t-twelid ta’ tarbija. L-istudji juri bidliet fl-imħuħ u fl-ormoni tal-irġiel li jissapportjaw l-għotja tal-kura, ir-rabta, l-empatija, u r-rispons emozzjonali. Aktar ma l-missirijiet ikunu involuti fit-trobbija permezz ta’ tmigħ, ikkalmar, kuntatt fiżiku, logħob u konnessjoni emozzjonali, aktar isiru b’saħħithom it-traġitti tal-kura.
Fi kliem ieħor, il-paternita’ mhix biss rwol soċjali; imma hija transformazzjoni fil-fond tal-umanita’ u l-bioloġija.
It-tfal jibbenefikaw immensament minn missirijiet li huma marbuta emozzjonalment mal-ulied. Id-disponibbilita’ emozzjonali tal-missirijiet tikkontribwixxi għall-intelliġenza emozzjonali tat-tfal, il-kunfidenza fihom infushom, ir-reżiljenza, il-kunfidenza soċjali, u r-relazzjonijiet futuri. It-tfal jitgħallmu mhux biss minn dak li l-missirijiet jgħidu, imma kif il-missirijiet jirreaġixxu għall-istress, jimmaniġjaw l-emozzjonijiet, jirreparaw il-kunflitti u jikkonnetjaw emozzjonalment ma’ oħrajn.
Waħda mill-aktar affarijiet b’saħħithom li missier jista’ joffri lit-tfal hija r-rispons emozzjonali, li jinnota kif qed iħossuhom, li jisma’ mingħajr ma jiġġudikaw, li jivvalida l-emozzjonijiet u li jgħin lit-tfal iħossuhom siguri meta jkunu taħt pressjoni. It-tfal m’għandhomx bżonn missirijiet perfetti. Għandhom bżonn missirijiet li jibqgħu emozzjonalment preżenti, li kapaċi isewwu l-iżbalji, jerġgħu jibnu relazzjoni wara kunflitt u li jibqgħu jippruvaw.
Din hija partikolarment importanti għas-subiex, li ħafna drabi għadhom esposti għall-messaġġi li jagħmlu l-ħsara bħal ‘is-subien ma jibkux’ jew ‘kun sod, iċċediex’. Is-subien, emozzjonalment, għandhom bżonn missirijiet li huma lesti li juru l-vulnerabilita’ tagħhom u l-espressjoni tal-emozzjonijiet huma sinjali ta’ saħħa mhux djufija. Il-bniet, ukoll, huma influwenzati ħafna minn kemm il-missirijiet huma emozzjonalment attenti, u din ħafna drabi taffettwa l-evalwazzjoni tagħhom infushom, il-kunfidenza, u l-aspettattivi tagħhom ta’ relazzjonijiet futuri.
Asspett ieħor important tal-paternita’ hija l-logħob. Il-missirijiet ħafna drabi jikkonettjaw permezz ta’ logħob fiżiku, inkejja, eċitament u avventura. Meta l-logħob goff u fiżiku ikun san jista’ jgħallem lit-tfal jirregolaw l-emozzjonijiet, il-kontroll fuqhom infushom, il-konfini soċjali, il-kooperazzjoni, u r-reżiljenza, sakemm il-logħob jibqa’ sigur, mibni fuq rispett u jirrifletti s-sinjali li jibagħtu t-tfal.
Fl-istess ħin ma nistgħux nitkellmu fuq l-involviment tal-missirijiet mingħajr ma nitkellmu fuq is-saħħa mentali tagħhom.
L-anzjeta’ fil-missirijiet u d-dipressjoni huma aktar komuni milli wieħed jaħseb. Il-missirijiet jistgħu jesperjenzaw iżolament emozzjonali, irritabilita’, għejja sfrenata, eżawriment, u sensazzjoni ta’ inadekwatezza waqt il-perjodu ta’ wara t-twelid tat-tarbija. Pero’, ħafna rġiel idumu jaħsbuha biex ifittxu l-għajnuna minħabba l-mistħija, biża’ li jidhru dgħajfa jew minħabba l-aspettattivi kulturali madwar il-maskulinita’.
Xi kultant, id-distress emozzjonali fil-missirijiet jimmanifesta ruħu b’mod differenti milli naħsbu. Minflok fi dwejjaq, id-distress jimmanifesta ruħu f’rabja, f’iżolament, f’xogħol eċċessiv, f’irtirar emozzjonali jew f’għaġir li jkun ta’ detriment għas-saħħa. Nuqqas ta’ rqad, stress finanzjarju, relazzjonijiet stressanti, aspettazzjonijiet irreali, u sensazzjoni li int waħdek, dawn kollha jistgħu jwaslu għall-aktar vulnerabilitajiet.
Meta l-missirijiet isibuha diffiċli ikampaw emozzjonalment, l-impatt tinħass fis-sistema tal-familja kollha. Il-missirijiet ħafna drabi jgħinu biex ifasslu l-klima emozzjonali tad-dar. Tensjoni emozzjonali, kunflitti li mhux riżolti, u stress kroniku jaffettwa mhux biss is-sieħba tagħhom, imma anke t-trabi u t-tfal. Tfal żgħar, b’mod partikolari, jesperjenzaw is-sigurta’ permezz ta’ ton emozzjonali, ġesti u relazzjonijiet, ferm qabel ma jkunu qed jifhmu l-kliem fis-sens projpju tagħhom.
Għaldaqstant, hija importanti li nissapportjaw lill-missirijiet mhux bħala xi ħaġa separata mis-sapport li noffru lill-ommijiet u t-tfal imma bħala parti minn dak l-istess xogħol.
Sapport b’saħħtu għall-missirijiet isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-koppji, inaqqas l-istress matern u jippromwovi familji li jiffunzjonaw b’mod san, u jikkontribwixxi għal aktar riżultati tajbin għat-tfal. Familji sani mhumiex familji mingħajr kunflitti; huma familji li jirkupraw, li joffru sigurta’ fl-emozzjonijiet tagħhom, iżommu lil xulxin responsabbli, u jagħtu importanza għall-konnessjoni bejniethom.
Forsi waħda mill-aktar affarijiet important li ġenituri ġodda għandhom jiftakkru hija din: il-preżenza hija aktar imporanti mill-perfezzjoni.
Ftit mumenti ta’ kuljum għandhom importanza liema bħala. Li żżomm it-tarbija, li tirrispondi b’mod kalm meta tibki, li tissapportja s-sieħba emozzjonalment, li tkanta waqt li traqqad it-tarbija, li tisma’ l-emozzjonijiet tat-tfal, li tiskuża ruħek meta tieħu xi żbalji; dawn l-interazzjonijiet ordinarji jibnu fiduċja, wens, rabta u sigurta’ emozzjonali maż-żmien.
It-trobbija qatt ma kienet maħsuba li sseħħ minn persuna waħda. Il-missirijiet ħaqqhom spazju fejn jistgħu jirriflettu, jistaqsu għall-għajnuna, jesprimu djufija, u jħossuhom issapportjati emozzjonalment fit-tranżizzjoni lejn it-trobbija tal-ulied. Meta l-missirijiet huma emozzjonalment tajbin u f’għaqda, it-tfal, is-sieħba tagħhom u l-familji jibbenefikaw profondament.
Billi nissapportjaw lill-missirijiet, nkunu qed insaħħu l-familji minn ġewwa għal barra.

Charlene
Clinical Psychologist and Family Therapist Clinical Supervisor


